Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1495663
11 analiżi illum • IL-ĦADD 26 TA' MARZU 2023 pajjiżna: 24 sena mill-qtil tal- (9) mlaqqma bħala 'Tal-Bullets'. Il-prosekuzzjoni argumentat illi Carter kien lest li jpattihielu talli naqas milli jipproteġih u dan seta' jkun possibbli b'xi arma provduta minn Tal-Bullets. Jumejn qabel id-delitt, insterqet Toyota griża mill-Belt Valletta. Carter saq il-vettura misruqa minn Triq San Pietru għal Triq Mater Boni Consilli fil-Fgura, b'persuna fin-naħa tal-passiġġier li kienet aramata bis-senter, bil-balaklavi u bl-ingwanti. Minn hemm huwa saq lejn ir- residenza tal-familja Farrugia li kienet tinsab fi Triq Neolitiċi Ħal Tarxien, ipparkja u qagħdu jistennew. Kien biss 10 minuti wara li tfaċċa Mark u nqatel. Waqt il-ġuri xehed l-Ispettur Mario Bonnici li spjega dwar is-suspett li kellha l-Pulizija dwar Carter. Meta dan ġie interrogat mill-Assistent Kummissarju John Rizzo, Bonnici qal li kien arroganti, tant li beda jipprova jiddieħaq bih. Min hu l-imsemmi Tal- Bullets? "Mhux se ngħid min hu għax nibża' minnu. Il-Pulizija taf min hu." Hekk qal Carter. L-identità ta' din il-persuna baqgħet mistura sa llum u minkejja l-insistenza tal-Pulizija u tal-Qorti, Carter qatt ma kixef min hu. Fuq dan l-istess punt ħuh, Martin Carter, xehed li meta mar il-Kwartieri Ġenerali biex jirritorna tagħmir u dokumenti ta' ħuh, Rizzo qallu li Etienne kien tifel sew "imma li kien miegħu dakinhar tad-delitt kien kapaċi jispara fuq uniformi ġo spalliera." Rizzo ċaħad li qatt qal dan id-diskors Qal li Tal-Bullets beda jikkonviċih biex ipattiha lil Mark, għalkemm huwa ċaħad li qatt ma ried jasal li joqtlu iżda li jagħtih tbeżbiża biss. Punt interessanti huwa li skont ix-xhieda ta' Rizzo, meta ġie arrestat Carter qal "lili arrestajtu? Ma kellkomx lil min tiġbru fuq il-qtil ta' Mark Farrugia?" Carter xehed illi huwa beda jsuq il-karozza u Tal-Bullets, meta ra lil Mark miexi, tah daqqa fuq koxxtejh u qallu biex isuq. Qal li f 'dak il-ħin huwa kien miexi fuq struzzjonijiet tiegħu, ma kienx jaf x'inhu jiġri u kien qisu robot. "Kont qiegħed nagħmel dak li jgħidli hu biss. Xgħelt il-karozza u soqt, iżda kif soqt it ieħor, qalli biex nieqaf. Dak il-ħin kont beżgħan u eċitat ħafna, tant li qas biss kelli saħħa nagħfas il-pedala u l-karozza baqgħet miexja. Tal Bullets ħareġ l-arma, għamilha quddiem wiċċi u spara tir. Wara morna u ħraqna l-karozza," qal Carter. Huwa qal illi kien qiegħed jagħmila ma' klikka ta' nies u li kellu ċertu biża' lejhom għaliex kienu jiaħru li wettqu xi delitti. Sostna li kien jirċievi theddid għal ħajtu u dik ta' familtu u beda jipprova jiskansahom. Tant hu hekk illi xehed li xtaq isiefer għal żmien twil. Minkejja l-insistenza tiegħu li l-klikka, inkluż Tal-Bullets, kellhom il-mottiv li joqtlu lil Mark qal li ma kienx jaf x'kien il-mottiv. Qal iżda li Tal-Bullets kellu mibgħeda partikolari lejn il-pulizija u saħansitra sostna li d-dehra tal-uniformi tal-Pulizija wkoll kienet iddejqu. Huwa qal li qatt ma kellu l-intenzjoni li jpattiha lil Mark, għalkemm kien irrabjat lejh. Fil-fatt qal li huwa prova jfixkel il-pjan biex jinqatel. Qal li qabel ma seħħ id-delitt kellu biża' kbira li l-arma tad-delitt setgħet tintuża fuqu u li ma ħarabx għaliex beża' li Tal-Bullets kien se jpattiehilu. Stqarr li ried li jisparaw biss lejn il-bieb u mhux li joqtluh. Il-Qorti staqsiet ukoll jekk dan Tal-Bullets kienx raġel ħaj jew mejjet u għal dan, għal darb' oħra, qal li kien qiegħed jibża' jwieġeb. Xehdu wkoll tliet psikjatri li eżaminaw l-istat mentali ta' Carter u sostnew li ma kienx isofri minn xi forma ta' mard mentali li jċaħħdu milli jagħraf in-natura jew il-kwalità tal-att imwettaq. Madankollu irrimarkaw ukoll li fix-xhur ta' qabel ma seħħ id-delitt kien taħt influwenza u pressjoni minn ċertu nies li setgħu kellhom effett negattiv fuq l-istat mentali tiegħu. Huma indikaw ukoll li Carter kellu sintomi ta' dipressjoni, ansjetà u biża' u li dawn setgħu jinfluwenzaw il- libertà tal-għażla tiegħu. Mary Carter, omm l-akkużat kienet l-aħħar persuna li xehdet fil-ġuri. Hija qalet li darba semmiet isem lil binha u li meta għamlet dan beda jirrabja magħha u qalilha biex ma terġax issemmih għax kien jasal joqtolha. Minkejja d-domandi tal- prosekuzzjoni dwar min hu dan il-persuna, hija qalet li ma setgħetx tikxef min hu dan għax kellha tifel ta' 12-il sena li kien għadu jgħix magħha. Madankollu offriet li tgħaddi l-isem lill- Imħallef. X'kien il-verdett? Intant fl-indirizz tiegħu l-prosekutur għamel refernza għal numru ta' affarjiet li ntqalu waqt il-ġuri u sostna li l-allegazzjoni ta' Carter li Tal-Bullets kien wettaq id-delitt "kienet invenzjoni jew immaġinazzjoni tal-akkużat li beda tassew jemmen fiha u li dan kien frott it-toqol tal-kuxjenza tiegħu." Min-naħa tiegħu l-Avukat Difensur irribatta li "l-akkużat la kien awtur tad-delitt, la kien koawtur u lanqas kompliċi skont il-liġi fil-qtil ta' Mark." Sostna wkoll li l-Pulizija għamlet żball li abbandunat l-investigazzjonijiet dwar il-każ u straħu fuq dak li qal Etienne Carter. Qal li l-pulizija kellha d-dover li tkompli tinvestiga biex issir taf min kienet it-tieni persuna involuta fil-qtil "u mhux riedu jsiru jafu min kienet mingħand l-akkużat." Huwa għamel referenza wkoll għal Tal-Bullets u qal li kien bniedem mauż u li uża tifel immatur fi ħdan il-Korp. Fl-aħħar, wara sitt sigħat ta' deliberazzjoni, il-ġurati sabuh ħati. Bi tmien voti kontra wieħed huwa nstab ħati tal-qtil, b'vot unanimu nstab ħati li laqa' għandu karozza misruqa, li kien kompliċi tal-ħsara li saret lill- karozza u li kellu arma tan-nar jew munizzjon mingħajr permess. Apparti minn hekk bi tmien voti kontra wieħed, il-ġurati talbu wkoll il-ħniena fis-sentenza. Għaldaqstant l-Imħallef Vella, b'konsiderazzjoni tal-punti mqajjma waqt il-ġuri ikkundannat lil Etienne Carter għal 22 sena ħabs. Madankollu rapporti tal-midja jgħidu illi Carter ġie rilaxxat wara 14-il sena, jiġifieri fl-2013. L-informazzjoni biex inkiteb dan l-artiklu ittieħdet mill-ktieb ta' Eddiet Attard u rappurtaġġ tal-Kmamar tal-Aħbarjiet. Omm u missier Mark mal-Kummissarju Angelo Gafà f 'għeluq il-24 sena mill-mewt tiegħu Il-Mafkar ta' Mark Farrugia f 'Ħal Tarxien