Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1502122
04 aħbarijiet IL-ĦADD 25 TA' ĠUNJU 2023 • illum 'Għalxejn iddaħħlu r-regolament fil-kostruzzjoni jekk ma jiġux implimentati sew' - ADPD "Li jiddaħħlu regolamenti ġodda fl-industrija tal-kostruzzjoni ma jiswa xejn jekk dawn ma jiġux implimentati kif imiss." Hekk sostnew il-kelliema ta' ADPD- e Green Party f 'konferenza tal-aħbarijiet dwar l-industrija tal-kostruzzjoni dalgħodu quddiem Kastilja.Tennew illi s-sorveljanza kontinwa min-naħa tal-awtoritajiet hi essenzjali, "għax mingħajrha r-riformi li saru u li għad iridu jsiru, ma jiswewx il-karta li huma stampati fuqha." Il-kelliem ta' ADPD, Mark Zerafa qal li bejn l-2010 u 2022, seħħew 49 inċident li fihom ħaddiema tilfu ħajjithom u ħames każi biss ġew konklużi mill- Qorti. Sostna li f '10 każijiet, il- Qorti iddeċidiet li ħadd ma seta' jinżamm responsabbli u 24 każ għadhom pendenti. "Fi 23 sena, ebda perit ma sofra konsegwenza tan-nuqqasijiet fis-siti ta' kostruzzjoni, anke meta dawn instabu ħatja mill-Qorti," kompla Zerafa. Zerafa sostna li hemm bżonn ukoll li l-industrija tal- kostruzzjoni ma tkomplix tisfrutta lill-vulnerabbli. Fakkar li s-sena l-oħra kellna tmien inċidenti fatali fuq siti ta' kostruzzjoni. "Hija kumbinazzjoni li erba' vittmi mit-tmienja kienu cittadini ta' pajjiżi mhux membri fl-Unjoni Ewropea?" staqsa l-kelliem. Iċ-Chairperson ta' ADPD Sandra Gauci irreferiet għal dak li kien qal il-President tal-Kamra tal-Periti, is-Sur Andre' Pizzuto, meta esprima d-diżappunt tiegħu li l-industrija tal-kostruzzjoni mhix regolata kif meħtieġ, minkejja l-isforzi tagħhom sabiex jitwettqu miżuri addattati. Huwa kien wissa' li l-għodda legali u amministrattiva sabiex din l-industrija tiġi kontrollata b'mod xieraq ma teżistix. Imma li jiddaħħlu regolamenti ġodda ma jiswa xejn jekk dawn ma jiġux implimentati kif imiss. "Hemm bżonn li nkunu proattivi. Ebda permess għal xogħol ta' kostruzzjoni ma għandu jinħareġ qabel ma jkun hemm ċertezza li r-regolamenti ta' sigurtà huma mħarsa. Site managers għandhom jirċievu taħriġ addattat u għandhom jitwettqu spezzjonijiet għall- għarrieda u li dwarhom titteħed azzjoni fil-pront. Hemm bżonn li l-multi jiħraxu għal kuntratturi li bi traskuraġni jew għaliex ma jimpurtahomx ma jħarsux is- sigurtà tal-ħaddiema tagħhom. Ma nistgħux nibqgħu b'idejna fuq żaqqna waqt li l-lista ta' traġedji tkompli titwal. Ma nistgħux nibqgħu inxerrdu dmugħ tal- kukkudrilli wara li sseħħ traġedja li wara it tintesa, qisu xejn m'hu xejn!" sostniet Gauci. Filwaqt li jħeġġu lill-Prim Ministru biex ipoġġi l-ġustizzja qabel l-interessi ta' kull industrija u l-profitti, sellmu l-memorja ta' Jean Paul Sofia u esprimew it- tama li l-familjari u ħbieb tiegħu isibu s-serħan tal-qalb kif tassew jistħoqqilhom. Fl-aħħar qalu li l-Qorti għandha tipproċedi bla dewmien kontra kuntratturi u żviluppaturi li jpoġġu l-profitt qabel is-sigurtà tal-ħaddiema tagħhom. "Mhux aċċettabbli li każijiet bħal dawn idumu jkaxkru snin. Hemm bżonn infurzar effettiv fil-qasam tal-industrija tal-kostruzzjoni biex iservi ta' deterrent qawwi għal min lest li jabbuża. Ma nistgħux inkomplu nissagrifikaw ħajjiet fuq l-artal tal-flus u l-profitti", temmet tgħid Gauci.