Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1511355
opinjoni 12 analiżi kultura IL-ĦADD 12 TA' NOVEMBRU 2023 • illum Dan l-artiklu inkiteb bis-sostenn tal-Kunsill Malti għall-Arti Victoria Agius ittella' wirja tal-arti 'pajsaġġi' fil-Mużew ta' Wignacourt Il-Ġimgħa 3 ta' Novembru, l-artista u għalliema lokali Victoria Agius fetħet l-ewwel wirja tagħha b'xogħlijiet tagħha biss bl-isem ta' 'pajsaġġi' fil- Mużew Wignacourt fir-Rabat. Għall-pitturi ta' pajsaġġi li huma maħduma biż-żejt fuq it-tila, Victoria tapplika l-metodu taż-żejt biex tesperimenta, tirrekordja, u tidealizza x-xeni. Il-medju jagħti lil xogħlijietha sens ta' surrealiżmu u nostalġija. Il- pitturi huma bħal memorja mċajpra jew xi ħolma li tidwi fil-moħħ. Victoria kontinwament toħloq kuntrast bejn l-abjad kulur il-ġibs tal- mewġ, kif ukoll it-tonijiet isfar ġentili tal-ġebla tal-franka u l-irdum Malti, mat-tonijiet blu intensi tal-Mediterran. Il-pitturi joħorġu sens ta' solitudni trankwilla, li jittrasportaw lil dak li jkun f 'mumenti ta' skiet totali, fejn xejn ma jiċċaqlaq ħlief forsi l-kurrent tal- baħar. Il-ħila u l-personalità tal-artista huma riflessi fl-interpretazzjonijiet eterei ta' postijiet madwar Malta u Għawdex, li jidher b'mod ċar li għaliha għandhom valur għoli. Hi tidealizza l-Exiles, ix-xatt li dejjem iqanqal memorji tas-snin bikrin u l-adolexxenza tagħha, ispirata mill-baħar leqqien u l-blat safrani. Victoria tippreżenta perspettiva affaxxinanti tas-Salt Pans tal-Qbajjar f 'Għawdex, post għażiż fejn qattgħet għadd ta' mumenti speċjali mat-tfal żgħar tagħha Gordon u Theresa. Ir- rappreżentazzjoni ta' nżul ix-xemx fl- għabex tal-irdumijiet ta' Ħad-Dingli jfakkruha fix-xeni tant sbieħ qishom ħolm li kienet tara fil-mixjiet tagħha. Għalhekk, il-wirja hija kważi muntaġġ tal-passat muri mill-perspettiva tagħha. Madankollu, Victoria hija determinata li tuża xogħolha biex tgħallem. Bil-wirja 'pajsaġġi', hi għandha l-għan li tibni ħolqa kemm ma' dilettanti tal-arti, edukaturi, studenti, attivisti, konservazzjonisti, artisti bħalha, kif ukoll mal-pubbliku ġenerali. Bl-arti tagħha tixtieq ukoll tqajjem kuxjenza dwar ir- responsabbiltà tagħna li nipproteġu l-ambjent. Din il-wirja hija kkurata minn Caroline Tonna u appoġġjata minn P. Cutajar & Co. Ltd. Se tibqa' miftuħa fil-Mużew ta' Wignacourt fir-Rabat sas-26 ta' Novembru. Dawk interessati jistgħu jattendu bla ħlas, mit-Tnejn sal-Ħadd bejn id-9.30 am sal-4.15 pm.