Illum previous editions

ILLUM 12 November 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1511355

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 15

15 Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kotba IL-ĦADD 12 TA' NOVEMBRU 2023 • illum X'tagħmel kieku Santa Klaws ikun marid u hemm riskju li r-rigali ma jitqassmux? Jew jekk xi raġel ikrah jiddeċiedi li l-Milied ma jiġix? Elena Cardona taqra Is-Sinjura Klaws u Meta l-Milied Ma Ġiex biex issib ir-risposti. Milidijiet differenti Snin ilu meta Santa Klaws kien parti essenzjali mill-Milied tiegħi ta' tifla, kont ġejt dahri mal-ħajt x'ser niktiblu fl-ittra. Kienet sena mhux tas-soltu ⸺ ħassejt li ma kellix xi rigal partikolari li xtaqt niddobba. Bħal qisu kelli dak kollu li xtaqt jew kelli bżonn. Ommi aċċertatni li Santa Klaws ma kienx se jħallini b'xejn u li għandi nħalli f 'idejh għar-rigal. Sa ċertu punt l-antiċipazzjoni kienet ikbar. Min jaf x'kien ser iġibli Santa Klaws? U iktar importanti minn hekk: x'kien ħass li l-iktar għandi bżonn? Filgħodu kmieni fil-jum tal- Milied insib sett kotba marbuta b'żigarella. Kienu kotba dwar il-Milied. Minn dakinhar 'il quddiem baqgħet tradizzjoni li fi żmien il–Milied naqra kotba marbuta ma' din il- festa. Għalhekk, fl-artikli tiegħi li ġejjin ser inkun nintroduċikom ma' kotba diversi dwar il-Milied. Iż-żewġ kotba tal-lum huma tal-awtriċi Clare Azzopardi, maħsuba għal tfal minn seba' snin 'il fuq. Is-Sinjura Klaws hu l-iktar wieħed riċenti, stampat għall-ewwel darba fl- 2017 u mill-ġdid fl-2022, b'illustrazzjonijiet ta' Lisa Falzon. Min-naħa l-oħra, Meta l-Milied Ma Ġiex, illustrat minn Mark Scicluna, ġie mitbugħ fl-2008 u reġa' ħareġ għaxar snin wara. Dawn huma żewġ pubblikazzjonijiet ta' Merlin Publishers. Is-Sinjura Klaws hu dwar meta Santa Klaws marad it jiem qabel il-Milied u r-riħ li kellu ma seta' jgħaddilu b'xejn allavolja xorob "barmil misħun b'ħafna lumi, ħafna għasel, it kannella u koċċ ħwawar". X'se jiġri allura mir-rigali li jitqassmu f 'lejlet il-Milied? Santa Klaws se joħroġ iqassam ir-rigali minkejja li hu marid? Imma hekk mhux sew. Milied bla rigali jkun tad-dwejjaq għat-tfal u li Santa Klaws joħroġ ixerred il-mikrobi ma' kull dar li jmur fiha u jmarrad xeba' nies lanqas mhu tajjeb. Allura min ser isalva lejlet il-Milied? Aqbdu dan il- ktieb f 'idejkom jekk għelbitkom il-kurżità. Minbarra l-fatt li għoġbuni l-ismijiet tan-nebbiexa, fejn kull isem tan-nebbiexa hu oriġinali – Splengun tħit, waqt li Kejkijiet taħdem fid-Dipartiment tal-Ittri u d-Donazzjonijiet – hu għal qalbi ferm il- ġest nobbli tas-Sinjura Klaws. Hi tagħmel xi ħaġa differenti milli s-soltu mdorrijin biha. Minflok ma tagħti rigal lit-tifla li tixref mit-tieqa biex tistenna lil Santa Klaws ġej, is-Sinjura Klaws teħodha magħha għand in- nebbiexa biex tagħżel ir-rigal li tixtieq. Jispikka s-sens ta' altruiżmu f 'din l-istorja li Azzopardi jirnexxielha żżerżaq fin fin. Qatt ma kont ħsibtha li t-tfal li ma jafux jiktbu jispiċċaw bla rigal, bħalma ġralha din it-tifla. Wara din l-esperjenza, għall-Milied ta' wara, in-nebbiexa Kejkijiet, Ingravajjet, Spiridjun u Splengun ħasbu li jmorru jgħinu lit-tfal li għal xi raġuni jew oħra ma jiktbux ittra lil Santa Klaws. B'hekk huma wkoll jistgħu jimpustaw l-ittra tagħhom. Dan ir-rakkont, irrakkuntat mis-Sinjura Klaws stess, isir jixbah lill-melodija għaliex ir-rima fis-sentenzi, barra milli jħeġġuk taqra iktar, iġagħluk titbissem ukoll. Min-naħa l-oħra, Meta l-Milied Ma Ġiex fakkarni ħafna fil-ktieb ta' Charles Dickens A Christmas Carol (1843), speċjalment fil- karattru ta' Ebenezer Scrooge. Bħas-soltu, Azzopardi tuża l-kreattività tagħha u Scrooge jinbidel f '"raġel ikrah ħafna" jgħix fuq il- qamar, bi lbies iswed u mgħobbi bis-solitudni u d-dwejjaq. Karl u Martina għall-kuntrarju kienu żewġ aħwa ferħanin immens u jistennew il-Milied b'ħerqa kbira. Imma qatt ħsibt li l-Milied jista' ma jiġix? Hekk ġara fir-raħal ta' Karl u Martina. X'kien dak is-swied li mela s-sema u kesa d-djar kollha fil-ġurnata propja tal-Milied? U kif il-kbar insew il-ġurnata tal- Milied? Kemm damu jgħixu ġo dan id-dlam in-nies tar-raħal ta' Karl u Martina? U reġa' ġie Milied ieħor? Matul dan ir-rakkont il-qarrejja jindunaw li Azzopardi qiegħda ttella' fil-wiċċ realtà marbuta ma' dan iż-żmien sabiħ: is-solitudni. Apparti l-ħafna rigali li jġib miegħu l-Milied, l-iktar ħaġa essenzjali hi l-ħin li nqattgħu ma' dawk li nħobbu bħall-familja u l-ħbieb tagħna. Però dan ir-raġel ikrah, bla ħbieb fuq il-qamar ma setax imur jiekol l-ikla tal-Milied f 'xi Soup Kitchen jew f 'xi ċentru parrokjali. Biex ikun sodisfatt iddeċieda li d-dwejjaq tiegħu jimponih fuq ħaddieħor u b'hekk kulħadd ikun iħossu bħalu. Imma din mhix soluzzjoni ġusta. Nemmen li meta wieħed ikollu problema, jekk din tiġi mitkellma jew tinstab l-għajnuna għaliha, mhux biss il-persuna kkonċernata tkun aħjar imma n-nies kollha ta' madwarha. Hekk jagħmlu Karl u Martina, li jbidlu l-korla tagħhom f 'entużjażmu biex jgħinu lir-raġel ta' fuq il-qamar jibdel il-perspettiva tiegħu fuq il-Milied. Il-qarrejja jistgħu jinnutaw it- trasformazzjoni tar-raġel mill-illustrazzjonijiet li jakkumpanjaw it-test. Fil-bidu r-raġel ta' fuq il-qamar hu libes l-iswed, imdawwar bi bżieżaq suwed u jċarrat ħalqu kważi f 'daħka dijabolika. Meta jirċievi l-ittra tat-tfal, il-ħwejjeġ tiegħu jsiru ħomor u jkun imdawwar b'atmosfera ta' mħabba. Xi ħaġa li laqtitni fiż-żewġ kotba huma l-illustrazzjonijiet li jalludu għall-ambjent tipiku Malti. Ħafna drabi nispiċċaw nixtru u nirċievu kartolini u naraw xeni tal-Milied li m'għandhom x'jaqsmu xejn mal-Milied Malti. Ibda mill-borra tiksi l-isqaf tad-djar imżerżqa u spiċċa fiċ-ċriev u l-borrinu. Imma l-istampi ta' Falzon u Scicluna jirriflettu l-pajsaġġ Malti ⸺ insibu djar bħalma nogħoqdu fihom aħna, il-knisja f 'nofs ir-raħal, twieqi mżejna, qsari tal-kaktus u t-tankijiet tal-ilma fuq il-bejt, u xi krejn ma jonqosx. Għalhekk dan il-Milied, barra milli taqraw xi ktieb ambjentat f 'dan iż-żmien, agħmlu xi ħaġa speċjali bħas-Sinjura Klaws u Karl u Martina, ħalli din il-festa tibqa' mfakkra minn kulħadd.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 12 November 2023