MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 31 December 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1513812

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 15

intervista 09 IL-ĦADD 31 TA' DIĊEMBRU 2023 • illum Jiena għandi kemm kemm dubju fuq bidliet li seħħew dan l-aħħar, imma l-Kunsill jagħti somom relattivament attraenti biex jgħinu awturi jippubblikaw. Diversi minna l-kittieba qegħdin niġu ppubblikati regolarment, imma mhux ir-Renju Unit jew l-Amerka. Hemm numru ta' pubblikazzjonijiet fil-kumplament tal-Ewropa u issa iktar minn qatt qabel fil-Mediterran Għarbi fejn qabel lanqas kellna kuntatt miegħu. Diversi kittieba qegħdin jiġu ppubblikati f 'diversi pajjiżi. Il-kotba u l-kittieba bil-Malti huma bosta f'Malta imma l-qarrejja huma ftit. Tinkwetak din? Tinkwetani ħafna. Dan se ngħidu mhux b'konsolazzjoni – din mhijiex problema tagħna biss. Hija problema ta' diversi pajjiżi illi minkejja kemm jiġu ppubblikati kotba, il-qari qed jonqos. Pereżempju, l-Italja kien hemm mument fejn il-ħassieba u kritiċi letterarji bdew jgħidu li kien hemm wisq pubblikazzjonijiet u n-nies ma kellhomx ħin li jaqraw kull pubblikazzjoni. Statistikament, bdew jiġu ppubblikati numru ta' kotba illi realment ma kienx hemm ħin li jinqraw. Mhux għax ma hemmx interess imma għax hemm wisq kotba. Allura kien hemm din il-mewġa ta' fehmiet fejn lill-pubblikaturi qalulhom biex ma joħorġux dawn il-kotba kollha għax mhux se jinqraw, imma biex jippubblikaw inqas ħalli n-nies jaqraw u jiddibattu. Jekk fiżikament mhux possibbli jinqraw mitt ktieb fis-sena, toħroġx mija, oħroġ ħamsin. Il-ħamsin se jinqraw. Jiġifieri kien hemm dan il- mod ta' ħsieb. Lokalment joħorġu ħafna kotba u ovvjament hemm ċerti ġeneri iktar popolari minn oħrajn. Jekk niġu għall-poeżija, dan mhuwiex ġeneru li jinqara wisq u nammira lil dawk il-pubblikaturi li xorta waħda jaċċettaw li jippubblikaw ktieb ta' poeżija. Ir-rumanzi jinqraw ħafna iktar, u ċerti tipi jinqraw minn ċerti tipi ta' nies. Fil-każ tagħna, jien m'iniex pubblikatur, imma l-kwalità tal- ktieb splodiet u llum il-ġurnata għandna kotba sbieħ. Dan ifisser li l-pubblikaturi qegħdin jaħdmu bis-serjetà f 'dak l-aspett u mhux qed ixeħħu. Jien ma naħsibx li qed jiġu ppubblikati wisq kotba fil-każ tagħna. Tiem illi ħafna mill-kotba jiġu ppubblikati viċin tal-Festival tal-Ktieb li huwa l-uniku Festival tal-letteratura. Inkwantu ta' numru ta' kotba ma naħsibx li joħorġu wisq kotba. Statistikament, aħna ninsabu fil-qiegħ tal-poplu li jaqra. Hemm soluzzjoni għal din? Onestament ma nafx inwieġeb. Huwa fatt li tagħtina l-istatistika li jintefqu somom ta' flus għall-kotba lit-tfal, jiġifieri li ġenturi jixtru kotba lit-tfal. Imma sa ċerta età dan l-interess jieqaf. Qabel konna ngħidu li għandna nuqqas imma llum għandna awturi li jiktbu bl-intenzjoni ta' qarrejja adolexxenti. Jista' jkun illi m'għandniex rispett lejn il-ktieb, m'għandniex rispett lejn il-kittieba, m'għandniex rispett lejn l-istorja letterarja tagħna. Kumpaniji li jippubblikaw il-kotba huma bosta f'Malta. Dan mhux sinjal tajjeb? Ma narax li għandna ħafna pubblikaturi. Kellna numru ta' pubblikaturi li żarmaw ukoll. Lokalment għandek erba', ħamsa, li huma l-aqwa. Huwa sinjal tajjeb li għandna kumpaniji li jippubblikaw imma ma narax li huma wisq. Il-kotba, ir-rumanzi, l-istejjer qosra u l-poeżija huma intrinsikament marbuta f 'pajjiżna mat-tagħlim tal-Malti. Kemm hu importanti u kemm hi perikoluża li l-kitba kreattiva tispiċċa marbuta mal-istudji akkademiċi u l-eżamijiet? Hija problema. Niġu f 'dan, naħseb anke Shakespeare huwa assoċjat mal-eżamijiet biss hawn Malta. Din mhix qed tiġri biss lill-kitba tagħna. Il-letteratura ma tinkitibx għall- eżamijiet imma dan huwa argument filosofiku. Ħafna mill-qari li jsir miż- żgħażagħ isir għax huwa għall- eżami. Jien nara ċertu nuqqas fi programmi fejn jiġu diskussi l-kotba. Hemm nuqqas ta' diskors dwar il-kotba. Hemm nuqqas ta' diskors dwar il-kotba f 'postijiet fejn nafu li jistgħu jgħinu, pereżempju fil-gazzetti. Kien hemm drabi fejn kien hemm ħafna iktar diskors. F'Malta pereżempju m'għandniex magazine letterarju. Beda wieħed it tax-xhur ilu online li jirrappreżenta mhux biss il-letteratura imma anke artikli interessanti u miktubin tajjeb ħafna. Jiġifieri aħna għal snin twal ma kellniex magazine letterarju f 'Malta. Imma jien se nagħmel magazine li ħadd mhu se jaqrah? Min lest jippubblikah, lest li joħroġ il-flus? Din mhix problema tagħna biss. Ma tinkwetax li l-qari tal- Malti u l-qari inġenerali naqas drastikament? Aħna qegħdin isfel. Inkwetanti ħafna. Sfortunatament dan mhux fenomenu ġdid. Din hija xi ħaġa li ilha hemm. Ma rridx ngħid li hija endemika, għax ma rridx inkun negattiv imma huwa fatt. Huwa fatt ukoll li llum il- ġurnata n-nies ma jixtrulekx ktieb fiżiku, imma jixtru ebook. Jien naħseb huwa suq instabbli ħafna, u m'hemmx formola li ħa timxi dejjem. Is-sitwazzjoni politika, biex inkun aktar preċiża, l-istaġnar politiku, qed jispira lill-kittieba jew imewwithom? Li jmewwithom ma naħsibx. Jien ninnota li f 'Malta l-ġrajjiet il-kbar politiċi tagħna, il-proża ma ddiskutithomx. Ħa nieħdu t-Tieni Gwerra Dinjija li nqisuha bħala mument traġiku għal Malta. Xi nkitbu rumanzi fuq il-gwerra f 'Malta? Nista' nsemmihom. Għandek lil Ebejer, rumanz bl-Ingliż u Victor Apap. Hawn qed insemmu avveniment li ġennen lil Malta, kemm fiżikament, għax waqa' l-bini u mietu n-nies, u kemm soċjalment għax ġab bidliet kbar. Iktar inkiteb fuq il-gwerra f 'Malta minn awturi barranin milli minn awturi Maltin lokali. L-interdett għad għandna nies sal-lum jitkellmu dwaru. Xi nkiteb dwaru? Dramm dwar l-interdett kellu jinkiteb minn xi ħadd tletin sena wara u min kitbu lanqas twieled fi żmienu! Is-snin 80, l-istess. Kellha tkun il-ġenerazzjoni tiegħi illi bdejna b'impenn nitkellmu fuqu. Meta ħriġt 'L-Aqwa Żmien' kien hemm min qalli 'Imma kif tikteb fuq xi ħaġa li qed tiġri issa?' Għandna din it-tendenza li rridu nħallu ż-żmien jgħaddi biex niktbu fuq xi ħaġa. Il-biċċa hi, li anke jekk inħallu ż-żmien jgħaddi xorta mhux qed niktbu. Il-poeżija hija differenti, trid tikteb fil-ħin, issa. Niem li hemm differenza bejn tikteb poeżija li ddum taħdem fuqha tlett ijiem u altru tagħmel tliet snin. Però, hemm din it-tendenza li qatt ma stajt niem eżatt u għala li l-avvenimenti politiċi kbar u drammatiċi, katastrofiċi ma jinkitbux. M'iniex nitkellem biss fuq l-immedjatezza. Rumanz ma jinkitibx fi tlett ijiem, imma li jkollok faqar totali – dik ma niimhiex. Bħala kittieba f 'Malta, l-aktar li qegħdin ninkwetaw u nikkummentaw dwaru hija l-katastrofi tal-ambjent għax hija l-iktar ħaġa viżibbli. Ma tistax ma tarahiex din. Hija fiżika. Fuq l-istaġnar politiku inġenerali, le, ma naħsibx li qed nikkummentaw fuqu. Ix-xewqa tiegħi hi li, mhux kittieba biss, imma kulħadd jikkummenta fuq l-istaġnar politiku. Imma l-kittieba iktar, għax ktieb jibqa' hemm. Problema oħra hija l-kwistjoni tal-vjolenza fuq il-mara għax sfortunatament kellna numru ta' każi. Qiegħda tibda tidher anke ċerta letteratura queer minn dawk li jappartjenu għal din ir-realtà. Dan jurina li m'aħniex sajmin għalkollox. Ir-realtà politika llum hija differenti minn dik ta' 20 sena ilu. Illum hawn l-isfiduċja fis-sistema partitokratika, li hija ovvja. Anke l-għaliex l-esperiment li dawn iż- żewġ partiti għamlu li jagħtu l-vot lil nies ħafna iżgħar, jidher li ma ħadimx. Dan għaliex, tal-inqas kif qed naraha jien, għandna ġenerazzjoni tiela' li taqa' u tqum. Taqa' u tqum mhux mill-politika, imma mill-partiti. Kont qed naqra li għandek il-partiti bi problema serja ta' kandidati għall-Kunsilli Lokali. Jien, minn banda, dan nieħdu bħala punt pożittiv immens għax jekk min-naħa l-oħra se jkollna numru ta' kandidati lesti li jikkandidaw irwieħhom b'mod indipendenti, dan għandu jkun ta' ġid għal kulħadd. Imma mhux li jkollna nuqqas ta' kollox. Dik hija problema, għax ifisser li hemm nuqqas ta' impenn politiku. Il-ġenerazzjoni tiegħi, aħna ma naħsibx li konna qegħdin insegwu ideoloġija partikolari. Ta' qabilna kellhom ideoloġija, mhux qed nitkellem partiti, ideoloġija pereżempju li jirridefinixxu n-nazzjon. Aħna ma konniex nemmnu u anqas naċċettaw il-kunċett ta' nazzjon. Allura, kkumparati mal-ġenerazzjonijiet ta' qabilna se nidhru diżinteressati. L-idea ta' poplu, ta' għaqda nazzjonali, lilna ma ddoqqilniex. L-ewwel nett dawk ta' tampari, aħna għexna l-adolexxenza tagħna fis- snin tmenin, meta dan il-pajjiż kien maqsum qasma kbira. Illum il-ġurnata, anke x'inhu u min hu Malti għandna dubji fuqu. Qabel ma kellniex dubji xi tfisser li tkun Malti. Illum x'jiġifieri tkun Malti? Għax xtrajt passaport, jagħmlek Malti? Jekk ġejt hawn u kellek l-ulied hawn, jagħmlek Malti? Illum, fejn jidħol il-kunċett tal-'Maltin', il-Maltin huma diversi. Qabel, il-Maltin, kienu l-Maltin. Minħabba dawn l-affarijiet, ir-realtà politika f 'Malta nbidlet ħafna minn ċerti aspetti. rispett lejn l-istorja letterarja tagħna' Ix-xewqa tiegħi hi li, mhux kittieba biss, imma kulħadd jikkummenta fuq l-istaġnar politiku

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 31 December 2023