Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1514107
13 kultura IL-ĦADD 7 TA' JANNAR 2024 • illum Dan l-artiklu inkiteb bis-sostenn tal-Kunsill Malti għall-Arti It-Teatru Manoel jagħlaq 292 sena Kunċert inawgurali fl-oratorju tal-onorati LISA ABIGAIL CALLEJA Nhar it-Tlieta, id-9 ta' Jannar, it- Teatru Manoel ħa jkun ilu miuħ 292 sena. It-Teatru Manoel, jew Teatro Manoel, huwa wieħed mill-aqwa binjiet prezzjużi fiċ-ċentru kulturali tal-Belt Valletta. Bħala t-tielet l-eqdem teatru funzjonali fl-Ewropa, it-Teatru Manoel jista' jinstab fi Triq it-Teatru l-Antik, li ġiet imsemmija propju għat-teatru stess. Hija kemxejn faċli biex ma tarahx hekk kif tkun miexi fit-triq, minħabba l-faċċata Mannerista tagħha, stil arkitettoniku li kien komuni fil-Belt Valletta dak iż-żmien. Madankollu, l-intern tat-teatru huwa msebbaħ fi stil Rococo, bil-kobor u s-sbuħija kollha tal-istorja tiegħu. Il-Gran Mastru António Manoel de Vilhena kkummissjona u ffinanzja l-bini tat-Teatru Manoel personalment fl-1731. Il-motivi tiegħu għad iridu jiġu ddeterminati, iżda huwa preżunt li nbena 'għar- rikreazzjoni onesta tan-nies', kif tissuġġerixxi l-iskrizzjoni Latina 'ad honestam populi oblectationem' fuq l-entratura prinċipali. Sa dan il-punt, Malta kienet għadha ma kellhiex teatru stabbilit. L-Ordni ta' San Ġwann kienet ittella' wirjiet fis- sala tal-berġa tagħhom fil-bidu ta' nofs is-snin 1600, li ħolqu inkwiet minħabba l-projbizzjoni fuq id-dħul tan-nisa li ordna l-Gran Mastru Jean Paul Lascaris Castellar. Il-bini tat-teatru tlesta fi żmien għaxar xhur, u wara beda jopera taħt l-isem ta' Teatro Pubblico. Ġie inawgurat fid-9 ta' Jannar 1732 bi produzzjoni tat-traġedja klassika 'Merope' ta' Scipione Maffei, li l-kast tagħha kien magħmul esklussivament mill-Kavallieri. Matul il-50 sena li ġew wara, it- teatru sar il-post fejn wieħed seta' jsib firxa wiesgħa ta' opri liriċi (flimkien ma' traġedji Franċiżi u kummiedji Taljani) imtellgħa minn kumpaniji professjonali u anki minn gruppi tad-dilettanti. Saħansitra ġieli kien ikun hemm il-masked balls, jew 'veglioni' li kultant saru fit-teatru. It-teatru kważi ngħalaq meta l-gżira kienet taħt il-ħakma Franċiża, sakemm reġa' ġie rivitalizzat mill- Ingliżi, li semmewh Teatro Reale fl- 1812. Kwalunkwe spettakli teatrali kienu jiġu ppreżentati s-sena kollha matul dan il-perjodu; L-opri Taljani ta' Rossini, Bellini, u Donizetti, kienu partikolarment popolari fost il-Maltin dak iż-żmien. Għalhekk, l-Ingliżi bnew ir-Royal Opera House fl-1866, li serqet kemxejn il-popolarità tat-teatru u kważi għalqu għalkollox. L-isem tat-teatru saħansitra nbidel għal Teatru Manoel kif nafuh illum, wara l-Gran Mastru li bnieh, u b'hekk ma jiġix jixbah isem ir-Royal Opera House. Eventwalment, ir-Royal Opera House kienet meqruda mill- bumbardamenti qawwija tat-Tieni Gwerra Dinjija. Fortunatament, it-Teatru Manoel ma kisibx ħsara sinifikanti fil-gwerra. Fil-fatt, serviet bħala akkomodazzjoni temporanja għall-vittmi li tilfu djarhom bħala riżultat tal-bombi. Madankollu, it- teatru xorta kellu bżonn xi xogħol ta' restawr. Wara li reġgħet infetaħ uffiċjalment fl-1960 b'eżekuzzjoni tal-balè 'Coppelia', ġie stabbilit Kumitat għat-Tmexxija tat-Teatru Manoel. Minn dakinhar 'il quddiem, it- teatru serva bħala post għal għadd ta' produzzjonijiet, fosthom opri, pantomimi, recitals mużikali, drammi, u balletti. Illum, it-Teatru Manoel huwa d-dar tal-Orkestra Filarmonika ta' Malta, u hu t-teatru nazzjonali tal-pajjiż. It-13 ta' Jannar jimmarka l-inawgurazzjoni uffiċjali tal- Oratorju tal-Onorati tal-Knisja tal-Ġiżwiti. Biex tfakkar il- ġurnata, il-Fondazzjoni tal- Knisja tal-Ġiżwiti qed tistieden lill-pubbliku għal kunċert qasir taħt il-patroċinju distint Mons. Charles Jude Scicluna, l-Arċisqof ta' Malta. Mibni fl-1613, u wara mmodifikat mill-Perit Francesco Buonamici bejn l-1657-59, l-Oratorju ġie rrestawrat u issa qed jintuża bħala spazju liturġiku u kulturali. Għalkemm l-Oratorju ntuża għall-ewwel darba f 'Jum Santa Ċeċilja fit-22 ta' Novembru, 2023, dan il-kunċert se jiċċelebra t-tlestija tal-proġett ta' restawr b'xogħol mużikali ġdid ikkummissjonat mill-fondazzjoni speċjalment għall-okkażjoni. Ix-xogħol, 'Vita Beatae Mariae Virginis', ġie miktub għal tliet soprani u orgni ġie kompost minn Alexander Vella Gregory, id-Direttur Artistiku tal- fondazzjoni. Il-kompożizzjoni hija ispirata minn 'The cycle of 7 paintings' ta' Stefano u Alessio Erardi. 'Vita Beatae Mariae Virginis' se tiġi esebita mis-soprani Marouska Attard, Dorothy Baldacchino, u Mariette Borg. Il-kunċert jibda fis-7 ta' filgħaxija, u wara se jiġi servut xi xorb fis-sagristija. L-avveniment huwa miftuħ għal kulħadd. Id- dħul huwa b'xejn għalkemm min irid jista' jagħti donazzjoni.