MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 7 January 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1514107

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 15

10 aħbarijiet IL-ĦADD 7 TA' JANNAR 2024 • illum opinjoni Paula Mifsud Bonnici is Opposition spokesperson for active ageing Paula Mifsud Bonnici I l-bażi ta' ħafna kunflitti li jeżistu bejn in-nies huwa n-nuqqas ta' umiltà fejn wieħed ma jaċċettax in-nuqqasijiet u d-dgħufijiet tiegħu; u kawża ta' dawn il-kunflitti huma l-persuni innoċenti li jbatu. Hekk qiegħed jiġri f 'Gaża, fejn eluf ta' tfal, nisa u rġiel u ġenituri qed jiġu maqtula brutalment kuljum. Sadanittant, il-bqija tad-dinja medhija f 'ċelebrazzjonijiet kbar kollha lwien, mużika u divertiment tiċċelebra l-uħ ta' sena ġdida! Poplu ċass u bla empatija għaliex dak li qed jiġri 'l bogħod minn daru mhux dejjem jinteressah. Nemmen li l-umiltà u l-empatija huma u għandhom jibqgħu ċentrali għal kull ġustizzja, bħalma għandhom jibqgħu ċentrali l-loġika u l-konsistenza, li ħafna drabi hija nieqsa wkoll. Din is-sena ġraw diversi episodji f 'pajjiżna fejn l-umiltà, l-empatija, il-loġika u l-konsistenza kienu għalkollox assenti. Ma nistax ma nsemmix dak li għaddew minnu l-ġenituri ta' Jean Paul Sofia. Ma kienx biżżejjed dak li ġarrbu bil-mewt ta' binhom. Dan il-Gvern għaddiehom minn passjoni oħra bir-riut tiegħu li jagħmel inkjesta pubblika. Sal-lum, wieħed għadu jistaqsi – għaliex Robert Abela ppermetta li jgħaddi lil żewġ ċittadini bħalu minn dan il-martirju kollu? Fejn kienet l-umiltà u l-empatija tal-Grupp Parlamentari Laburista, li min b'nofs qalb u min b'qalbu kollha, ivvota kontra mozzjoni li kienet tagħmel ġustizzja mal-ġenituri ta' Jean Paul u ma' kull ċittadin li ma ħaqqux jispiċċa b'destin kiefer bħal ta' Jean Paul? Huwa tajjeb li fit-13 ta' Diċembru li għadda l-ġenituri ta' Jean Paul Sofia ngħataw Ġieħ ir-Repubblika; huwa tajjeb ukoll li kien propju l-Kap tal- Oppożizzjoni stess Bernard Grech li ħafna xhur ilu nnominahom għal dan il-ġieħ, iżda hija kemxejn ironika li dan il-ġieħ kellu jingħata biss għaliex dawn il-ġenituri ma kellhomx triq oħra, għajr dik li jagħmlu kampanja sħiħa favur tibdil fil-liġijiet u s-sistemi li jirregolaw is- settur tal-bini u l-kostruzzjoni f 'pajjiżna, u għax ma qatgħu qalbhom qatt u wrew perseveranza sabiex biddlu traġedja personali f 'attiviżmu mmirat li jagħmel ġustizzja mal-istess binhom u biex jiġu evitati traġedji oħra simili. Xi kultant inħossni ngħix fuq żewġ pjaneti differenti, fejn filwaqt li għandna Gvern li jpinġi kollox sabiħ, bħallikieku kollox miexi fuq ir-rubini, għandna sitwazzjonijiet xejn pjaċevoli f 'pajjiżna. Iċ-ċifri jitkellmu waħedhom. Għandna aktar minn mitt elf persuna tgħix fil-faqar; skont stħarriġ li sar mill- Fakultà tal-Benesseri Soċjali għandna 54% tal-poplu li jgħix fis-solitudini li anke jekk ma jgħixx waħdu jħossu waħdu; ir- rata ta' suwiċidji f 'pajjiżna qiegħda dejjem tikber f 'ċifri allarmanti fost iż-żgħażagħ. Ta' kuljum, nisma' stejjer ġodda ta' persuni li spiċċaw bla saqaf fuq rashom u jgħixu fit-triq jew f 'xi karozza. Imma f 'pajjiżna qisu mhu qed jiġri xejn minn dan, l-aktar għal dawk li qegħdin jitħanżru. Għaliex f 'pajjiżna, filwaqt li għandna lil min qiegħed jitħanżer u qisu xejn mhu xejn, għandna wkoll lil min qiegħed nieqes mill-ikel u mill-mediċini għaliex mhux ilaħħaq mal-prezzijiet eżorbitanti li dejjem qed jogħlew. Dawn il-persuni għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Għandhom bżonn l-imħabba u l-kura tagħna. Irridu nkunu umli biżżejjed u ngħidu li fallejna. Irridu nuru empatija magħhom biex inkunu nistgħu nuruhom li huma wkoll ħaqqhom id-dinjità u r-rispett tagħna u noħorġuhom mis-sitwazzjonijiet li qegħdin fihom. Madankollu, jekk se nibqgħu bi Gvern ta' xejn mhu xejn, fejn minflok ikun id-difensur tal-poplu jingarża ruħu ma' persuni mhux xierqa u jisraq lill-poplu Malti €400 miljun, it hija t-tama li nistgħu nbiddlu din ir-rotta ħażina li qbadna. Għal xi wħud, imnalla jkunu l-għaqdiet volontarji u l-voluntiera li jagħtu l-kontribut tagħhom. Tabilħaqq, is- servizz tagħhom huwa mingħajr ħlas u diżinteressat – servizz bi mħabba kbira lejn il-proxxmu, li jissagrifikaw il-ħin u l-isforz tagħhom bla ma jistennew xejn lura. U ta' dan jiena ngħidilhom grazzi. Nibqa' grata lejn is-soup kitchens li għandna f 'pajjiżna, li ta' kuljum jiltaqgħu ma' persuni bil-preġji u d-difetti tagħhom, li ta' kuljum jagħtu x'jieklu lil min m'għandux. Għada ġurnata ġdida, għada sena ġdida. Kemm nixtieq li xi darba naslu. Kemm nixtieq li flimkien mal-Gvern, mal-entitajiet kollha, mal-esperti tagħna u mal-persuni li għandhom bżonn din l-għajnuna; npoġġu bilqiegħda flimkien biex infasslu politika li tkun verament imsejsa fuq l-umiltà u l-empatija, fuq il-loġika u l-konsistenza, u fuq kollox inwettqu dik il-politika sabiex verament naqdu dmirna kif suppost. Forsi sal-lum hija ħolma, imma għadha tista' ssir realtà. Umiltà u empatija … jew in-nuqqas tagħhom F'pajjiżna, filwaqt li għandna lil min qiegħed jitħanżer u qisu xejn mhu xejn, għandna wkoll lil min qiegħed nieqes mill-ikel u mill- mediċini għaliex mhux ilaħħaq mal-prezzijiet eżorbitanti li dejjem qed jogħlew

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 7 January 2024