MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 14 January 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1514427

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 15

opinjoni 09 IL-ĦADD 14 TA' JANNAR 2024 • illum Fr Colin Apap huwa qassis Colin Apap S torja mhux komuni. L-ewwel ġiet imwarrba mis-soċjetà, ipperseg- witata, mgħajra. Imbagħad sabet tlieta min-nies li bidlulha ħajjitha. U tbiddlet. Bdiet tiġi aċċettata ta' dak li hi. Anzi ta' dak li hu. Ġrajjietha ġegħelitni naħseb xi tfisser l-akkoljenza, li ssib min iħobbok kif int, mingħajr il-"jekk" jew "x'suppost". Mingħajr kondizzjoni. Inħob- bok kif int. U nirrispettak – kif int, mhux kif l-ideoloġija dominanti tas-soċjetà tik- klassifikak. Skont uħud, Kattoliċi u mhux, hija midinba kbira, qed tagħmel ħsara, hemm bżonn inwarrbuha u nagħlqulha ħalqha. Anzi ħalqu. Vladimir Luxuria hi personalità magħrufa sew fuq l-istazzjonijiet nazzjonali televiżivi fl-Italja. Ħolqot reazzjoni enormi u stagħġib bil-pożizzjoni ġdida li bidlitilha l-viżjoni ta' ħajjitha u tat sens iktar tal-ġlieda li dejjem sostniet, u se tkompli ssostni, dwar id- drittijiet ta' minoronzi bħal LGBTQI+. L-AVVENIRE, (30 ta' Diċembru 2023), ġurnal ispirat mill-Konferenza Episkopali Taljana, kitbet hekk: "Jiena ma jirnexxilix ngħix mingħajr il- fidi. Ippruvajt niċħadha bir-riżultat li mxejt bħal għama fid-dlam; kuljum nimxi bħal magħtub f 'jiem vojta, mitlufa f 'tant drogi differenti, mitlufa f 'labirint eżistenzjali. Nammira lil min hu ateu jew anjostiku imma jiena bla ebda fidi nħosssni bħal pjanta qed tmut f 'ħamrija bla ilma. Forsi għax il-fidi minn dejjem kienet preżenti f 'ħajti sa miż-żgħożija tiegħi meta kont nattendi l-Parroċċa San Stefano fil-belt fejn twelidt, f 'Foggia. Il-magħmudija, l-Ewwel Tqarbina, il-Griżma. Kont ukoll abbati. Kont inkanta fil-kor tal-parroċċa, kont ngħin fit-tagħlim tad-duttrina lit-tfal, kont norganizza teatru u żfin sakemm sirt direttriċi artistika. Meta kelli 16-il sena waqt li kont qed inqerr għand il-Kappillan, imtaqqla mill- piż tas-silenzju, is-sens ta' ħtija, ippruvajt ninħeles mill-kundanni madwari. Għedt lill- konfessur kif inħossni minn ġewwa li jiena mara u x-xewqa li kelli li nbiddel id-dehra tiegħi. Il-Konfessur wara li qagħad jismagħni fis-silenzju u wara pawża twila qalli li jekk biħsiebni nkompli niġi l-Knisja għandi bżonn niċħad dawn it-tentazzjonijiet tax- xitan permezz tat-talb. Ippruvajt nagħmel kif qalli għax ma kelli ebda ħsieb li nieqaf milli nattendi l-parroċċa. Ippruvajt negħleb dawn it-tentazzjonijiet għal jiem sħaħ, ġimgħat, xhur! Imma iktar ma beda jgħaddi ż-żmien bdejt niskopri li bdejt insir persuna agħar milli kont, mimlija dwejjaq, sewda, nirrabja malajr, nervuża u dak li hu agħar bdejt insir ngħir għan-nisa kollha madwari li qatt ma stajt ngħidilhom min jien. Fi it kliem, bdejt inħossni nitbiegħed minn Alla. Ir-ruħ femminili li kelli ġewwa kienet ilsira ġewwa, il-ġisem ta' barra kien għotja insopportabbli. Għaliex Alla ħalaqni hekk? Kont qisni tikka sploduta, miġnuna, f 'post żbaljat u mhux maħsub fil-ħolqien divin. Wara sentejn, sibt ruħi f 'nofs ta' triq, ridt nagħżel jew triq jew oħra: il-Knisja jew lili nnifsi, il-ħajja jew il-mewt. Abbandunajt lill-Knisja u tfajt warajja l-istorbju trux ta' bieb magħluq. L-istint li ngħix minkejja kollox wassalni biex nibda ġlieda biex inħossni ħajja, jiena stess, daqs ħaddieħor, irrealizzata, u sirt kapaċi nħares lejn il-mera u nagħraf min jien verament. Kont deluża b'dik il-Knisja li ma baqgħetx titkellem fuq l-imħabba imma fuq "diżordni morali", periklu soċjali, dnub. Meta bdejt nieħu sehem fid- dimostrazzjonijiet tal-PRIDE sirt l-iktar kelliema ngħajjat kontra l-Vatikan kemm b'posters u l-mod kif nilbes. Meta l-Vatikan qal li hu dnub li tuża l-kontraċettivi biex tħares lilek innifsek mill- AIDS fl-Afrika – waqt li villaġġi sħaħ kienu jmutu b'din l-infezzjoni; waqt li kont preżenti ħdejn ħbieb imutu bl-AIDS fl-isptarijiet b'mard infettiv, iddeċidejt li nieħu sehem fil-Pride f 'Bari b'kuruna tal-qaddisin fuq rasi f 'forma ta' condom u bi placard: "Agħmel azzjoni tajba: ipproteġi lilek innifsek!". Mort nipprotesta kontra l-vista tal-Papa Woythyla fil-Campidoglio u lbist ta' Eva l-midinba. Meta l-Papa Ratzinger fisser li l-imġiba omosesswali hi "intrinsikament ħażina mil-lat morali u oġġettivament diżordinata'' ħassejtni mweġġgħa. Il-Pride saret turija ta' oppożizzjoni għall-Vatikan u kritika qawwija għall-Parlament lajk bil-kliem biss. F'Ruma organizzajna l-"World Pride" bi tweġiba tagħna għall-Ġubilew tal-Knisja Kattolika. Kien mod ieħor ta' ġlieda kontinwa biex ma ninsiex li ġejt irriutata u mkeċċija mill- Knisja. Minkejja dan kollu, mingħajr fidi ma stajtx ngħix, mingħajr fidi f 'Alla, mingħajr fidi fija nnifsi. Kien għalhekk li biex ningħaqad ma' twemmin ikkonvertejt għall-Buddiżmu. Ippruvajt ngħixu għal diversi snin. Kien il- Buddiżmu li salvani mid-dlam li kont ngħix fih għal bosta snin. Sibt b'dal-mod ċertu bilanċ f 'ħajti: mingħajr ma niċħad l-identità tal-ġeneru tiegħi u fl-istess ħin inħossni aċċettata minn filosofija reliġjuża. Għaddew bosta snin u kont inħossni trankwilla. Ir-reliġjon kattolika ma tqisniex parti minnha u jiena weġibt l-istess! Imma fil-ħajja dejjem ikun hemm xi ħaġa li tissorprendik. Sirt naf b'diversi saċerdoti fosthom don Vitaliano della Sala u don Andrea Gallo tal-Komunità San Benedetto ta' Ġenova li ħawduli l-pjanijiet tiegħi: "anki jiena għandi dritt inkun Nisranija", qaluli. Imma jiena kont nirrabja għax kont qed inħoss min jgħidli li nista' nidħol f 'post fejn m'iniex milqugħa u mhux mistiedna. Imma l-mod differenti kif kienu jkellmuni, il-lingwaġġ u t-ton kif jitkellmu, wassluni fi kriżi. Dun Andrea kien diġà marid fis-sodda meta ġriet l-aħbar li ġie elett Papa Franġisku u d-"Dun" kien jgħidli: "isimgħu dan il-Papa, juża kliem differenti, huwa l-Papa tal-Fqar, ta' dawk li jinsabu l-aħħar, dawk Imwarrba". Fil-funeral ta' Dun Gallo, il-Komunità Trans ta' Ġenova kienu kollha preżenti u rċevejt wara tant żmien l-ewkaristija b'rispett għal dan is-saċerdot tat-triq, tant maħbub. Obdejt. Tqarbint minn idejn il-Kardinal Angelo Bagnasco. Irċieva kritika minn kattoliċi intransiġenti u oħrajn attivisti LGBTQI+. Il-fatt li mort nitqarben ġie interpretat li ċħadt il-ġlidiet tal-imgħoddi. Minħabba f 'hekk iddeċidejt li dik kienet l-aħħar darba li rċevejt l-Ewkaristija. Imma kien hemm iżjed affarijiet x'jiġru! Kont Napli fiż-żona Spanjola u dħalt fi knisja żgħira ta' Santa Maria Francesca delle Cinque Piaghe. Dħalt u kienet se tibda quddiesa. Qgħadt fl-aħħar bank tal-knisja. Ma ridtx li xi ħadd jinduna bija (kont diġà magħrufa ħafna min-nies) u bżajt li xi ħadd jistaqsini: "U int xi dħalt tagħmel hawn?" Qgħadt għall-quddiesa u meta l-qassis qal "Ma jistħoqqlix li nieħu sehem fl-ikla tiegħek imma għid biss kelma waħda u ruħi tkun imfejqa!". Dal-kliem daħal ġo qalbi u ħassejt xi ħaġa ġo fija li ma nafx niddeskrivi. Waqt il-ħin tat-tqarbin kien hemm sinjura anzjana, resqet fuqi u qaltli: "U ejja, x'qed tistenna biex titla' titqarben?" Il-Kelma waslet. L-għada mort, bħalma nagħmel kull 2 ta' Frar, f 'Montevergine għand "Mamma Schiavona", il-Madonna protettriċi tal-gays, irġiel u nisa, u Trans u quddiem din ix-Xbieha tal-Madonna ġrat il- konverżjoni tiegħi. Hekk kif xgħelt xemgħa quddiem il-Madonna ħassejt li nxtegħel dawl ġewwa fija. Wara tant snin erġajt sibt il-fidi u kull fejn bdejt immur sibt Insara oħra ferħana li jarawni nieħu sehem fil-quddiesa u sibt saċerdoti li iktar lesti li jilqgħuni u jakkumpanjawni milli jirriutawni. U rċevejt rigal ieħor – irċevejt telefonata minn saċerdot ieħor Dun Andrea Conocchia minn Torvajanica li kien jilqa' Trans barranin u Taljani li kien jeħodhom il-Vatikan u kien jgħinhom kemm ekonomikament kif ukoll spiritwalment. Staqsieni fit-telefonata: "Trid issir taf lill-Papa Franġisku?" U għalhekk l-Erbgħa 13 ta' Diċembru – inġorr f 'idejja l-Ikona tal-Madonna ta' Montevergine – ħadt b'idejn dak il-Papa li sejħilna "ulied Alla". Irringrazzjajtu. Naf li hemm bosta ostakli li nkun milqugħa b'mod sħiħ; naf li t-triq hi mimlija diffikultajiet u għoljiet … imma nħoss li din it-Triq – għall-ewwel darba fil-Knisja – hi miuħa. Konxja wkoll li hemm ħafna dubji ġustifikati fil-Komunità LGBTQI+ fejn jidħol il-Vatikan. Kulħadd għandu d-dritt għall- Fidi – li ma tmurx kontra l-bixra sesswali jew l-identità tal-ġeneru. Inħossni kattolika konxja li rrid naffronta b'mod lajk temi etiċi li niltaqa' magħhom. Se jkun hemm mumenti skomdi u mumenti mimlija entużjażmu. Meta ltqajt mal-Papa ġietni f 'moħħi l-kelma bl-aramajk ta' Ġesu' fil-Vanġelu: 'EFFATA' li tfisser 'INFETAĦ'. U aħt qalbi, idejja, ħalqi u widnejja għas-sinjali li bagħatli l-Mulej. Issa ninsab iktar serena. Vladimir Luxuria Vladimir Luxuria

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 14 January 2024