MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 21 January 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1514781

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 15

16 aħbarijiet IL-ĦADD 21 TA' JANNAR 2024 • illum Il-kriżi fil-Baħar l-Aħmar u f'Malta ELAINE CAMILLERI Minn mindu beda l-kunflitt f 'Gaża, seħħew diversi attakki fil- Baħar l-Aħmar fuq bastimenti tal-merkanzija, u wħud ukoll sfaw maħtufa minn ribelli. Dan kollu ġab miegħu mewġa ta' inflazzjoni li laqtet il-but ta' bosta. L-Unjoni Ewropea (UE) nediet il-'Fit for 55' – pakkett ta' liġijiet sabiex tintlaħaq newtralità klimatika. Minn dan is-sett ta' liġijiet, daħlet fis-seħħ taxxa ambjentali fuq l-industrija marittima. Nhar it-Tlieta ġie rrappurtat li vapur tal-merkanzija bil-bandiera ta' Malta, li huwa proprjetà Griega, intlaqat b'missila 'l barra mill-kosta tal-Jemen waqt li kien għaddej mill-Baħar l-Aħmar. L-aġenzija tal-aħbarijiet Griega Ana-mpa, qalet li l-vapur imsejjaħ Zografia kien madwar 76 mil nawtiku bogħod mill-majjistral tal-port tal-Jemen ta' Saleef. Il- bastiment tal-merkanzija kien fi triqtu lejn il-Kanal ta' Suez wara li telaq minn Colombo, is-Sri Lanka. Huwa rrappurtat li l-missila għamlet ħsara lill-vapur iżda xorta waħda kien kapaċi jbaħħar bil-fwar tiegħu stess. Il-bastiment għandu ekwipaġġ ta' 24 iżda n-nazzjonalitajiet tagħhom għadhom mhumiex disponibbli. Huwa maħsub li dan huwa t-tielet inċident li jinvolvi l-bastiment f '24 siegħa. L-inċident tat-Tlieta seħħ hekk kif il-militari Amerikani ħabbru li waqt operazzjoni, ħadu fil-pussess tagħhom armi fornuti mill-Iran li kienu se jintbagħtu lil Houthi. F'Novembru, il-Houthi, grupp ta' ribelli mill-Jemen, ħatfu bastiment Iżraeljan u minn dakinhar 'l hawn ħatfu u attakkaw diversi bastimenti oħra. Peress li l-attakki żdiedu fl- Istrett ta' Bab el-Mandab fil-bokka tal-Baħar l-Aħmar, il-Houthi, appoġġjati mill-Iran, esprimew li bħala appoġġ għall-Ħamas se jattakkaw kull bastiment li jkun sejjer fid-direzzjoni, jew marbut mal-Iżrael. Kaġun ta' dan, diversi kumpaniji marittimi ewlenin, bħall-Mediterranean Shipping Company u Maersk, kellhom jieħdu rotta differenti għall- bastimenti tal-merkanzija tagħhom u jduru mal-Afrika. Il-Ħamis, l-Istati Uniti nediet attakki kontra ribelli Houthi bħala turija ta' appoġġ għall- Palestinjani. Il-Gran Brittannja ngħaqdet mal-Istati Uniti fl- attakk kontra Houthi, filwaqt li diversi pajjiżi oħra taw l-għajnuna tagħhom billi pprovdew loġistika u sapport ieħor skont uffiċjali tal- Istati Uniti. B'rispons għal dan l-attakk, l-UE trid li tibgħat tliet bastimenti tal-gwerra biex jissalvagwardjaw bastimenti oħra fil-Baħar l-Aħmar. Din l-operazzjoni tfasslet f 'dokument mis-Servizz Ewropew hekk kif l-Istati Uniti nedew l-attakki tagħhom. Il-kandidat għall-Parlament Ewropew għall-Partit Laburista, Clint Flores, stqarr li jekk din is- sitwazzjoni ttul, l-assigurazzjoni ħa togħla b'konsegwenza li tiggrava s-sigurtà marittima. Flores qal li jemmen li hemm bżonn policies wiesgħa u li l-Unjoni Ewropea għandha tistabilizza ż-żona bħalma kien seħħ fil-EUCAP Somalia – missjoni reġjonali biex tappoġġja s-sigurtà marittima. Madwar 15% tal-kummerċ tal- baħar fid-dinja jgħaddi mill-Baħar l-Aħmar fi triqtu lejn il-Kanal ta' Suez u lejn il-Mediterran. Il- kumpaniji tat-tbaħħir għollew ir- rati tagħhom saħansitra qabel ma bdiet is-sena l-ġdida, b'kontejners ta' 20 pied raw żieda ta' 20% fil- prezz u kontejners ta' 40 pied raw żieda ta' 24%. Il-President tal-GRTU, Paul Abela qalilna li la darba bastiment jiġi attakkat jew maħtuf, bastimenti oħra ma jgħaddux mill-istess rotta u jkollhom iduru mal-Afrika. Huwa spjega kif minħabba rotta itwal, li tista' tiżdied bejn 12 u 15-il ġurnata iktar, se jkollna naffaċċjaw iktar dewmien sabiex jaslulna l-provvisti, li mbagħad jaffettwa l-prezzijiet tal-kontejners. Abela kompla jgħid li kulma jiġri hemm barra, eventwalment jaffettwa anke lill-Port Ħieles. Min-naħa tiegħu, il-kandidat għall-Parlament Ewropew għall- Partit Nazzjonalista Peter Agius qal li dawn l-attakki fil-Baħar l-Aħmar "ikomplu jaggravaw sitwazzjoni inkwetanti għat- trasport bil-baħar li minn Jannar qed ikollu jġorr taxxa Ewropea fuq l-emissjonijiet li tippenalizza lil Malta b'mod sproporzjonat u li qed tipperikola mijiet ta' impjiegi relatati mat-trasport f 'Malta." Huwa sostna li bħala pajjiż tal- Unjoni Ewropea, hemm bżonn li l-UE tieħu azzjoni mill-aktar fis b'operazzjoni ta' protezzjoni. L-UE għadha toffri sigurtà lill- vapuri "simili għal dak li sar diġà bl-operazzjoni Atlanta", filwaqt li kompla jgħid li Malta wkoll trid tagħti sehemha f 'operazzjonijiet simili "dejjem bil-garanzija li dawn jintużaw biss għal operazzjonijiet ta' paċi u protezzjoni u ma jiġux involuti fi kwistjonijiet oħra fir- reġjun." Konsegwentement, l-inflazzjoni se tkompli tintensifika wkoll permezz ta' kwistjonijiet ta' provvista tal-enerġija, peress li tankers taż-żejt u bastimenti li jġorru l-gass lejn l-Ewropa bl-istess mod se jġarrbu spejjeż miżjuda. Din iż-żieda se tkompli tikkontribwixxi għaż-żieda fl-ispejjeż tal- produzzjoni, li finalment se jġarrbu l-konsumaturi. Il-kriżi tal-Baħar l-Aħmar qed tkompli tgħakkes wara l-estensjoni tal-UE bl-iskema ta' Skambju ta' Emissjonijiet (ETS) fuq l-industrija tat-tbaħħir. L-ETS hija parti mill-pakkett ta' liġijiet tal-Ewropa 'Fit for 55' sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika, u se timponi spiża fuq l-industrija marittima. Din l-iskema nħarġet bl-għan li jittaffew l-emissjonijiet tal-karbonju tal-bastimenti kull darba li jbaħħru f 'port tal-UE, jew minn port wieħed għall-ieħor. Fuq: L-attakki, jew ħtif ta' bastimenti tal-merkanzija fil-Baħar l-Aħmar, bdew ftit wara ma beda l-kunflitt f 'Gaża. Dan qed iħalli effett fuq pajjiżi oħra, inkluż f 'Malta, hekk kif rajna r-rata tal-inflazzjoni tkompli tagħfsilna l-but Xellug: Paul Abela, Clint Flores u Peter Agius

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 21 January 2024