MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 4 February 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1515403

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 15

16 aħbarijiet IL-ĦADD 4 TA' FRAR 2024 • illum Il-Kamra tal-Kummerċ tagħfas il-Gvern biex jipprijoritizza r-rata ta' dejn li 'qed ikabbar hu stess' LUIGI SGHENDO Il-Gvern għandu jipprijoritizza r-rata ta' dejn li qed ikabbar hu stess, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli qalet mal-ILLUM. "Dan filwaqt li ma jistimulax l-ekonomija b'mod mhux sostennibli bir-riżultat li jsaħħaħ l-inflazzjoni," Portelli żiedet tgħid. B'reazzjoni għal analiżi tal-Fond Monetarju Internazzjonali, Portelli qalet ma' din il-gazzetta li l-Kamra tal-Kummerċ laqgħet il-punti mqajma fir-rapport imsemmi. Portelli saħqet li l-politika fiskali tal-Gvern qed twassal għal żieda fl-inflazzjoni minħabba li qed tiġi inċentivata d-domanda mingħajr żieda fl-effiċjenza u l-produttività. Fil-fehma tal-Kamra tal-Kummerċ dan kollu qed iwassal għal pressjoni akbar fuq is-suq tax-xogħol u l-pagi. Hija saħqet li l-Gvern għandu jkun f 'pożizzjoni aktar soda fir-rigward tas-sostennibbiltà fiskali. "Dan ifisser li flus il-poplu jintefqu b'mod effiċjenti u sostenibbli, mingħajr spejjeż żejda, speċjalment meta wieħed iqis l-inċertezza globali li qiegħda tirrenja," Portelli spjegat. Finalment hija għalqet b'talba lill- Gvern biex ma jibqax jissussidja l-enerġija għal kulħadd. Minflok issuġġeriet illi jkun hemm għajnuna mmirata għall-aktar nies vulnerabbli biex il-qalba għall- energija rinnovabbli tkun stimulata. Il-GWU tgħid id-defiċit nazzjonali se jkompli jinżel, minkejja investimenti kbar fil-pajjiż Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union (GWU) Josef Bugeja kellu kliem ta' tifħir għall-ekonomija Maltija li baqgħet b'saħħitha, skont hu, fl-Ewropa minkejja il-kriżijiet serji li d-dinja għaddejja minnhom. "It-tkabbir Ekonomiku fl-2023 kien aktar mill-medja Ewropea, bil-pajjiż jirreġistra tkabbir reali ta' aktar minn 6% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD)," Bugeja qal. F'kumment lill-gazzetta ILLUM, Bugeja sostna li r-rata tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol laħaq il-livell ta' kważi 80% fl-2023, it-tieni l-akbar rata għolja fl-Unjoni Ewropea. "Għalhekk Malta qed tirregistra l-anqas rata ta' qagħad fl-Unjoni Ewropea bir-rata tal-qagħad tinżel sal-livell ta' 2.5% fl-2023 meta l-medja tal-qagħad fl-Unjoni Ewropea kienet ta' 6%." Rigward is-sussidju tal-enerġija, differenti mill-Kamra tal-Kummerċ u l-IMF, Bugeja saħaq li s-sussidju fl-enerġija qed iwassal biex pajjiżna jkompli jegħleb l-isfida tal- inflazzjoni. Barra minn hekk Bugeja qal li l-istimulu ekonomiku tul dawn l-aħħar snin wassal biex pajjiżna rnexxielu jegħleb l-isfidi soċjali l-kbar, sfidi li pajjiżi oħra kellhom jgħaddu minnhom. "Id-defiċit nazzjonali se jkompli jinżel lejn il-medja ta' 4% fl-2024, bl-għan illi d-dejn nazzjonali jibqa' jinżamm taħt il-miri ta' 60% tal- PGD" spjega s-Segretarju Ġenerali. "Dan minkejja l-investimenti kbar illi pajjiżna għaddej minnhom, liema investimenti huma ferm importanti biex tinżamm il-kompetittività u fuq kollox il-livell tal-għejxien tal- ħaddiema u l-pensjonanti tagħna," hu temm jgħid. Il-Kamra tal-Kummerċ tgħid li l-politika fiskali tal-Gvern qed twassal għal żieda fl-inflazzjoni. Il-General Workers' Union ma taqbilx X'qal ir-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali? F'rapport, il-Fond Monetarju Internazzjonali qal li Malta wriet reżiljenza b'saħħitha minkejja inċertezzi globali, inkluż ix-xokkijiet mill-invażjoni tar-Russja u tal-Ukrajna. "Wara li rkuprat mill-pandemija, Malta issa tiffaċċja sfidi fuq terminu medju li jenfasizzaw il-ħtieġa għal qafas ta' politika robusta," qal ir-rapport. Iżda minkejja dan, l-enfasi tinbidel lejn it-trawwim ta' tkabbir sostenibbli, inklużiv u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, kif spjegat fil-valutazzjoni reċenti tagħha l-IMF. L-organizzazzjoni globali tkompli tgħid li t-tbassir jindika li t-tkabbir ekonomiku ta' Malta se jonqos xi ftit iżda mistenni jkompli b'ritmu pożittiv, b'aspettattivi ta' 6.25% fl-2023 u 5% fl-2024. Tħassib ewlieni enfasizzat mill-IMF huwa l-persistenza tal-inflazzjoni 'l fuq minn 2% sal-aħħar tal-2025. Dan il-fenomenu huwa attribwit għal swieq tax- xogħol stretti u pressjonijiet sostnuti tad-domanda. Hekk kif l-ekonomija ta' Malta topera 'l fuq mill- potenzjal, il-ħtieġa għal konsolidazzjoni fiskali ssir evidenti. Fost ir-rakkomandazzjonijiet mill-IMF hemm it-tneħħija gradwali tas-sussidji tal-enerġija, meqjusa bħala piż fuq il-baġit u restrizzjoni fuq l-ispazju fiskali għall-appoġġ ta' riformi li jtejbu l-produttività. L-organizzazzjoni rrakkomandat li sussidji bħal dawn jitneħħew gradwalment filwaqt li jiżdied l-appoġġ għall-familji vulnerabbli. Barra minn hekk, l-IMF kompliet tenfasizza fuq l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali strutturat għall- implimentazzjoni f 'fażijiet tar-riforma tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv, partikolarment fid-dawl tal-adozzjoni mill-UE tad-direttiva tat-taxxa minima. Għalhekk irrakkomandaw li l-pjan direzzjonali jinkludi wkoll riforma tat-taxxa tad-dħul personali biex l-aġġustament isir aktar effiċjenti u inqas distorsjoni. Ir-riskji fuq medda medja ta' żmien għall- prospetti ekonomiċi ta' Malta huma mxaqilba 'l isfel, primarjament minħabba l-effetti sekondarji potenzjali minn kunflitti ġeopolitiċi u inċertezzi fl-Ewropa. Id-Diretturi saħqu l-importanza li jiġu indirizzati l-pressjonijiet inflazzjonarji u li tissaħħaħ is-sostenibbiltà fiskali. "Is-sistema finanzjarja tal-pajjiż uriet reżiljenza, iżda l-monitoraġġ kontinwu tal-vulnerabbiltajiet potenzjali, speċjalment fis-suq tal-propjetà immobbli, għadu imperattiv" żiedet tgħid fir- rapport. Finalment l-IMF qalet li l-Pjan ta' Rkupru u Reżiljenza ta' Malta se jwassal għal riformi u investimenti kruċjali fid-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika. Madankollu, jinħtieġu aktar sforzi biex jissaħħu l-oqfsa ta' governanza kontra l-korruzzjoni, jiġu promossi r-riċerka u l-innovazzjoni, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta' ħiliet, titħaffef id-dekarbonizzazzjoni u r-reżiljenza għall- klima, tingħata spinta lill-investiment f 'enerġija rinnovabbli, u jissaħħu r-riżultati tal-edukazzjoni (b'mod ġenerali u għal studenti immigranti). "It-tkabbir Ekonomiku fl- 2023 kien aktar mill-medja Ewropea, bil-pajjiż jirreġistra tkabbir reali ta' aktar minn 6% tal-Prodott Gross Domestiku" Marthese Portelli (lemin) u Josef Bugeja (xellug) jitkellmu mal-ILLUM b'referenza rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 4 February 2024