Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1516789
10 aħbarijiet IL-ĦADD 3 TA' MARZU 2024 • illum opinjoni Graziella Galea hija Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju Graziella Galea Hu biss permezz ta' sforz kollettiv u kkoordinat li nistgħu nieħdu l-benefiċċju mis- sagrifiċċju ta' Jean Paul, u ta' tant persuni oħra li tilfu ħajjithom, jew weġġgħu matul is-snin R aġel iweġġa' fuq sit ta' kostruzzjoni. Ħadd ma kien jaf min kien. Imut jiem wara. Sirna nafu min kien ġranet wara li weġġa'. Dan ġara fi Frar 2024. Dan ma ġarax f 'xi pajjiż tat-tielet dinja. Dan seħħ f 'pajjiżna. Seħħet mewta traġika oħra. Dan kien it jiem qabel ma, nhar l-Erbgħa 28 ta' Frar 2024, ġiet ippubblikata l-inkjesta pubblika dwar it-traġedja li wasslet għall-mewt ta' Jean Paul Sofia nhar it-3 ta' Diċembru, 2022. Inkjesta pubblika li saret minkejja li l-Gvern ma riedx li ssir, tant li l-membri Parlamentari kollha min-naħa tal-Gvern ivvutaw kontra li l-inkjesta ssir. Dakinhar li ttieħed il-vot fil-Parlament aħna li konna hemm stajna naraw x'ġara fil-Parlament. Stajna naraw ir-reazzjoni tal-familjari ta' Jean Paul Sofia. Reazzjoni naturali. Nispera li qatt ma' nerġa' ngħaddi minn esperjenza simili għal dak li ġara dakinhar. Ġo qalbi bdejt ngħid "kif tista' tħares lejn omm, lejn missier, li jkunu tilfu lil binhom, u tgħidilhom 'le ma rridx din l-inkjesta?'" Lil binhom ma tistax iġġibu lura imma għall-inqas ittihom dak li qed jitolbu. Il-familjari ta' Jean Paul kienu għamluha ċara li minkejja l-vot fil-Parlament huma kienu se jibqgħu jirsistu sakemm isir dak kollu li jista' jsir, biex traġedji bħal ta' Jean Paul ma jerġgħux iseħħu f 'pajjiżna. Il-familja ta' Jean Paul, quddiem nett ommu Isabelle, talbet biex tinżamm velja f 'isem Jean Paul. Probabbli kien hemm min ħaseb li din l-omm ma kienx se jirnexxilha tiġbor nies li kienu lesti jattendu għal tali velja. Il-pjazza ta' Kastilja mtliet b'eluf ta' nies kollha jitolbu ġustizzja. Jean Paul irnexxielu jgħaqqad nazzjon. Inġabru nies ta' etajiet differenti, minn kulturi u pajjiżi differenti, bi twemmin politiku differenti. Il-Gvern kien induna li l-mewġa ta' rabja u dwejjaq li kienet ħakmet lil pajjiżna kienet kbira ħafna, tant li matul il-ġurnata l-Gvern kien ħabbar li kien se jagħmel dak li it jiem qabel, kien ivvota biex ma jsirx. L-inkjesta saret, grazzi għall-perseveranza ta' Isabelle, omm Jean Paul, u missieru John. Perseveranza li l-Oppożizzjoni emmnet fiha sa mil-bidu nett, minkejja li l-maġġoranza tal-membri parlamentari vvutaw kontra li l-inkjesta pubblika ssir. Matul ix-xhur li għaddew kienu bosta dawk li taw ix-xhieda tagħhom. Dawn kollha taw sehemhom għal dak li ġie ppubblikat nhar l-Erbgha. Primarjament, il-ġenituri ta' Jean Paul. Ommu Isabelle għamlet sensiela twila ta' domandi li għalihom stenniet risposta. Xehdu wkoll diversi uffiċjali pubbliċi minn diversi entitajiet bħall-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA), l-Awtorità tal-Ippjanar, INDIS u Malta Enterprise. Kollha taw il-verżjoni tagħhom ta' kif saru u/jew għadhom isiru l-affarijiiet u jittieħdu deċiżjonijiet. Kien hemm punti li ħargu ċari minn dawn ix-xhieda. L-awtoritajiet responsabbli tad-diversi setturi m'għandhomx biżżejjed persuni biex jagħmlu dak mitlub minnhom. Il- Gvern żamm, u għadu jżomm lura milli jipprovdi l-finanzi neċessarji biex l-istrutturi jissaħħu. Kien hemm, u għad hemm min, biex jgħatti n-nuqqasijiet tal-lum, jgħid li s-settur tal-kostruzzjoni ilu fi kriżi għal snin twal, fosthom il-Prim Ministru u membri parlamentari min-naħa tal-Gvern. Il-verità hi li s-settur tal-kostruzzjoni nbidel totalment matul l-aħħar snin, b'mod partikolari wara l-bidliet li daħlu fis-seħħ fl-2015 fejn żdiedu s-sulari li huma permessi li jinbnew, u ż-żieda fil-permessi għal xogħol ta' kostruzzjoni. Issa l-inkjesta lesta. Ir- rakkomandazzjonijiet huma wisgħin ħafna. Biex l-inkjesta tkun tista' tilħaq l-effett mixtieq hu meħtieġ li jsiru bosta investimenti. Investimenti fil-bnedmin, investimenti fil-faċilitajiet, investimenti fil-kordinazzjoni meħtiega biex id-diversi oqsma kkonċernati jaħdmu flimkien ferm aħjar, investimenti finanzjarji, u ħafna aktar. Nittama li dawn l-investimenti verament isiru f 'qasir żmien, hekk kif issa qiegħed iwiegħed il-Gvern. Ejjew ma nħallux iktar inċidenti, li diversi minnhom jwasslu għal diżabilitajiet permanenti u severi, u mwiet fuq is-siti ta' kostruzzjoni. Hu prattikament inutli li jkollna regolamenti, policies, proċessi u obbligi amministrattivi, jekk ma jkunx hemm infurzar. Ejjew naraw li jittieħdu l-miżuri kollha għal prevenzjoni ta' fatalitajiet u korrimenti. Ejjew nipproteġu s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni matul il-fażijiet kollha tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni. Ma nistgħux naċċettaw traskuraġni u nuqqasijiet. Il-klima ta' xejn mhu xejn li nħolqot, fejn kulħadd jagħmel li jrid ma tistax tibqa' tiġi aċċettata. Ejjew naraw li l-infurzar verament iseħħ u jkun wieħed ikkordinat. Hu biss permezz ta' sforz kollettiv u kkordinat li nistgħu nieħdu l-benefiċċju mis-sagrifiċċju ta' Jean Paul, u ta' tant persuni oħra li tilfu ħajjithom jew weġġgħu matul is-snin. Omm Jean Paul ressqet 28 domanda. L-inkjesta ressqet 39 rakkomandazzjoni. Biex naslu xi mkien hu meħtieġ li jittieħdu l-passi neċessarji biex id-domandi ta' omm Jean Paul jingħaqdu mar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta. Din il-kordinazzjoni għandha twassal għal bidliet meħtieġa fuq il-lant tax- xogħol. B'hekk inkunu nistgħu ngħidu li dan iż- żagħżugħ verament biddel sew, għall-aħjar, l-oqsma tal-kostruzzjoni ta' pajjiżna. Nemmen u nispera li flimkien għandna naslu biex dak li hu meħtieġ verament isir. Nittama li dan isir f 'qasir żmien. U nevitaw iktar inċidenti u mwiet. Is-saħħa tal-perseveranza Jean Paul Sofia