MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 16 June 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1522631

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 15

Albert Buttigieg huwa Deputat Nazzjonalista u kelliem għall-familja u s-solidarjetà soċjali 10 aħbarijiet IL-ĦADD 16 TA' ĠUNJU 2024 • illum opinjoni I l-poplu tkellem. Bagħat messaġġ ċar daqs il-kristall, sintendi għal min irid jisma'. Matul il-kampanja elettorali, il-Partit Laburista għamel minn kollox biex jikkonvinċi liċ-ċittadini Maltin. Dan huwa d-dover ta' kull partit. Imma l-partit Laburista ma waqafx hemm. Użu s-saħħa u r-riżorsi kollha tal-Gvern biex jirbaħ il-vot tagħhom. Qassam ċekkijiet tal-flus, ħareġ skemi ta' għajnuna, ta promozzjonijiet lill-ħaddiema tal-Gvern, irranġa bankini u toroq, iffirma ehim ma' dak jew mal-ieħor u saħansitra wasal biex qassam appartamenti tal-Gvern fl-aħħar ġimgħat! Imma kienu diversi ċittadini li, filwaqt li ħadu dak li bagħtilhom il-Gvern, spiċċaw beżqulu fis- sunnara! Nemmen li dan huwa l-ewwel messaġġ li ħareġ ċar. Diversi ċittadini huma intelliġenti biżżejjed biex jintebħu li l-Gvern kien qiegħed biss jipprova jroxx il-bżar fl-għajnejn. Ħareġ ċar li diversi ċittadini mhumiex lesti jkunu aktar għall-bejgħ u li ma jinxtarawx malajr! Għalkemm il-Partit Laburista teknikament rebaħ dawn l-elezzjonijiet, u dan kien previst li jseħħ, politikament "tilef " din l-elezzjoni. Li Robert Abela jipprova jbenġilha bħala "rebħa soda", ikompli jikkonferma li l-PL jibni kollox fuq l-ispin, jiġifieri fuq tgħawwiġ tal-verità! Mhux kulħadd huwa "ġaħan" – biex nuża l-espressjoni li uża Zammit Lewis stess! Għaliex qiegħed ngħid li l-Partit Laburista tilef politikament din l-elezzjoni? Tajjeb ngħid li fl-aħħar elezzjoni li kellna fl-2019, il-PL rebaħ b'distakk ta' 42,600 vot. Din kienet rebħa soda tassew. Imma f 'din l-elezzjoni, il-PL rebaħ b'distakk ta' 8,454 vot. Dan ifisser li naqqas il-voti mhux b'wieħed jew tnejn imma bi 34,141 vot! Il-messaġġ kien wieħed ċar! Jidher ċar li diversi nies mhumiex impressjonati bit- tlellix u l-propoganda tal-Gvern u jinsabu rrabjati u diżappuntati li l-PL tbiegħed mill-valuri Laburisti u sar donnu refuġju u dar tal-ħallellin u l-frodisti. Huma diversi li qegħdin jaraw li l-PL qisu sar it-tarka u l-vuċi, mhux tal-ħaddiema, imma tal- korrotti u ta' min irid jitħanżer! Matul dawn il-11-il sena, kellna skandlu wieħed akbar minn ieħor. Bdejna bl-iskandlu tal- Cafe' Premier, imbagħad kellna l-kontijiet sigrieti fil-Panama, imbagħad ħarġet l-istorja tal- wind farms ġewwa l-Montenegro, l-istejjer ta' 17 Black, il-qtil makabru ta' Daphne u t-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern biex toħroġ il-verità, l-iskandlu tal-flyover tal-Marsa, l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan u l-iskandlu tal- benefiċċji soċjali. Dan biex ma nsemmix numru ta' oxxenitajiet ta' promotions u direct orders lil tal-qalba. Imma l-akbar żewġ skandli li heżżew lill-poplu ċertament kienu l-inkjesta ta' Jean Paul Sofia u l-inkjesta tal-isptarijiet tal-Vitals/Stewards li waslu biex għall-ewwel darba fl-istorja politika ta' pajjiżna, eks prim ministru, deputat prim ministru, ministri u segretarji parlamentari jkunu akkużati quddiem il- Qorti b'akkużi serji ta' frodi u korruzzjoni! Quddiem dawn il-ġrajjiet, Robert Abela flok qata' id il- qarnita, spiċċa biex tgħannaq magħha. Flok ġab ruħu ta' Prim Minitru ta' pajjiż membru tal-komunità Ewropea, spiċċa jagħmilha ta' avukat difensur. Flok ġab l-interessi ta' pajjiżna, għażel li jpoġġi l-interessi tiegħu u tal-partit l-ewwel. Spiċċa jgħajjar lil min qed jaħdem għas-sewwa u għall-verità bħala tradituri minflok ċanfar lil min kien il- protaganist f 'din il-ħadma! Dan urta lil ħafna. Diversi kienu/huma urtati li numru ta' esponenti fil-Partit Laburista qegħdin jużaw lill-partit biex jitħanżru u jiffangaw huma a skapitu tal-ġid komuni. Jidher ċar li diversi Laburisti semgħu minn Desmond Zammit Marmara' li kiteb biex il-Laburisti jagħmlu favur lil Malta u ma jivvutawx Labour. Oħrajn, għalkemm marru jivvutaw (biex ma jkunux ittimbrati li ma ħarġux), ħassru l-vot tagħhom jew inkella taw l-ewwel preferenza lil Roberta Metsola. Fil-fatt, diversi voti kellhom preferenza għal Roberta biss! Nemmen li dawn kienu fil- maġġoranza tagħhom Laburisti. Min-naħa l-oħra, nemmen li għalkemm il-Partit Nazzjonalista teknikament tilef din l-elezzjoni, rebaħha politikament. U ngħid għaliex. Mhux biss għax il-PN reġa' rebaħ it-tielet siġġu u żied il- voti tiegħu, imma għax f 'din l-elezzjoni Ewropea kiseb l-aktar riżultat pożittiv li qatt kellu l-partit minn kemm ilu li daħal membru fil-komunità. Nemmen bis-sħiħ li rbaħna politikament għaliex il-PN kellu kollox kontrih. Konna tassew l-underdogs – kif tal-Labour kienu jħobbu jgħidu fuqhom infushom! Il-PN kellu, mhux biss l-istazzjon TVM kontrih li kien magna ta' propoganda kontinwa favur il-Gvern, imma saħansitra s-surveys wieħed wara l-ieħor li kienu qed ibassru distakk ta' madwar 27 jew 30 elf ! Dan żgur ħalla impatt psikoloġiku, mhux biss fuq il-votanti Nazzjonalisti, imma anke fuqna! Xi drabi s-surveys huma għodda biex taqta' qalb dak li jkun. Diversi wkoll kienu jgħajruna jew inkella jgħidulna li kollox għal xejn għaliex spiċċajna erba' qtates f 'kantuniera! Imma hawn qiegħda l-imma kollha. Bħalma David ma beżax mill-ġgant Gulija, hekk ukoll aħna lkoll ma qtajniex qalbna. Ilkoll kemm aħna ħdimna fuq li ħdimna. Żorna familji u tkellimna magħhom. Għalkemm kulħadd għamel il-parti tiegħu, żgur li ma nistax ma nsellimx l-impenn tal-Kap Bernard Grech, tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u tal-Manager tal-kampanja Karl Gouder li verament emmnu u ħadmu għal dan ir-riżultat. Għalina, dan ir-riżultat huwa l-bidu u mhux it-tmiem. Huwa l-bidu ta' mixja oħra u itwal li għandha twassalna għal rebħa oħra. Bl-umiltà u b'saqajna mal-art se nkomplu nwasslu l-messaġġ li l-Partit Nazzjonalista huwa l-aħjar għażla u għalkemm fil-passat saru żbalji, Malta, bi gvernijiet Nazzjonalisti, dejjem imxiet 'il quddiem. Il-lista tas- suċċessi huma hemm għal min irid jara. Bejn l-1987 u l-2013, Malta għamlet qabża ta' kwalità fuq kull livell. Ħafna mis-suċċessi li llum il-Gvern Laburista jiaħar bihom huma grazzi għall-ħidma tal-gvernijiet Nazzjonalista. Biżżejjed insemmi, fost oħrajn, is-setturi ta' kwalità bħalma huma l-iGaming, l-avjazzjoni, is-servizzi finanzjarji, il-ħidma marittima, l-investiment fl- edukazzjoni, it-turiżmu u l-lukandi ta' kwalità, id-dħul ta' Malta fl-Ewropa u fiż-żona ewro, u ħafna aktar! Fl-istess waqt, tajjeb ukoll li l-partit jisma' wkoll il-messaġġ li bagħtu diversi nies li għażlu li ma jmorrux jivvutaw, iħassru l-vot tagħhom jew inkella jivvutaw kandidati indipendenti. Hemmhekk hemm messaġġ li hemm bżonn nisimgħuh ukoll. Nifraħ minn qalbi, mhux biss lil Roberta, lil David u lil Peter għas-suċċess tagħhom, imma anke lil Alex, Daniel u omas. Ninsab ċert li għalkemm hemm differenzi ideoloġiċi, żgur hemm rieda u impenn komuni għall-ġid ta' Malta. Awguri. Il-poplu tkellem Albert Buttigieg Bernard Grech fis-sala tal-għadd tal-voti

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 16 June 2024