MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 28 July 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1524590

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 15

16 kultura IL-ĦADD 28 TA' LULJU 2024 • illum Ġirja kontra l-ispejjeż, il-ħin u l-avversarji: Id-delizzju tal-ġiri taż-żwiemel Luigi Sghendo jiltaqa' ma' Dylan Baldacchino u Attack Photo biex jifhem aħjar dan id-delizzju Dylan Baldacchino, sid iż-żiemel Attack Photo mid-Danimarka, qasam l-istorja tiegħu dwar id-dinja tad-delizzju tal-ġiri taż-żwiemel tat-trott, fejn il- passjoni li għandu tisboq l-isfidi u l-ispejjeż assoċjati ma' dan id- delizzju. Għall-familja Baldacchino, it-tiġrijiet taż-żwiemel hija tradizzjoni għażiża mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra, fosthom missieru, li sal-lum il-ġurnata għadu jikkompeti kontrih, u ovvjament il-botti fuq min hu l-aħjar ma jieqfu qatt, qalli Baldacchino. Baldacchino żvela r-rutina metikoluża ta' kuljum meħtieġa biex jieħu ħsieb iż-żiemel, Attack Photo u l-apparat. Bil-ħajja mgħaġġla li ninsabu fiha saqsejtu kif jirnexxilu jlaħħaq ma' dawn ir-responsabbiltajiet fl-isfond ta' responsabbiltajiet oħra, huwa qal li l-maġġoranza tal-komunità tkun kmieni filgħodu, jew inkella tard filgħaxija. Barra minn hekk huwa qal li xi drabi jieħu lil Attack Photo l-baħar bl-għan li jtaffilu l-inammazzjoni wara l-ġiri. "Filgħodu tagħlef, tippreparalu l-friex, terġa' tiġi tarma tnaddaflu saqajh, waranofsinhar u filgħaxija terġa' tagħlef. Sakemm tarma u tieħdu dawra prattika kuljum fuq it-triq għandek tliet sigħat, trid tnizżlu l-Marsa għall-prattika darbtejn fil-ġimgħa, l-Erbgħa u s-Sibt. Importanti li wieħed iqassam il-ħin" kompla jispjega Baldacchino. Fost l-isfidi li ġġib magħha l-ħajja ta' kuljum, Baldacchino jirrikonoxxi l-isfida li jibbilanċja d-dmirijiet familjari mal-passjoni tiegħu għat-tiġrijiet taż-żwiemel. Spjega li din mhix xi ħaġa faċli, speċjalment minħabba l-fatt li jkollu jissagrifika l-Ħdud għall- kompetizzjonijiet. "Dan isir kull nhar ta' Ħadd, li tipikament tkun riservata għal mal-familja, imma jien m'għandix Ħadd u jkolli nibbilanċja l-ħin għal mal-familja u d-delizzju". Rigward apparat, Baldacchino spjega l-apparat fiex jikkonsisti: l-arnes, jintlibes ma' qaddu biex tinqabad ix-xarretta miegħu. Ix- xarretta hija dik li s-sid ipoġġi fuqha matul tellieqa – tustiera li fiha flat – tintuża biex tinnaviga d-direzzjoni taż-żiemel. Huwa żied jgħid li għandu apparat differenti, bejn dak li juża ta' kuljum, dak li juża għall-prattika tal-Erbgħa u s-Sibt u finalment għandu l-inġenji seperati tal- kompetizzjonijiet. Dawn ikunu l-ogħla u jkunu l-eħfef fost kwalitajiet oħra. Staqsejtu jispjegali t-tipi differenti ta' tlielaq, b'Baldacchino jispjega li hemm klassijiet differenti, b'distanzi differenti, 1640m, 2140m, 2640m u 3140m, iżda tipikament żiemel jispeċjalizza f 'distanza qasira jew twila, jew tal-qosor, żwiemel li jiġru ħafna però ma jdumux jew tat-tul, żwiemel li għandhom kapaċità li jżommu ritmu konsistenti. Fuq it-tema ta' kisbiet, Baldacchino esprima li jinsab kburi b'Attack Photo. Flimkien, huma ġew l-ewwel u kisbu 14- il kukkarda tal-kompetizzjoni bronż f 'sentejn. Rigward sfidi, Baldacchino semma li sfortunatament minħabba d-djuqija tat-toroq Maltin, din tagħmilha diffiċli biex jinnaviga b'mod sigur madwar it- toroq Maltin, tant li rrakkontali kif sas-sajf li għadda, Attack Photo ntlaqat minn vettura li laqtitlu saqajh iżda għall-grazzja t'Alla rkupra qawwi u sħiħ. Barra minn hekk semma l-isfida tal-ispejjeż. Fuq moħħu, Baldacchino kkalkula li bejn wieħed u ieħor, sid irid joħroġ madwar €200 kull ġimgħa, ngħidu aħna ġwież, mediċina, felu, u vitamini. Mistoqsi jekk jemminx li hawn xi wħud li jixtru żiemel bl-għan li jagħmlu profitt, Baldacchino stqarr li "ma jistax ikun, fuq żwiemel telf biss għandek, anke jekk tirbaħ, għax hawn Malta m'għandekx il-premjijiet bħalma għandhom pajjiżi oħra. Barra minn Malta tirbaħ tiġrija tirċievi €5,000, hawn Malta ta' bronż tieħu €315. Issa jekk hijiex il-premier, fidda jew bronż, kull żiemel għandu spejjeż simili". Żied jgħid li żiemel iqum minn €1,000 għal €100,000. Kollox jiddependi mill-klassi li tixtieq tixtri, iżda sostna li minkejja li żiemel jista' jqum daqshekk, garanzija li dejjem jiġi l-ewwel qatt ma jkollok. Fl-aħħar nett, fejn jidħlu sfidi, Baldacchino qal li "t-trakka mhix kundizzjonata bħal ta' barra" u minkejja wegħdiet ta' investimenti multimiljunarji li tħabbru snin ilu, it-trakka għadha ma bdietx tiġi żviluppata. Rigward popolarità huwa jemmen li se jibqa' b'saħħtu. Minkejja spejjeż u responsabbiltajiet kbar, Baldacchino qal li xi wħud iduru madwar din il-problema billi jingħaqdu żewġ persuni 'bi sħubija' u jixtru żiemel jew debba flimkien. Staqsejtu fuq id-dilemma li jaffaċċjaw persuni li jipprattikaw dan id-delizzju. Meta żiemel jimrad jew jixjieħ u ma jkunx jista' jibqa' jiġri, xi jsir minnu? Baldacchino qal li teżisti inizjattiva fejn fiha sidien ikunu jistgħu jibagħtu ż-żwiemel l-Ingilterra (speċjalment minħabba li Malta hawn limitazzjonijiet ta' spazju), iżda Baldacchino sostna li Attack Photo se jibqa' għandu, jiġrilu x'jiġrilu. Meta staqsejtu jekk hux se jkompli b'dan id-delizzju li hu f 'demm il-familja, Baldacchino qalli kif ibnu ta' sentejn diġà qed jibni relazzjoni profonda ma' dan id-delizzju, tant li flimkien ma' missieru qed jieħu ħsieb poni li joħorġu bix-xarretta, filwaqt li jara lil missieru jiġri fuq it-trakka tal-Marsa. "Is-sodisfazzjon jiġi meta tkun ilek tipprattikah għal ħafna ħafna ħin u fl-aħħar tikseb il-ferħ billi tirbaħ, mhux għax tirbaħ il- flus għax intenni li minnu telf tagħmel, imma minn ġewwa kull sid imur il-Marsa biex jirbaħ," qal Baldacchino. Dylan Baldacchino maż-żiemel Attack Photo

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 28 July 2024