Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1530960
15 kotba IL-ĦADD 29 TA' DIĊEMBRU 2024 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fl-aħħar paġna letterarja għas-sena 2024, Daniel Cossai jissaħħar bir- rakkonti ta' Rita Saliba miġbura f'Ma Kull Riħ (Klabb Kotba Maltin, 2024). Ħadd wara Ħadd L-aħħar Ħadd tas-sena. Diffiċli wieħed ma jqattax dan iż-żmien jirrifletti fuq is- sena li qed toqrob lejn tmiemha, jiftakar fil-mumenti ewlenin, u forsi jirrealizza, aljenat kif ikun bl-immedjat tal-ħajja ta' kuljum, kemm ġraw affarijiet differenti tul is-sena. Il-ħajja hekk. Episodika, iva, imma interkonnessa tul fil kontinwu ta' rutina fejn il-bidliet ħafna drabi jseħħu bil-mod, tant li lanqas nintebħu li l-affarijiet inbidlu. Imma kultant, il-bidla tiġi f 'daqqa, bħal sajjetta fil- bnazzi. Jiġi l-maltemp, u r-riħ qawwi— metaforikament, mhux bħalma kellna fl-aħħar jiem—jibdlilna r-rotta. Dawn is-sentimenti huma fil-qofol tal-iżjed pubblikazzjoni reċenti ta' Rita Saliba, Ma' Kull Riħ, maħruġa minn Klabb Kotba Maltin (2024). Hija ġabra ta' wieħed u għoxrin novella, ġeneru li Saliba ċertament mhux ġdid għaliha; fil- fatt, Saliba rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għan-Novelli fl-2023 bil-ġabra tagħha Tbajja' tax-Xemx u Stejjer Oħra għad-Dell (Klabb Kotba Maltin, 2022). Inġenerali dan hu ġeneru produttiv ħafna fil-Malti, u ilu hekk mhux ħażin. Ħaġa li, f 'għajnejja, tagħmel sens f 'poplu li jħobb juża l-kitba bħala ritratt ta' xi aspett jew episodju partikolari tal-ħajja, u xejn iktar, teknika komuni kemm fil-proża, kif ukoll fil-poeżija tal-Maltin, li hija ferm iżjed adattata għal forom qosra. F'dan il-ktieb, Saliba ma tillimitax ruħha fit-tul daqskemm għamlet fi Tbajja' tax-Xemx, fejn l-istejjer kienu strettament twal paġna kull waħda; in- novelli f 'Ma' Kull Riħ huma xi ftit jew wisq ta' madwar ħames paġni, kultant ftit iżjed jew ftit inqas. B'dan il-mod tagħti xeħta differenti lill-istejjer, fuq livell tekniku; anki hekk kif tfittex li tagħmel l-istess ħaġa li tagħtina ritratt ta' xi aspett wieħed tal-ħajja tal-karattri, tiksbu b'modi differenti li jħallulna impressjoni differenti. Filwaqt li fi Tbajja' tax-Xemx, Saliba wriet ħila kbira li toħloq storja b'numru limitat ħafna ta' kliem, hawnhekk, meħlusa mir-riġidità stretta ta' paġna, turina kif tista' tiżviluppa storja itwal sew fi ftit paġni u kif wieħed m'għandux bżonn ħafna kliem biex joħloq plott b'tekniki kumplessi. Dawn l-istejjer, fil-fatt, juruna aspetti iżjed fit-tul fil- ħajja tal-karattri, fuq għadd ta' xhur jew snin; kultant permezz tar-rakkont (bħal f ''Għad-dell tal-ġiżimina') imma mhux dejjem. Ġieli r-rakkonti jesploraw biss ftit sigħat, imma bl-informazzjoni mogħtija fin-narrazzjoni, nistgħu nimlew il-vojt u nisiltu dak il-fil kontinwu li fih isseħħ il-bidla, jew gradwalment jew, bħal fi 'Tkaken', ħabta u sabta. Proċess xi ftit bħall-kotba tat-tpinġija, fejn l-awtriċi tagħtina l-kontorni tal-karattri imma mbagħad huwa l-qarrej li jimla l-ispazju ta' ġol-kontorni bil-kulur. Inevitabbilment, it-titlu wassalni biex nirrifletti fuq il-qwiel u l-idjomi Maltin, għax "idur ma' kull riħ" fil- psike kollettiva tal-Maltin tfisser xi ħadd bla prinċipji, pinnur, li ma tantx tista' toqgħod fuqu għax malajr jibdel fehmtu. F'ħafna min-novelli joħroġ xi ftit dan is- sens ta' prinċipji, imma huwa sekondarju. Minflok, it-titlu jidher li japplika għall- ħajja b'mod ġenerali; il-ħajja bħal pinnur, tonfoħ ma' kull riħ, u qatt ma taf eżatt fejn se titfgħek bla mistenni. Spikkat f 'moħħi l-istorja ta' tifla bilgħaqal li fil-maltemp mhux mistenni tal-ħajja, ġiet stuprata minn xi ħadd li suppost setgħet tafda, spiċċat tqila, u rabbiet il-vizzju tas-serq. Kif juri dan l-eżempju, Saliba ma taħrabx minn suġġetti tabù. Anzi, naħseb li huma l-marka distintiva ta' bosta minn dawn in-novelli. Is-suġġetti ttrattati normalment mhumiex wisq sbieħ; naraw tradiment, relazzjonijiet li jibqgħu biss fix-xewqa tal-moħħ, relazzjonijiet mitmuma, ħjiel ta' qsim il-qalb li għadu ġej wara t-tmiem tal-istorja, mewt. Imma wara kollox, kitba li tfittex li tagħti ritratt tal-ħajja ma tistax tkun kollha ward u żahar. Forsi xi naqra ironikament, dan tfakkarna fih Saliba fl-istess fin- novella 'Poeżija', fejn il-familja ta' Dario Darmanin tinsab imħassba għax qed jikteb vrus makabri li qed iwasslu lin- nies biex jitkellmu fuq il-familja. Fil-fatt, ir-reċensur immaġinarju fl-istorja jgħid li "Darmanin huwa l-poeta tal-lum" u jfaħħar kitbietu mhux ħażin. Din il-liwja tal-aħħar, is-sorpriża, insibuha fil-biċċa l-kbira tan-novelli f 'din il-ġabra, għalkemm l-impatt tagħha ġieli jkun iżjed imtaffi, ġieli iżjed qawwi. F'xi stejjer il-liwja sseħħ iżjed kmieni, imma għalija din it-teknika kienet l-iżjed ħaġa li għoġbitni fil-ktieb. Saliba għandha mod kif, mill-ewwel ftit kliem ta' kull novella, twasslek taħseb li sejra f 'ċerta direzzjoni jew li se titkellem fuq xi tema partikolari, imbagħad, ftit wara, taħsdek u tmur f 'direzzjoni oħra. Donnu, taf int, ir-riħ beda jonfoħ mod ieħor. Imbagħad erħilha biex f 'xi novella oħra tesplora proprju t-tema li kont qed tistenna qabel. Dan tagħmlu b'ħila kbira, sal-punt li teknika tinħass koeżiva, tgħaqqad il-ġabra flimkien, u mhux repetittiva. Semmejt il-qwiel. Ħadd wara Ħadd tasal ta' kulħadd, jgħid il-Malti. Jew ukoll, il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser. Żewġ qwiel li fil-qalba tagħhom għandhom l-istess ħsieb: kollox jinbidel. Ħaġa tista' mhux iddum issir, forsi bil- moħbi, għax f 'xi ħin jew ieħor ir-riħ se jonfoħ u l-affarijiet se jinbidlu, spiss (f 'dawn l-istejjer) għall-agħar. Din l-idea wkoll tgħaqqad il-kitbiet differenti li jsawru din il-ġabra. Il-ġeneru tan-novelli f 'Malta huwa rikk u kompetittiv. Wieħed jaħseb mill-ewwel f 'awturi bħal Trevor Żahra, Immanuel Mifsud, u Joe Friggieri. Fost dawn, f 'kull diskussjoni nemmen li rridu ninkludu wkoll isem ieħor, ta' awtriċi li llum għandha numru ġmielu ta' ġabriet u li l-kitba tagħha qed tkompli timmatura u tesplora rkejjen ġodda: Rita Saliba. Il-pubblikatur bagħatli kopja tal-ktieb biex nirreċensah b'mod onest.