MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 19 January 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1531606

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 15

intervista illum • IL-ĦADD 19 TA' JANNAR 2025 07 opportunitajiet biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. IL-KORS OBBLIGATORJU TA' INTEGRAZZJONI DWAR IL-KULTURA MALTIJA GĦANDU L-GĦAN LI JSAĦĦAĦ L-INTEGRAZZJONI TAL-ĦADDIEMA FIL-PAJJIŻ. MADANKOLLU, XI WĦUD JISTGĦU JQISU DAN BĦALA SUPERFIĊJALI META MQABBEL MA' KWISTJONIJIET SISTEMIĊI AKTAR PROFONDI BĦALL- ISFRUTTAMENT U N-NUQQAS TA' AKKOMODAZZJONI. KIF SE TIŻGURA LI DIN IL-MIŻURA TRAWWEM INTEGRAZZJONI ĠENWINA? Il-Malta Labour Migration Policy tinkludi bosta miżuri biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiem u biex jiġi żgurat li min jabbuża jkollu penali ħorox. Però huwa wkoll importanti illi qabel TCN jiġi Malta jkun jaf fuq il-kultura, il-valuri, u l-liġijiet tagħna, kif ukoll il-ħajja Maltija. Il-Maltin m'għandhomx obbligu jinbidlu għal min ġej fostna, iżda għandna obbligu li noffru lil min ġej fostna illi jkollu ċ-ċans ikollu għarfien dwar Malta, il-Maltin u l-valuri tagħna. Huwa għalhekk li waħda mir- rakkomandazzjonijiet li qed inressqu hija li korsijiet ta' informazzjoni u integrazzjoni jsiru mandatorji qabel TCN jasal Malta biex jaħdem. Permezz ta' din il-miżura se niżguraw ukoll li jiġu biss TCNs illi jafu jikkomunikaw bl-Ingliż jew bil-Malti, filwaqt li jingħata l-għarfien meħtieġ fuq Malta, il-valuri tagħna, u anke d-drittijiet tal-ħaddiema f 'Malta. Din il-miżura se tgħin ukoll biex jonqos l-abbuż fuq il-ħaddiema hekk kif TCNs ħa jkunu pprovduti informazzjoni fuq l-obbligi u d-drittijiet tagħhom bħala parti minn dawn il-korsijiet ta' integrazzjoni. Din il-politika qed tindirizza direttament l-isfruttament. Ħafna minn dawn il-miżuri jistgħu jiġu implimentati b'mod faċli ħafna mill-awtoritajiet tagħna permezz tad-data diġà eżistenti. Pereżempju: jekk min iħaddem jinqabad mid-Department of Industrial and Employment Relations (DIER) li kiser xi kundizzjoni tax-xogħol, se jkun skwalifikat milli japplika għall-ħaddiema barranin, u jista' jingħata penali amministrattivi. Se nkunu wkoll qed nagħmlu emendi legali biex neskludu l-possibbiltà li ħaddiem barrani jintalab iħallas tal-ingaġġ jew it- terminazzjoni tiegħu. L-awtoritajiet diġà żiedu sostanzjalment spot checks fejn kien hemm rapporti ta' abbuż u diġà bdejna naraw ir-riżultati. Il- kwistjoni tal-food couriers u l-Y plates huwa eżempju ċar ta' dan. Dan se jkompli jiġi sostnut fiż-żmien li ġej. Fil-kwistjoni tal-akkommodazzjoni, il-Gvern diġà għamel riformi sostanzjali lejn l-aħħar tas-sena l-oħra. Residenza b'żewġt ikmamar tas-sodda u kamra tal- banju waħda għandha massimu ta' erba' persuni, u residenza bi tlett ikmamar tas- sodda u żewġt ikmamar tal-banju jistgħu jokkupawha sa massimu ta' sitt persuni. Din il-kwistjoni hi rregolata mill-Housing Authority, li għandha dritt, permezz tal- emendi legali li ġew fis-seħħ, li timmulta lil min jinqabad jabbuża. IR-REKWIŻIT LI S-SALARJI JITĦALLSU PERMEZZ TA' TRASFERIMENT BANKARJU HUWA PASS SINIFIKANTI BIEX JIĠI MIĠĠIELED IL-ĦLAS INSUFFIĊJENTI. MADANKOLLU, ĦAFNA ĦADDIEMA BARRANIN IBATU BIEX JIFTĦU KONTIJIET BANKARJI MINĦABBA L-BUROKRAZIJA JEW IN-NUQQAS TA' APPOĠĠ LOKALI. X'MIŻURI SE JIMPLIMENTA L-GVERN BIEX JIŻGURA LI DAN IR-REKWIŻIT ĠDID MA JKUNX TA' ŻVANTAĠĠ GĦALL- ĦADDIEMA? Ir-rekwiżit li s-salarji jitħallsu fil-kont bankarju se jiġi mitlub biss għall- ħaddiema barranin biss li jkunu ingaġġati għall- ewwel darba fil-pajjiż jew jagħmlu change of employer. Dan għaliex nimu li hemm ċerti sfidi u allura rridu li ndaħħlu din il-miżura b'mod gradwali mingħajr ma' noħolqu xokkijiet. Barra minn hekk, irrid ngħid li, skont il- liġi, kull persuna li għandha residenza Malta għandha dritt ta' kont bankarju bażiku, u aħna se nkunu qegħdin nisħqu fuq dan id- dritt. Fil-policy li ppreżentejna hemm miżura oħra li se nsaħħu din il-miżura u oħrajn. Miżura li tgħid li meta persuna, wara l-ewwel sena jaħdem Malta, jiġi biex iġedded il-permess ta' xogħol u residenza, se jsiru l-verifikazzjonijiet kollha meħtieġa, inkluż ħlasijiet tas-salarju. Jekk allura l-awtoritajiet jirrżultalhom li l-ħlasijiet ma sarux kif suppost, se jkunu qed jieħdu l-passi kollha biex jiġu rkuprati dawk il-ħlasijiet, filwaqt li jittieħdu l-proċeduri li hemm bżonn kontra min iħaddem jekk dan ikun abbuża. IL-POLITIKA TILLIMITA L-INGAĠĠAR TA' TCN F'ĊERTI ĊIRKOSTANZI FILWAQT LI TENFASIZZA WKOLL ID- DIPENDENZA TA' MALTA FUQHOM GĦAL SETTURI BĦALL-KURA TAS-SAĦĦA U L-KOSTRUZZJONI. IL-GVERN KIF SE JIBBILANĊJA DAWN L-GĦANIJIET LI JIDHRU KONTRADITTORJI MINGĦAJR MA JOĦNOQ IT-TKABBIR EKONOMIKU? Din il-politika ma teskludi lil ħadd jew l-ebda settur mill-ingaġġ ta' ħaddiema barranin, sakemm ir-rekwiżiti li se nkunu qed nintroduċu jiġu segwiti. Dawn ir- rekwiżiti qegħdin hemm biex jistabbilixxu u jassiguraw il-bżonn tal-ħaddiem. Rigward is-settur tas-saħħa: din il-politika mhux biss mhux tpoġġi piż akbar biex jiġu ingaġġati persuni barranin biss, fis-settur tas-saħħa, kura tal-anzjani u diżabilità, imma saħansitra qed tagħmilha aktar faċli. Fil-fatt, il-ħlas assoċjat mal-ingaġġ jew l-estensjoni tal-ingaġġ, se jinżel bin-nofs ta' dak li jiġi mħallas bħalissa. Il-policy tagħmel numru ta' eżenzjonijiet oħra għas-setturi tas-saħħa, kura tal-anzjani u diżabiltà. IL-POLITIKA TIPPROPONI LI JIĠU RRIFJUTATI AWTOMATIKAMENT APPLIKAZZJONIJIET MINN PAJJIŻI MEQJUSA TA' RISKJU GĦOLI. IL- GVERN KIF QED JIPPJANA LI JIŻGURA LI DIN IL-MIŻURA TKUN ĠUSTA U MA TWASSALX GĦAL PRATTIKI DISKRIMINATORJI JEW ISSAĦĦAĦ IL-PREĠUDIZZJI EŻISTENTI KONTRA NAZZJONALITAJIET SPEĊIFIĊI? L-għan ta din il-miżura huwa li niżguraw is-sigurtà tas-soċjetà Maltija, kemm mil- lat ta' sigurtà nazzjonali, kif ukoll mil-lat ta' saħħa pubblika. Huwa għalhekk illi qed nipproponu li l-awtoritajiet kompetenti jifformulaw lista ta' pajjiżi meqjusa ta' riskju għoli abbażi ta' kriterji oġġettivi u informazzjoni li jista' jkollhom. B'hekk se niżguraw illi ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn pajjiż u ieħor. MINĦABBA KONTROVERSJI DWAR IL-POLITIKA DWAR IL- MIGRAZZJONI U X-XOGĦOL FIL- PASSAT, X'ASSIGURAZZJONIJIET TISTA' TAGĦTI LI DAN IL-PROĊESS TA' KONSULTAZZJONI SE JIKKUNSIDRA ĠENWINAMENT IR-RISPONS TAL-PUBBLIKU U TAL-PARTIJIET INTERESSATI, U MA JKUNX A RUBBER-STAMP EXERCISE? Il-proċess ta' konsultazzjoni beda qabel tnieda dan id-dokument. Matul dawn l-aħħar xhur ta' ħidma tkellimna ma' ħafna nies f 'diversi oqsma. Tkellimna wkoll mal- imsieħba soċjali, u fil-fatt numru ta' miżuri li poġġejna għad-diskussjoni diġà jirriflettu din il-konsultazzjoni. Bħalissa qed nirċievu numru ta' sottomissjonijiet mill-pubbliku, li qed nanalizzawhom bir-reqqa. Inħeġġeġ lill- pubbliku jkompli jipparteċipa. Qed nitkellmu ma' rappreżentanti ta' numru ta' oqsma fil-pajjiż. Qed ikollna numru ta' laqgħat f 'dan ir-rigward anke ma' msieħba soċjali. Diġà qed jidħlu numru ta' rakkomandazzjonijiet kif nistgħu nirfinaw il-proposti tagħna. Permezz ta' dawn il- konsultazzjonijiet nista' ngħid li se nkunu qed nirfinaw xi proposti li poġġejna għad- diskussjoni. KAŻIJIET PREĊEDENTI ŻVELAW KAŻIJIET TA' SFRUTTAMENT TAL- ĦADDIEMA, TRAFFIKAR, U ABBUŻ SISTEMIKU. FILWAQT LI DIN IL- POLITIKA TINDIRIZZA XI WĦUD MINN DAWN IL-KWISTJONIJIET, LIEMA SALVAGWARDJI HUMA FIS-SEĦĦ BIEX JIĠI ŻGURAT LI L-INFURZAR U L-PENALI GĦAL DAWK LI JIKSRU L-LIĠI JIĠU APPLIKATI B'MOD KONSISTENTI? Il-politika li fassalna tinkludi bosta miżuri li l-għan tagħhom huwa li jiġu salvagwardjati d-drittijiet ta' ħaddiema u li niżguraw li min jabbuża mis-sistema u ma jimxix mar-regoli jkollu penali ħorox. Huwa proprju għalhekk li ha nkunu qegħdin nintroducu miżuri li wkoll isaħħu d-desk based investigations min-naħa tal-entitajiet kompetenti, filwaqt li ndaħħlu wkoll miżuri oħra li jnaqqsu r-riskju ta' abbuż, bħall- obbligu illi l-paga ta' TCNs li jiġu Malta għal raġunijiet ta' xogħol tibda titħallas permezz ta' bank transfer. Ta' min isemmi wkoll illi filwaqt li qed nipproponu numru ta' miżuri biex innaqqsu l-abbuż, spezzjonijiet mill- awtoritajiet kompetenti, bħall-JobsPlus u l-Korp tal-Pulizija, se jkomplu għaddejjin. IL-POLITIKA TAL-MIGRAZZJONI TAGĦTI ĦJIEL GĦAL BIDLA LEJN L-APPROĊĊ TA' MIGRAZZJONI BBAŻAT FUQ IL-ĦILIET. IL-GVERN KIF QED JIPPJANA LI JINVESTI FIT-TITJIB TAL-ĦILIET TAT-TCNS DIĠÀ F'MALTA, U SE JKUN HEMM XI INĊENTIVI BIEX DAWN IL-ĦADDIEMA JIBQGĦU U JIKKONTRIBWIXXU FIT-TUL AKTAR MINFLOK IFITTXU OPPORTUNITAJIET XI MKIEN IEĦOR? Rakkomondazzjoni 27 tidħol fid-dettall ta' kif beħsiebna nagħmlu dan. L-ewwel mod huwa li, b'kollaborazzjoni mal-Human Rights Directorate se nkunu qegħdin insaħħu u nirristrutturaw l-'I Belong Programme' biex niffaċilitaw l-integrazzjoni tal-ħaddiema barranin. Se nkunu qegħdin inneħħu l-kundizzjoni li biex jinġieb Long-Term Residence dan il-kors irid isir 12-il xahar qabel l-applikazzjoni. B'hekk nassiguraw li aktar ħaddiema jagħmlu dawn il-korsijiet. Però rridu wkoll nissieħbu mal-privat biex nidentifikaw numru ta' korsijiet li jtejbu l-ħiliet, speċjalment dawk ta' lingwa u ħiliet oħra vokazzjonali. Il-Gvern se jkun qed issaħħaħ inċentivi diġà eżistenti ta' upskilling, u saħansitra joħloq inċentivi oħra kemm lil min iħaddem u anke lill- ħaddiem biex jidħol għal dawn il-korsijiet. Prinċipju li ħadem ħafna kien dak tal- "Investing in skills", skema mħaddma minn JobsPlus, fejn min iħaddem jidentifika hu l-korsijiet li għandu bżonn għall-ħaddiema tiegħu. Dan il-kunċett jista' jiġi estiż aktar. Irridu wkoll naħdmu anke biex dawk il-ħaddiema li diġà għandhom ħiliet u kwalifikazzjonijiet li forsi mhux rikonoxxuti f 'Malta, jinħolqu dawk li jissejħu Bridge Courses (biex dawn il-ħaddiema jilħqu l-potenzjal tagħhom u jimlew xogħlijiet vakanti ta' ħiliet aktar għolja. Barra minn hekk, qed ninċentivaw lil min iħaddem biex jinvesti fil-ħaddiema kollha tiegħu, u min iħaddem se jingħata numru ta' vantaġġi. Se jkun hemm lista ta' min iħaddem li huma eżemplari li fost affarijiet oħra jkunu wrew evidenza li taw taħriġ. Dawn l-employers imbagħad jitħaffifilhom il-proċess ta' ingaġġ u jitwal iż-żmien tal-estensjoni tal-permess tal-ħaddiema tagħhom, li wkoll jinkoraġġixxi li jinżammu dawn il-ħaddiema. m'għandhomx obbligu jinbidlu, imma għandna għarfien dwar il-kultura tagħna lil min ġej fostna'

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 19 January 2025