MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 16 February 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1532461

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 15

aħbarijiet IL-ĦADD 16 TA' FRAR 2025 • illum 06 L-għaqdiet Għawdxin u l-Moviment Graffitti jerġgħu jidħlu f'Fort Chambray bi protesta NGOs f 'biża' li 'jilħqu jkissru Fort Chambray' waqt li jinstema' l-appell kontra d-deċiżjoni tal-PA Il-Koalizzjoni għal Għawdex, Din l-Art Ħelwa u l-Moviment Graffitti wettqu azzjoni diretta s-Sibt filgħodu bl-għan li jixħtu dawl fuq it-theddida imminenti għall-Forti Chambray minħabba n-nuqqas ta' riforma fil-liġi tal- appelli fl-ippjanar. L-għaqdiet saħqu li grazzi għall- kontribut finanzjarju tal-poplu, huma għadhom kif ippreżentaw żewġ appelli kontra l-permessi irregolari li ħarġet l-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll talba għas- sospensjoni tax-xogħlijiet waqt li jkun għaddej l-appell. Iżda "sforz il- liġi difettuża tal-appelli", li għadha ma ġietx riformata minkejja l-wegħdi tal-Prim Ministru, it- Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) jista' jirriuta din it-talba. F'dan il-każ, il-konsegwenza se tkun li l-Barracks tal-Ingliżi jitkissru, u jibda l-iżvilupp fil-Forti Chambray, sakemm ikun għaddej l-appell. "Din l-anomalija fil-liġi, li baqgħet ma tranġatx minħabba li hemm interessi b'saħħithom li ma jridux riforma, qed twassal għal inġustizzji kbar. Kien hemm bosta każijiet ta' approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar ta' żviluppi sfaċċatament illegali, li iżda tħallew jinbnew waqt li kien qed jinstema' appell, bil-konsegwenza li mbagħad l-istess permessi ġew imħassra mill-Qorti. Dan wassal għal proliferazzjoni ta' żviluppi li jiġu ddikjarati illegali mill-Qorti iżda jkunu diġà laħqu nbnew," l-NGOs qalu. L-azzjoni diretta tas-Sibt, l-NGOs spjegaw, "enfasizzat ir-riskju li din l-assurdità terġa' tirrepeti ruħha fil- każ tal-Forti Chambray." Waqt id-diskors tagħhom quddiem il-Barracks storiċi tal-Ingliżi, il-Koalizzjoni għal Għawdex, Din l-Art Ħelwa u l-Moviment Graffitti saħqu li ż-żewġ permessi maħruġa għall- iżvilupp tal-Forti Chambray huma kkaratterizzati minn diversi ksur ta' politiki tal-ippjanar. "Fosthom hemm ksur tad- Development Brief u irregolaritajiet evidenti fil-proċess tal-ippjanar," huma spjegaw. Saħqu wkoll li għamlu diversi talbiet għall-iskedar tal-binja storika tal-barracks, iżda dawn dejjem ġew injorati. Riċentement, il-Koalizzjoni għal Għawdex ippreżentat Talba għal Ordni ta' Konservazzjoni ta' Emerġenza għall-Barracks tal-Ingliżi, li ġabret fuq 800 firma, fosthom l-appoġġ tal-Kunsill Lokali t'Għajnsielem, 25 NGO, u bosta akkademiċi u politikanti prominenti. "Dawn l-isforzi kollha biex jiġi salvat il-wirt storiku li jinsab fil- Forti Chambray, iżda, jafu kollha jisfgħu fix-xejn. Jekk it-Tribunal tal- Ippjanar mhux se jilqa' t-talba għas- sospensjoni tax-xogħlijiet, illum jaf se tkun l-aħħar darba li naraw dan il-wirt storiku," huma żiedu jgħidu. Il-każ tal-Forti Chambray, saħqu l-għaqdiet, huwa eżempju ċar ta' kif il-Gvern qed jibqa' jagħti prijorità lill-interessi tar-rgħiba. "Il-Gvern qed jaqbel li jħallas l-ispejjeż għax-xogħlijiet ta' konsolidazzjoni tal-art, għar- restawr u għall-manutenzjoni tas-swar biex igawdi minnhom il-privat, dan kollux mit-taxxi tal- poplu." Qalu wkoll li dan huwa proġett li ma jagħti xejn lura lill- poplu, l-aħħar kuntratt li għadda fil-Parlament f 'Ġunju 2024 bl- ebda mod ma jassigura l-aċċess pubbliku, u kollox jindika li l-uniku skop ta' dan il-proġett huwa li jiġu mmassimizzati l-profitti privati permezz ta' żvilupp ta' kumpless massiċċ residenzjali u kummerċjali. L-għaqdiet tennew is-sejħa tagħhom għar-riforma immedjata fil-liġi tal-appelli sabiex id- drittijiet tal-poplu li jiġġieled kontra l-illegalitajiet jiġi tassew imħares u ma tibqax tiġi mminata s-saltna tad-dritt. Huma spiċċaw l-azzjoni diretta fil-Forti Chambray billi wissew li jekk it-talba għas- sospensjoni tax-xogħlijiet ma tiġix milqugħa, huma lesti li jieħdu azzjonijiet diretti sabiex iwaqqfu t-tkissir ta' wirt il-poplu. L-attivisti f 'Chambray, Għawdex, ilbieraħ Il-Ħamas teħles tliet ostaġġi parti mill-ftehim tat-twaqqif mill-isparar L-istess ftehim jgħid li issa jmiss lil Iżrael teħles mijiet ta' priġunieri Palestinjani Il-Ħamas ħelset tliet ostaġġi waqt ċerimonja simili ta' kif ġew meħlusa ostaġġi qabel. Din hi s-sitt darba li nħelsu ostaġġi miż- żewġ naħat hekk kif issa Iżrael mistennija teħles madwar 300 priġunier waqt il-ehim li sar f 'Jannar. Sagui Dekel-Chen, Iair Horn, u Sasha Troufanov, huma t-tliet ostaġġi li ġew meħlusa llum. Dawn inqabdu minn Kibbutz Nir Oz waqt l-attakk tas-7 t'Ottubru fl-2023. Din is-sensiela ta' ħelsien t'ostaġġi tiggarantixxi l-ħelsien ta' 33 ostaġġ tal-Ħamas u iżjed minn elf priġunier min-naħa t'Iżrael. Min-naħa l-oħra, Iżrael għandha wkoll tnaqqas il-preżenza tagħha minn Gaża. Waqt iċ-ċeremonja tal-ħelsien, huma ttellgħu fuq palk b'kartellun kbir li jagħmel referenza għall- pjanijiet ta' Trump għal Gaża. Il-President Amerikan Donald Trump aktar kmieni din is- sena għamel il-pjan tiegħu ċar, li jkeċċi iżjed minn żewġ miljun Palestinjan ta' Gaża f 'pajjiżi oħra sabiex Gaża tinbena mill-ġdid b'għan kummerċjali. Fost it-369 priġunier Palestinjan li ħa jingħataw il-ħelsien fl- immedjat, hemm 36 ruħ li ngħataw sentenza tal-ħabs għal għomorhom. It-333 l-oħra huma Palestinjani minn Gaża li waqgħu fil-kustodja tal-forzi Iżraeljani waqt il-gwerra. Hemm ħafna li jinsabu mħassbin rigward is-sostenibbiltà tal-ehim tat-twaqqif mill-isparar, speċjalment wara l-istqarrija kontroversjali ta' Trump, li iżjed tefgħet dubji fuq il-ehim. Barra minn hekk, il-Ħamas bdiet thedded li ddewwem il-ħelsien tal-ostaġġi għax skonthom Iżrael ma kinitx qed timxi mat-termini tal-ehim. Riżultat t'hekk, Iżrael qalet li ħa tkompli l-ġlied jekk ma jinħelsux l-ostaġġi.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 16 February 2025