Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1533583
03 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 23 TA' MARZU 2025 Il-Mellieħa hija l-unika lokalità li għandha aktar minn tmien siti, bi 13-il sit devolut lilha mingħand il-Gvern. JAELLE BORG Il-Gvern ikkonferma li l-art u l-proprjetajiet tal-istat li ġew trasferiti lill-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex se jkollhom limitu fuq il-kirja fejn dan ma jistax jitla' 'l fuq minn €500 kull sit. Dan ġie żvelat f 'risposta parlamentari mill-Ministru għall- Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, għal mistoqsija parlamentari sottomessa mix- Shadow Minister għall-Kwalità tal- Ħajja u l-Gvern Lokali. Il-mistoqsija parlamentari talbet lista dettaljata tal-proprjetajiet kollha tal-Gvern li kienu devoluti lill-kunsilli lokali. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi wieġeb b'lista li toffri veduta dwar kemm-il sit ingħata f 'kull lokalità. Filwaqt li d-dettalji sħaħ tas-siti ma ġewx mogħtija, il-Ministru kkonferma li kwalunkwe ehim ta' kiri ġdid jew anke emendat se jara li s-sit ma jkunx jiswa aktar minn €500. Din il-miżura tidher li hija mfassla biex tiżgura li l-kunsilli lokali jistgħu joperaw, speċjalment peress li dawn il-kunsilli jmexxu faċilitajiet u spazji pubbliċi taħt il- ġurisdizzjoni tagħhom. Id-devoluzzjoni tal-proprjetà tal-Gvern lill-kunsilli lokali hija prassi twila, li tippermetti lill-muniċipalitajiet jużaw siti proprjetarji tal-istat għall- benefiċċju pubbliku, inklużi ċentri komunitarji, spazji rikreattivi, u uffiċċji amministrattivi. IL-MELLIEĦA BL-AKBAR AMMONT TA' PROPRJETAJIET DEVOLUTI Il-Mellieħa għandha l-ogħla numru ta' proprjetajiet tal-Gvern devoluti lill-Kunsill Lokali, b'total ta' 13-il sit. Din kienet l-unika lokalità li kellha aktar minn tmien siti. Il-Birgu, Ħad-Dingli, u x-Xagħra kollha għandhom seba' siti kull wieħed. Dan filwaqt li Birkirkara, l-Imġarr, il-Mosta, ir-Rabat (Għawdex), iż-Żurrieq, ix-Xewkija u Santa Luċija għandhom sitt siti. Il-lokalitajiet l-oħra kollha għandhom bejn sit wieħed jew erbgħa, bl-eċċezzjoni tal-Kalkara, l-Isla, u l-Għargħur, li għandhom ħamsa. Fost il-lokalitajiet li għandhom erba' siti nsibu Bormla, il-Fgura, in- Naxxar, u San Ġiljan. Il-maġġoranza tal-lokalitajiet għandhom tliet siti. Fost is-16-il lokalità li għandhom tliet siti nsibu Ħal Għaxaq, l-Imdina, San Ġwann, u l-Belt Valletta. 15-il lokalità għandha żewġ siti, u din il-lista tinkludi lokalitajiet bħar- Rabat, Ħal Qormi, Ħal Tarxien, Marsaxlokk u Ħ'Attard. Fl-aħħar insibu 12-il lokalità, li b'kollox għandhom sit wieħed. Fost dawn insibu l-Gżira, l-Iklin, Wied il-Għajn u l-Ħamrun. Artijiet devoluti lill-Kunsilli Lokali issa b'kirja ġdida ta' mhux aktar minn €500 kull sit