Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1535521
03 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 18 TA' MEJJU 2025 JAELLE BORG L-intenzjoni tal-Gvern li jirriloka inċineratur għall- iskart perikoluż fil-kumpless ECOHIVE fil-Magħtab qajmet reazzjoni qawwija minn diversi fronti — fosthom residenti, kunsilli lokali u l-Oppożizzjoni. Il-proġett, li hu separat minn dak diġà approvat tal-"Waste- to-Energy Plant", għandu jokkupa kważi 18,000 metru kwadru ta' art klassifikata bħala agrikola u jinsab biss it mitt metri bogħod mill-inċineratur ieħor propost. Il-Kunsill tan-Naxxar: "Proċess frammentat li jnaqqas it-trasparenza" Is-Sindku tan-Naxxar, Christopher Deguara, qal b'mod ċar li l-Kunsill Lokali hu dejjem impenjat li jkun vuċi b'saħħitha għar-residenti, imma hu limitat, kemm fir-riżorsi, kif ukoll fis- setgħat li għandu quddiem proġetti ta' din l-iskala li jaqgħu taħt il-kontroll tal-Gvern Ċentrali. Meta tkellem mal-gazzetta ILLUM, Deguara spjega li hemm sens qawwi ta' inċertezza fost il- komunità tan-Naxxar minħabba nuqqas ta' pjan integrat għall- kumpless ECOHIVE. "Fuq il- post hemm diversi faċilitajiet — xi wħud approvati u oħrajn fl-istadju ta' applikazzjoni — iżda m'hemm l-ebda viżjoni komprensiva li turina kif se jitmexxew flimkien," qal. Dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni, skontu, mhux biss joħloq konfużjoni, imma jagħmel ħsara wkoll lit-trasparenza u lill- fiduċja pubblika. Huwa żied jgħid li ż-żewġ impjanti tal-inċinerazzjoni — wieħed għall-iskart domestiku u industrijali, u l-ieħor għall- iskart perikoluż — qed jiġu pproċessati f 'kuntesti separati, bħal donnhom m'għandhom x'jaqsmu xejn ma' xulxin. "Il- fatt li dawn qed jiġu evalwati f 'vakwu, mhux bħala sistema waħda, jagħmilha diffiċli biex il- komunità tiem l-impatt sħiħ fuq is-saħħa u l-ambjent," tenna s-Sindku. Barra minn hekk, il-Kunsill jemmen li hija responsabbiltà diretta ta' WasteServ — bħala l-applikant — li jispjega ċar kif l-istudji dwar ir-riskji se jkunu verifikabbli u serji. "Kif jista' jkollna serħan il-moħħ jekk lanqas għandna garanzija li dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni jkunu infurzati b'mod effettiv?" staqsa Deguara, waqt li fakkar li l-infurzar ambjentali f 'Malta ħafna drabi jkun dgħajjef u reattiv. L-Oppożizzjoni: "Żewġ inċineraturi f 'post wieħed juru falliment strutturali" Skont Rebekah Borg, Shadow Minister għall-Ambjent, dan kollu juri kif il-Gvern falla b'mod sistematiku li jindirizza l-iskart b'viżjoni ċara. "Il-proġett ma jseħħx f 'vakwu — jidħol fi sfond ta' nuqqas ta' riformi serji, fallimenti f 'attentati preċedenti u kunflitti ta' interess li wasslu saħansitra biex jitħassru kuntratti ta' proġetti oħra bħall- Waste-to-Energy," qalet Borg. Stanley Zammit, Shadow Minister għall-Ippjanar, saħaq li dan hu każ ċar ta' ppjanar li jħares lejn il-karta u mhux lejn ir-realtà. Zammit żied jgħid li art agrikola se tiġi kompromessa biex jittieħed spazju għall-faċilità l-ġdida. Eve Borg Bonello, responsabbli mit-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika, irrimarkat li l-approċċ tal-Gvern huwa greenwashing u mhux ippjanar ekoloġiku. "Il- Gvern qed jipprova jgħid li dawn huma soluzzjonijiet sostenibbli, meta fil-fatt qed nitbiegħdu mill-miri Ewropej li jinsistu fuq prevenzjoni u riċiklaġġ." Il-membri kollha qalu li dan kollu jiġri għax in-nuqqas ta' governanza tajba wassal biex l-iskart kompla jakkumula, u issa l-Gvern qed jara biss inċinerazzjoni bħala triq faċli biex ilaħħaq mal-pressjoni li hu stess ħoloq. "Mhux biss ma ttiħdux deċiżjonijiet b'konsultazzjoni wiesgħa, imma s-siti ntgħażlu b'kalkoli politiċi aktar milli b'ġudizzju ambjentali," temm jgħid il-PN. Residenti jgħidu tagħhom: 'Ma rriduhx f 'Magħtab' Waqt laqgħa ta' konsultazzjoni pubblika, għadd ta' residenti min- Naxxar, mill-Magħtab, minn Burmarrad u minn San Pawl il- Baħar esprimew l-oppożizzjoni tagħhom. Ħafna minn dawk li tkellmu qalu li ma jħossuhomx infurmati biżżejjed u li jinsabu mħassba dwar l-effetti fit-tul fuq is-saħħa tagħhom, l-arja u l-ħajja ta' kuljum. Peter Agius jintervjeni: "Inkwiet ġustifikat u bżonn ta' risposti ċari" Il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius qal li wara l-laqgħa pubblika tal-ERA fit-23 ta' April, id-domandi u l-inkwiet tar-residenti mhux talli naqsu — żdiedu. F'isem ir-residenti ta' ħafna lokalitajiet affettwati (Naxxar, San Pawl il-Baħar, Għargħur, Mosta, Ħ'Attard, Swieqi, Rabat, fost oħrajn), Agius ressaq numru ta' domandi konkreti lill-ERA u l-Awtorità tal-Ippjanar, fosthom: • Għaliex id- dokumentazzjoni uffiċjali tonqos milli tindirizza b'mod ċar l-impatt fuq is-saħħa, partikolarment meta l-proġett se jipproduċi particulate matter li jista' jinfirex sa 6 km? • Jekk saritx valutazzjoni serja fuq l-effett tan-nano- particles — materjal perikoluż li jinfirex fl-arja u diffiċli biex jiġi filtrat? • X'mekkaniżmi hemm biex l-operat tal-inċineratur jissospendi awtomatikament jekk jinqabżu l-limiti legali tal- emissjonijiet? • Kif se jiġu vverifikati l-load limits tal-inċineratur biex ma jkunx hemm overload bħalma qed jiġri fl-impjanti tad- drenaġġ, li rriżultaw fi tniġġis fil- baħar? Agius ikkonkluda li: "Hemm bżonn ħafna aktar risposti ċari mill-ERA u mill-Gvern dwar dan il-proġett. F'isem ir- residenti, ressaqt domandi bil- miktub. Se nagħmlu laqgħa dwar dan dalwaqt. Jekk inti interessat tattendi ibgħatli messaġġ privat u nkellmuk b'aktar informazzjoni." WasteServ: Proġett f 'qafas usa' ta' strateġija nazzjonali WasteServ qalet li l-pjanijiet għat-ermal Treatment Facility huma parti minn strateġija nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart u ġew imħabbra sa mill- 2020. Il-kumpanija tinsisti li qed isegwu l-istandards tal-Unjoni Ewropea u li għadhom fl-istadju bikri ta' studji u evalwazzjonijiet. Huma saħqu li l-proġett se jgħin biex titnaqqas id-dipendenza fuq it-tkeċċija tal-iskart fil-miżbliet, u li konsultazzjoni mal-partijiet interessati — inkluż bdiewa fil- qrib — diġà saret. Miriam Dalli: 'Malta qed tikseb progress fl- immaniġġjar tal-iskart' Miriam Dalli, Ministru għall- Ambjent, l-Enerġija u r-Rinovar, ikkummentat dwar il-progress fil-ġestjoni tal-iskart f 'Malta, fuq il-programm Xtra. Skont Dalli, il-Gvern tal-Labour kiseb progressi kbar fl-immaniġġjar tal-iskart, li skontha kienu sfida kbira meta l-amministrazzjoni tal-Labour ġiet eletta fl-2013. Hija qalet li l-iskart l-iswed (il- black bag waste) naqas b'35% u li r-riċiklaġġ tal-ħġieġ ilu jirdoppja mill-2015. Hija rreferiet ukoll għall- istrateġija għall-immaniġġjar tal-iskart, l-ewwel waħda ta' din it-tip f 'Malta, li tikkonsidra sal- 2030 u enfasizza r-reduzzjoni tal-iskart, ir-riforma tal-ġbir tal-iskart, aktar infurzar, u responsabbiltà akbar mill- produtturi. Rigward il-kontroversja tal- inċineratur, il-Ministru Dalli reġgħet irrimarkat dwar il- benefiċċji ta' dan l-inċineratur, u qalet li l-WasteServ juża teknoloġija li taqbeż l-istandards tal-UE, teknoloġija li tnaqqas il- konvenjenzi u l-inkonvenjenzi li jħabbtu wiċċhom ir-residenti. Meta mistoqsija diretta jekk l-inċineratur se jibda jaħdem fl- 2028, Dalli evitat tweġiba diretta, u qalet li se jibda jaħdem wara li jkun għadda mill-proċess dovut. Il-kontroversja dwar il-proposta ta' inċineratur għall-iskart perikoluż fil-Magħtab tikber Reazzjonijiet qawwija mill-komunitajiet, kunsilli u l-Oppożizzjoni hekk kif il-Gvern jipproponi t-tieni inċineratur f 'ECOHIVE, fost tħassib dwar impatt kumulattiv, nuqqas ta' trasparenza u viżjoni nazzjonali il-Ministru Dalli reġgħet irrimarkat dwar il-benefiċċji ta' dan l-inċineratur, u qalet li l-WasteServ juża teknoloġija li taqbeż l-istandards tal-UE