MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 15 June 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1536440

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 15

15 kotba IL-ĦADD 15 TA' ĠUNJU 2025 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, il-memoir L-Avveniment iġiegħel lil Daniel Cossai jirrifletti kemm it-traduzzjoni tista' tkun sors biex tawtentiċizza d-diskussjoni, li f'dal- każ hija waħda attwali u kkuntestata f'Malta: l-abort. Il-kliem att: L-Avveniment u l-qawwa tal-memoir Forsi l-moda letterarja tal-lum hi l-memoir. Fil-filosofija kontinentali, dan jissejjaħ iż-Zeitgeist — l-ispirtu taż-żmien, dak li jiddistingwina min- nies simili ta' perjodi oħra. Il-memoir, li sa ftit għexieren ta' snin ilu kien pjuttost rari, f 'daqqa waħda sploda. Qed jiġu ppubblikati iżjed memoirs minn qatt qabel, mhux biss minn nies magħrufin imma anki minn persuni ordinarji. Għalkemm tixbah l-awtobijografija, din il-forma ta' kitba tiffoka biss fuq as- pett wieħed iżjed dejjaq. Mhux il-ħajja jew il-karriera kollha ta' persuna, imma parti speċifika, jekk mhux avveniment wieħed. L-Avveniment — dak il-wieħed tant kbir li m'għandu bżonn l-ebda kwal- ifika oħra u li jistħoqqlu memoir għalih. Hekk issejjaħlu Annie Ernaux fil-mem- oir Franċiż tagħha tal-2000, tradott għall-Malti minn Claudine Borg (L-Av- veniment, Faraxa Publishing, 2025). Fir-rumanz Vladimir tal-Amerikana Julia May Jonas, f 'mument wieħed hemm diskussjoni bejn żewġ letturi fejn jgħidu li l-istudenti tal-lum m'għadhomx inter- essati li jiktbu l-finzjoni imma minflok kollha moħħhom biex jiktbu l-mem- oirs. Xi ħadd jissuġġerixxi li l-memoir sar iz-Zeitgeist tal-lum għax il-ġener- azzjoni l-ġdida trabbiet tibni, tikkultiva u tippubblika l-persona tagħha online, qisu l-idea li nsawru u nippreżentaw l-immaġni tagħna nfusna saret ħaġa ak- tar reali minn qatt qabel. Spjegazzjoni li fiha x'tixtarr, ċertament, imma Ernaux, li twieldet fl-1940 u kitbet L-Avveniment ta' 60 sena, mhix parti minn din il-ġener- azzjoni. Kien hemm preċedent, mela, xi raġuni oħra għaliex il-ġeneru tal-mem- oir kien diġà beda jikber meta twieldet il-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum. It-tweġiba, almenu għal dan il-każ, naħseb li hi l-qawwa tal-kitba li timpa- tta d-dinja tal-madwar u tibda diskus- sjoni, aktar u aktar meta dak li jinkiteb ikollu l-għeruq fir-realtà. L-Avveniment huwa dwar Ernaux żagħżugħa, għadha studenta, meta nqabdet tqila. Dwar kif din it-tqala, li Ernaux tirrifjuta li sse- jħilha b'isimha iżda biss bħala "dil-ħaġa", biddlitilha ħajjitha ta' taħt fuq; "tqala tirrima ma' tqalla'", tinnota Ernaux fil- vuċi Maltija li tatha Borg. Dwar l-istress biex iżżomm dak li ġara moħbi u biex issib lil xi ħadd lest iwettaq abort ille- gali, minkejja l-konsegwenzi legali serji kemm fuqha kif ukoll fuq min jassistiha fi Franza dak iż-żmien. U dwar it-traw- ma tal-abort stess. It-traduzzjoni l-istess: sors biex tib- da diskussjoni. Fil-fatt, it-traduzzjoni, skont il-kunċett tal-polisistema żvi- luppat b'mod partikolari minn Itamar Even-Zohar, hija mod effettiv kif l-ideat jimxu minn kultura għal oħra. F'Malta, id-diskussjoni dwar l-abort qiegħda tib- da bil-mod, imma għadha fil-bidu ħafna. L-indirizzar tas-suġġett għadu, almenu fost massa sinifikanti, tabù fil-kultura tagħna. F'dan il-kuntest it-traduzzjo- ni, billi tiddevja s-suġġett għal awtriċi barranija li kitbitu 25 sena ilu, isservi biex tagħti spinta lid-diskussjoni b'mod li jinżel aħjar man-nies filwaqt li, billi l-kitba tradotta hija speċifikament mem- oir, tipprovdi lill-qarrejja Maltin b'es- perjenza tanġibbli tal-avveniment pri- vatissimu u mill-iżjed diffiċli. U b'hekk kitba ta' kwart ta' seklu ilu tingħata nifs ġdid u terġa' tikseb relevanza bis-saħħa ta' traduzzjoni li tagħmel minn esperjen- za barranija individwali waħda li tmiss ukoll lil nies fi żmien u post differenti. L-att tat-traduzzjoni huwa bħal spotlight li jenfasizza, bi skop, bil-lingwa tal-ud- jenza mira u, forsi iżjed importanti minn hekk, jiżgura li jkun fuq l-ixkafef tal- ħwienet ta' madwarhom. Ernaux tistedinna nidħlu fil-kurituri ta' moħħha. Tispjegalna kif b'att wieħed, inbidel kollox. F'daqqa waħda ħajji- tha ma baqgħetx "sensiela ripetittiva ta' ġranet li timla b'lezzjonijiet u assenja- menti, waqfiet fil-kafetteriji u l-libreri- ja, li jwasslu għall-eżamijiet u l-vaganzi tas-sajf, għall-futur." Ir-riskju huwa futur ippjanat mitluf għalkollox jew, tal-in- qas, mibdul. Il-konsegwenzi eżistenzjali sproporzjonati tal-att sesswali fuq in-ni- sa f 'soċjetà b'istituzzjonijiet li mhumiex lesti jkunu ta' appoġġ għalihom jispikka tul ir-rakkont. Stilistikament, Ernaux ftit tuża kliem, imma ma tomogħdux. Mhijiex sensazz- jonali jew drammatika; sempliċement tgħaddilna dak li rat u ħasset, irrispet- tivament minn jekk hux xieraq jew vul- gari. L-iskop mhuwiex li nitħassruha għall-esperjenza individwali, imma li tkun relatabbli, li tagħti sura fil-kitba lill-esperjenza kollettiva ta' miljuni ta' nisa, mhux biss b'rabta mal-abort, imma wkoll ma' aspetti oħra li jispikkaw iż- jed indirettament, bħall-attitudnijiet tas-soċjetà u r-rieda — jekk mhux sten- nija — li jinħbew l-esperjenzi li lill-ma- ra jagħmluha mara. In-narratriċi tikteb b'mod fattwali, mingħajr wisq emozzjo- ni, kultant kważi indifferenti, u b'hekk tuniversalizza l-individwali billi żżomm ruħha distanti. Fil-fatt li huwa memoir insibu realiżmu kważi xokkanti. Il-qarrej m'għandux jistenna xi tmiem sabiħ bħal tal-istejjer, jew mument fejn kollox isib postu. Din hija l-istorja ta' vittma tal-esperjenza u ta' żmienha. Borg — li hija l-Kap tad-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-In- terpretazzjoni fl-Università ta' Malta — trendi dan kollu b'ħila liema bħala. L-istil partikolari ta' Ernaux huwa rif- less fil-Malti b'mod li jinħass naturali sew. Min ma jkunx jaf li hija traduzzjo- ni, diffiċli jinduna. Ma tinħeliex wisq, kif jagħmlu ħafna tradutturi, fuq kwist- jonijiet ta' etimoloġija jew li ma tridx tinstema' wisq moderna. Tuża Malti ħaj, kurrenti. Relatabbli. Kif bilfors kellu jkun biex l-iskop jaħdem, għax jekk ħadd ma jirrelata mar-rakkont, x'punt jifdallu l-memoir? Mil-lat purament letterarju, it-traduzz- joni ta' L-Avveniment hija mument sin- ifikanti għal-letteratura Maltija fid-dawl tal-fatt li Ernaux rebħet il-Premju Nobel għal-Letteratura fl-2022. Ma tantx hemm rebbieħa tal-premju li nistgħu naqraw- hom bil-Malti. Bis-saħħa ta' Borg, Annie Ernaux illum tgħodd fosthom.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 15 June 2025