Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1537669
15 kotba IL-ĦADD 20 TA' LULJU 2025 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil- ġimgħa, Ħaley Xuereb tħares lejn il-ktieb klassiku Malti Tliet Nisa u Raġel (Klabb Kotba Maltin) ta' Albert M. Cassola li ġie ripubblikat riċentament. Xuereb tinnota li r-rumanz huwa għal żmienu — tas-seklu l-ieħor — imma ssib ukoll raġuni għala għandu jinqara llum ukoll. Kulħadd jaf lir-raġel u forsi forsi lil mara minnhom Xi xhur ilu, snippet ta' 17-il sekonda, ta' kanzunetta bil-kliem "everybody knows it / you've got / ulterior motives" beda jdur fuq l-internet. U b'mod stramb, ħadd ma seta' jaqbad tarf ta' minn fejn tfaċċat din il-kanzunetta. Kien biss wara xhur ta' tfittxija intensiva, li persuna fuq Reddit skopriet (min jaf kif ), li din il-kanzunetta ma kienet xejn għajr sigla ta' film pornografiku tat-tmeninijiet. U dan hu, wara kollox, il-kunċett ta' lost media — biċċiet ta' kultura li jitilfu l-kuntest tagħhom, isiru misteru, u jieħdu ħajja ġdida f 'idejn min jirripubblikahom. Ifakkarni f 'kif ċerti kotba jew films antiki, li bħall- problema famuża ta' esus' ship, jitilfu t-tifsira oriġinali tagħhom, imma jerġgħu jidhru f 'kuntesti moderni, u jġegħluna nistaqsu: x'kienet ir-realtà oriġinali, u x'qegħdin naraw aħna llum? Il-kunċett ta' lost media jfakkarni ħafna fi Tliet Nisa u Raġel ta' Albert M. Cassola. Miktub fl-1958 u stampat erba' darbiet oħra, il-ktieb huwa bħal recording mitluf ta' Malta oħra — Malta ta' żmien il-gwerra, meta n-nies kienu jgħixu f 'appartamenti magħluqa u r-relazzjonijiet bejniethom kienu bħall-bombi: jistennew il-mument li jisplodu. Cassola, li kien għalliem, lingwista, u kittieb prolifiku, ipprova jimmortalizza żmien fejn it-Tieni Gwerra Dinjija ma kinitx biss storja ta' bombi u xelters, imma wkoll ta' kif in-nies, speċjalment in-nisa, kellhom jitħabtu ma' soċjetà li kienet għadha mwaħħla fi tradizzjonijiet kolonjali u reliġjużi. Fuq livell narrattiv, Tliet Nisa u Raġel jipprova jgħaqqad il-kunflitt personali mal- kunflitt storiku. Neriku jirritorna Malta minn barra u jsib ruħu mwaħħal bejn tliet nisa: Nina dik "bil-problemi" li tħobb iżżejjed; Dola, armla indipendenti; u Marija, l-idealista pura. Dawn it-tipi jfakkruni f 'kotba tas-seklu 19, bħal Madame Bovary ta' Flaubert jew Anna Karenina ta' Tolstoy, fejn in-nisa huma definiti biss mir- relazzjonijiet tagħhom mar-raġel. Il-ġlieda tan-narrattiva mhijiex biss bejniethom, imma wkoll f 'Neriku nnifsu — fuq min irid ikun, u ma' min irid jgħix. Il-gwerra qiegħda hemm bħala sfond, imma wkoll bħala metafora: mhux biss bombi fuq il- bini, imma fuq l-emozzjonijiet. Il-ktieb jinkwadra lill-Maltin jgħixu qrib ħafna fi spazju żgħir ħafna, "qishom familja waħda" — u dan ifakkarni kemm fl-isterjotipi tal-kuntest tagħna, kif ukoll f 'dik il-frażi rritantissima ta' żmien il-Covid: we're all in this together, meta fil-verità ħadd ma kien. Hawnhekk, Cassola jesplora kif il-gwerra sservi bħala magna tal-ugwaljanza. Minkejja l-isforz ovvju ta' Cassola li jagħti ħajja lil dawn il-karattri, ħafna drabi dawn jispiċċaw ikunu iktar simboli milli bnedmin. Nina bħala "dik li tħobb iżżejjed" tiġi patoloġizzata u eventwalment "il-marida" — xejra li tfakkar fil-femme fatale tas-semjotika Freudjana, fejn in- nisa sesswalment attivi jiġu meqjusa bħala perikolużi jew difettużi. Dan jirrifletti mhux biss il-preġudizzji ta' żmienu, imma wkoll kif il-letteratura Maltija ta' dak iż- żmien kienet influwenzata minn mudelli Ewropej li kienu diġà qed jiġu kkritikati minn femministi bħal Simone de Beauvoir f 'e Second Sex (1949). Dola, armla indipendenti u klassista frustrata, tfakkarni aktar f 'karattru ta' satira soċjali milli f 'persona vera — hi r-"rebellious widow" li qed tipprova toħroġ mill-qoxra tagħha, imma l-ktieb ma jagħtihiex biżżejjed spazju biex tiżviluppa lil hinn minn dan ir-rwol. U Marija, bl-isem tagħha b'mod ċar reliġjuż u purifikat, hija l-"Maltija t-tajba", l-unika waħda li Cassola jħalli tgħaddi b'sens ta' salvazzjoni, imma mingħajr awtonomija reali. L-erotiżmu ta' Nina jinqara bħala disturbazzjoni; l-assertività ta' Dola bħala aggressività, u l-ġenwinità ta' Marija bħala purità għamja. Neriku, min-naħa l-oħra, huwa l-eroj maskili li jevolvi, minn osservatur passiv għal salvatur — xi ħaġa li, minn perspettiva moderna, tħossu bħal trope ta' "white knight" li naraw f 'ħafna films ta' Hollywood, fejn ir-raġel ikun iċ- ċentru ta' kollox. Dan ir-rendiment sterjotipiku jirrifletti mhux biss id-diskors patrijarkali tal- ħamsinijiet tas-seklu l-ieħor, imma wkoll il-limitazzjonijiet tad-diskors realistiku Malti nnifsu. Filwaqt li l-letteratura Ewropea kienet diġà bdiet tinkludi elementi ta' psikanaliżi jew strutturi ta' narrazzjoni postmoderni — bħal f 'kotba ta' Virginia Woolf jew James Joyce — Cassola jibqa' mwaħħal fl-istruttura omnixxjenti u moralizzanti. Il-karattri jservu bħala vetturi għal lezzjonijiet dwar id-drawwiet, ir-reliġjon, jew is-sagrifiċċju, aktar milli jitħallew jeżistu b'dinjità psikoloġika awtonoma. Pereżempju, it-tema tal-marda ta' Nina tista' tkun referenza sottili għal kwistjonijiet ta' saħħa sesswali ta' żmienu, imma ma tiġix esplorata fil-fond, u tispiċċa tħossu bħala kastig morali aktar milli kritika soċjali. Il-kitba ta' Cassola hija ċara u deskrittiva, spiss metonimika, bħal meta s-sirena tal- gwerra tintuża biex tenfasizza l-inkwiet, jew kif l-oġġetti ta' kuljum fl-appartament jirriflettu l-istat emozzjonali tal-karattri. Però, ir-ritmu huwa imferfex: hemm partijiet mimlijin ħsieb u it azzjoni, u oħrajn b'pass mgħaġġel imma mingħajr ħafna fond. Din id-dinamika tista' tidher bħala limitazzjoni, imma forsi hi wkoll riflessjoni ta' kif il-ħajja kienet tħoss f 'dawk iż-żminijiet — kriżi u stasi f 'dawn il-ħinijiet ta' tensjoni emozzjonali u soċjali. Jista' jkun li hemm wisq introspezzjoni u it twists reali li jżommu l-attenzjoni. Madankollu, dan l-istil jista' jitqies bħala tentattiv biex jimmortalizza r-reżiljenza Maltija, fejn il- gwerra mhix biss distruzzjoni fiżika, imma wkoll opportunità għal konnessjoni umana. L-imħabba ta' Nina qatt ma titfisser b'serjetà sħiħa; Marija ma titkellimx bil-vuċi vera tagħha; Neriku huwa l-aktar wieħed li jiddeċiedi x'jiġri. F'realtà moderna fejn aħna ż-żgħażagħ qed niddiskutu mard mentali, libertà emozzjonali, u sesswalità b'termini aktar kumplessi minn qatt qabel — bħal f 'kotba bħal Normal People ta' Sally Rooney jew podcasts dwar relazzjonijiet tossiċi — Tliet Nisa u Raġel inħossu bħall-vuċi li trid titkellem, iżda b'mikrofonu maqtugħ. Il-vuċi li xtaqet ukoll tesplora kif il-ktieb jirrifletti l-postkolonjaliżmu Malti, fejn l-influwenzi Ingliżi u Taljani ħallew marka fuq il-lingwa u t-temi, imma mingħajr ma jisfidaw biżżejjed ir-rwoli tradizzjonali ta' ġeneru jew klassi. Ir-rumanz ta' Cassola jibqa' joffri valur intellettwali li jisfida ż-żmien, simili għal kif il-kotba klassiċi ta' realiżmu Ewropew bħal dawk ta' Zola jew Flaubert iservu bħala lenti storika biex nimu l-evoluzzjoni tas-soċjetà. Huwa ċertament prodott ta' żmienu. Għalhekk, il-ktieb jaħdem aħjar bħala artefatt storiku milli bħala rumanz ta' mingħajr żmien li jitjieb maż-żmien. Mhux għaliex m'għandux valur letterarju, iżda għax il-mod kif jippreżenta r-relazzjonijiet, is-sesswalità, u l-psikoloġija umana huwa profondament marbut ma' żmienu. Bħal tiira f 'kexxun, joffri ħarsa lejn dak li l-letteratura Maltija setgħet tkun, imma, kienet.