MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 27 July 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1537912

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 15

15 kotba IL-ĦADD 27 TA' LULJU 2025 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, il-ktieb Ix-xita nieżla rasha 'l isfel ta' Francesco Grech iġiegħel lil Daniel Cossai jaħseb ftit fuq x'nifhmu b'letteratura, jew b'poeżija. Taħżiż X'inhi l-letteratura? Forsi tinstema' naqra tad-daħq li din il-mistoqsija qiegħda ssir f 'paġna letterarja, imma t-tweġiba mhix faċli daqskemm wieħed jaħseb. Normalment meta naħsbu fil-letteratura, naħsbu fil-kotba. Imma nistgħu ngħidu allura li l-letteratura hi l-arti tal-kotba? Ktieb tar- ritratti, pereżempju, jgħodd bħala letteratura? U xi ngħidu għall-fatt li l-letteratura ilha teżisti minn ħafna qabel il-kotba? Soluzzjoni oħra possibbli hi li l-letteratura hi l-arti tal-kitba. Din ukoll, iżda, tinħass li hi definizzjoni instabbli meta wieħed jeżaminaha iżjed. Fost l-eqdem u l-ien eżempji ta' letteratura li għadhom jinqraw u jiġu studjati sal-lum insibu xogħlijiet li fil- fatt ma kinux miktubin, almenu mhux qabel għadda ħafna żmien; kienu jiġu rrakkontati bil-fomm mill-persuna li ħolqot dik il-biċċa xogħol letterarja lill-udjenza tagħha. Mela hija l-arti tal-kliem, forsi? Hawnhekk forsi bdejna noqorbu lejn definizzjoni iżjed soda, imma nħoss li xorta mhix waħda perfetta. Biżżejjed niakru fil-ħafna kotba tat-tfal (speċjalment) fejn l-ammont ta' kliem huwa limitat ħafna, u l-istampi huma komponent essenzjalissimu għal dawk il-kotba partikolari li mingħajru, la għandek letteratura u lanqas karattru jew storja żviluppati. Imma, ħeqq, lanqas ma nistgħu ngħidu li l-letteratura hi l-arti tal-istejjer jew tal-karattri, sakemm ma nwessgħux id-definizzjoni ta' letteratura biex tinkludi wkoll il-films, il-logħob, u forom oħrajn. Hawn min jagħmel hekk, u wara kollox, id-drammi qisna nħossuna lesti naċċettawhom bħala letteratura, imma ċertament li mhix l-iżjed fehma komuni fost il-pubbliku ġenerali. Riflessjonijiet ta' dan it-tip normalment ifeġġu meta niltaqgħu ma' xi biċċa xogħol li qisna nafu, b'mod istintiv, li hija letteratura, imma li b'xi mod jew ieħor taħsad l-aspettativi tagħna u dak li aħna mdorrijin inqisu bħala letteratura. L-aktar pubblikazzjoni riċenti ta' Francesco Grech, Ix-xita tinżel rasha 'l isfel (Merlin Publishers, 2025) hija waħda minn dawn. Hija ġabra ta' … poeżiji? Kitbiet? Ħsibijiet? L-istess, diffiċli ssib il-kelma eżatta. Is-sit tal-pubblikatur stess jikklassifika l-ktieb bħala "Poeżiji", u mingħajr dubju l-biċċa l-kbira tal-kitbiet jixbhu l-poeżiji fl-istruttura tagħhom u l-użu tal-vrus. Imma lanqas mhuma kollha hekk. Hemm ukoll oħrajn li huma sempliċement frażi jew anki li jieħdu struttura iżjed tixbah il-proża, b'paragrafu jew tnejn u l-ebda strofa jew vers. Ħsibijiet, mela? "Ħsibijiet", speċjalment kif riflessa fil-letteratura, naħseb li għandha konnotazzjonijiet wisq ta' spontanjetà, tas- subkonxju, biex tapplika hawn. Filwaqt li l-ktieb ma jinkludi l-ebda forma ta' organizzazzjoni espliċita, fis-sens li l-poeżiji (biex nuża l-kelma tal-pubblikatur) m'għandhomx titli u l-unika separazzjoni hi li l-qarrej jagħraf li kull paġna tirrappreżenta waqfa u bidu ġdid, huwa evidenti li hemm ordni f 'dan il-kaos. Numru kbir ta' paġni, speċjalment fl-ewwel nofs tal-ktieb, fihom kontenut li jifforma par: il-paġna tal-lemin tixbah, timita, u toffri liwja jew alternattiva fuq il-paġna tax-xellug. Fuq il-livell tal-ktieb sħiħ ukoll tinħass ċertu ordni, fejn kważi kważi hemm narrattiva moħbija, ċiklu li jgħaddina mill-fażijiet differenti tal-imħabba lejn xi ħadd, it-tmiem tagħha, il-memorja tagħha, u kif il-ħsibijiet jevolvu tul dan il- perjodu, kif tinbidel l-attitudni anki lejna nfusna u x-xejriet differenti ta' vulnerabbiltà li jirriżultaw, fil-bidu mill-vulnerabbiltà li nħossuna komdi nikxfu ma' persuna oħra u wara l-vulnerabbiltà li nħossu fil-konfront tal-ħajja. Jifdlilna l-għażla ta' "kitbiet", u din, żgur, mhix deskrizzjoni adattata. Għax li jagħmel din il-pubblikazzjoni memorabbli u li jistiga r-riflessjoni dwar x'jagħmel il-letteratura, letteratura, huwa l-użu minn Grech ta' ħafna u ħafna elementi viżivi. Insibu kliem maqtugħ, logħob bl-ispazju li jew jiżdied jew jiċkien, tpinġijiet, linji stil pitazz jew karta tal-eżami qishom qed jistiednu lill-persuna indirizzata timla t-tweġiba, u oħrajn. Xejn b'kapriċċ. Huma elementi li l-qarrej jiem, impliċitament, xi jfissru, għalfejn qegħdin hemm. Il-qarrej jara r-rabta bejn il-viżiv u t-tifsira tal-kelma jew il-kontenut tal-paġna. Il-kliem u l-viżiv jingħaqdu f 'unità waħda, trażmessa mill-awtur u deċifrata mill-qarrej, element li jinfluwenza l-bini tat-tifsira u tad- dinja immaġinata bejn dawn iż-żewġ atturi daqskemm jagħmel il-kliem. Kwalunkwe definizzjoni ta' letteratura trid bilfors tqis dan il-fenomenu. Mingħajru, il-kliem biss, anki jekk ma jinbidilx, jinbidel immens fl-effett tiegħu, fl-impressjoni li jħalli fuq il-qarrej. Fil-fatt fuq bażi ta' kitba nnifisha, ħassejt li l-pubblikazzjoni ma toffri xejn ta' barra minn hawn. Is-suġġetti introspettivi ttrattati mhuma xejn li ma rajniex qabel, l-istess l-istil konfessjonali. Hemm deskrizzjonijiet u immaġnijiet interessanti ħafna, speċjalment dik tat-titlu, l-immaġni tax-xita nieżla rasha 'l isfel. Immaġni li, meta tieqaf taħseb fuqha, tagħmel sens, u toffri varjetà ta' ħsibijiet li se nħallihom mhux esplorati f 'din ir-reċensjoni: jekk hemm ħaġa li ħafna jaqblu dwarha fejn tidħol il-letteratura, hi li t-tifsira tinħoloq mill-qarrej fl-interazzjoni ma' dak li joffri l-awtur, u allura tajjeb li kull qarrej jitħalla jimmedita fuq din l-immaġni, u oħrajn, u jara fejn jieħdu. L-istess it-tmiem, fil-fehma tiegħi, kien qawwi ħafna. Imma tul il-ktieb, bħalma hemm dak li jġiegħlek taħseb, hemm ukoll deskrizzjonijiet li jinħassu ordinarji, mhux daqstant poetiċi, li mhuma xejn ta' barra minn hawn. Huwa l-element viżiv li joħroġhom mid-dominju tal-ordinarju u jdaħħalhom f 'dak tal-letteratura u ta' ktieb li b'xorti tajba ġie ppubblikat biex ingawduh. Xogħol Grech iwaħħad dawn iż-żewġ aspetti b'mod li mhux imdorrijin wisq narawh fil-kotba għall-adulti. Lili fakkarni, mill-ewwel, fi Breakfast of Champions ta' Kurt Vonnegut, għalkemm ix-xebh jieqaf mat- taħżiż u l-element metafinzjonali li Grech juri ħakma sew tiegħu. Grech jiffoka fuq li jkun relatabbli, li jgħaddi ħsibijiet li, forsi, kważi kulħadd xi darba kellu, hu min hu u jgħix fejn jgħix. Ifakkarna li l-letteratura mhijiex biss kliem miktub, hija forma ta' arti li ġġegħelna nieqfu naħsbu u nsiru konxji tal-emozzjonijiet tagħna kemm immedjati kif ukoll wara li jgħaddi ż-żmien. Ifakkarna wkoll li mhuwiex biss is-suġġett ittrattat jew l-istil użat li jagħmlu l-letteratura, iżda taħlita ta' elementi li jistidnuna ninterpretaw it-test f 'din il-kważi logħba bejn tnejn min-nies, awtur u qarrej, parallela mal-"logħba" tar- relazzjoni fil-qalba ta' dawn il-paġni. Grech jisfida n-normi letterarji b'mod li jpatti sew għas-sempliċità ta' wħud mill-paġni, u jħallilna biċċa xogħol tassew memorabbli. Lili fakkarni, mill- ewwel, fi Breakfast of Champions ta' Kurt Vonnegut, għalkemm ix- xebh jieqaf mat-taħżiż u l-element metafinzjonali li Grech juri ħakma sew tiegħu.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 27 July 2025