Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1538130
02 aħbarijiet IL-ĦADD 3 TA' AWWISSU 2025 • illum Ir-rata tal- qgħad f 'Ġunju tinżel għal 2.5% — l-inqas f 'sena Ir-rata tal-qgħad f 'Malta kompliet tinżel f 'Ġunju 2025, u laħqet livell baxx ta' 2.5%, skont dejta ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Din tirrappreżenta tnaqqis ta' 0.1 punti perċentwali mix-xahar ta' qabel u tnaqqis ta' 0.5 punti perċentwali meta mqabbla ma' Ġunju 2024. Fl-istess xahar, l-għadd ta' nies qiegħda kien ta' 8,507, jiġifieri tnaqqis ta' 2.6% meta mqabbel ma' Mejju 2025, u tnaqqis sostanzjali ta' 14.5% fuq sena. Skont l-istatistika, il-maġġoranza tal-persuni qiegħda — 6,790 persuna (79.8%) — kienu fl-età ta' bejn il-25 u l-74 sena, filwaqt li l-għadd taż-żgħażagħ qiegħda (ta' bejn il-15 u l-24 sena) kien ta' 1,717 persuna (20.2%). Qgħad fost l-irġiel u n-nisa Fir-rigward tad-differenza bejn is- sessi, ir-rata tal-qgħad fost l-irġiel kienet ta' 2.6%, bi tnaqqis ta' 0.1 punti perċentwali mix-xahar ta' qabel, filwaqt li dik tan-nisa baqgħet stabbli fuq 2.4%. Żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ Madankollu, minkejja tnaqqis ġenerali, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (15-24 sena) żdiedet b'0.4 punti perċentwali, u laħqet 6.1%. Min-naħa l-oħra, il-persuni bejn il- 25 u l-74 sena raw tnaqqis żgħir ta' 0.1 punti, b'rata ta' 2.2%. Din it-tendenza turi li filwaqt li l-qgħad globalment qed jonqos, iż- żgħażagħ għadhom jaffaċċjaw sfidi ikbar biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. It-tnaqqis ġenerali fir-rata tal- qgħad jindika sitwazzjoni ekonomika relattivament stabbli u b'saħħitha, iżda l-iżviluppi fost il-faxxa iżgħar tal- popolazzjoni jistgħu jkunu ta' tħassib għal dawk li jfasslu l-politika tax-xogħol. Ir-rata tal-qgħad f'Malta niżlet għal 2.5% f'Ġunju 2025 — l-inqas livell f'sena Passjoni u tradizzjoni: il-wirt tal-Kamra tan-Nar ta' San Mikiel IKOMPLI MINN PAĠNA 1 "Meta bdejt kelli biss 18-il sena," jgħid bi tbissima nostalġika. "Ma kontx nitla' l-kamra tan nar imma kont noqgħod ġo ħanut li kienu jsejħulu l-Lewlu u kont noqgħod nobrom l-iskrataċ. Imbagħad jirrakkonta kif kien imur għand il- mastrudaxxa li kienu tliet aħwa, u wieħed minnhom, Mosè, kien iħajru biex jitla' l-kamra tan-nar u meta għalaq l-età li seta' jagħmel dan, hu beda jitla' wkoll. Hu jgħidilna li "dak iż-żmien kont nikkarga l-istilla u kont tajjeb fiha u mmexxi, u dejjem obdejt lis-superjuri tiegħi." Mis-snin kollha li ilu jaħdem in- nar huwa fakkar wieħed mill-ewwel xogħlijiet, il-uħ tal-Hilton — show grandjuż li fih ħadem b'ħerqa kbira. Huwa rrakkonta wkoll kif kien parti mix-xogħol li ntuża fir-rebħ tat-tazza ta' Monaco. "Ma kontx mort dakinhar, imma ... ħdimna ħafna fuqu." U f 'moħħu tibqa' wkoll l-okkażjoni meta x-xogħol tal-ħabib tiegħu, magħruf f 'Ħal Lija bħala l-Laċita, ħa l-ewwel post fil-kurunazzjoni tar-Reġina. Filwaqt li jsemmi dan kollu, ifakkarna wkoll li mhux kollox hu faċli. "L-aktar biċċa delikata hi l-fire one — fejn ikollok wires jgħaddu minn kullimkien, u trid toqgħod attent li ma jinħaraqx xi wieħed," jgħid b'serjetà. Il-preċiżjoni f 'dak il-mument hi kollox. Imma l-akbar tħassib tiegħu? In- nuqqas ta' żgħażagħ li jitilgħu l-kamra. Fix-xitwa, kultant ikun hemm biss tlieta jew erbgħa. Huwa jgħid li ma tantx għad baqa' żgħażagħ li jinterassahom jitilgħu jaħdmu n-nar. Din is-sena, hekk kif il-Kamra tan- Nar ta' San Mikiel tagħlaq mitt sena storja, il-Kamra qed tħejji spettaklu li jkun tassew xhieda ta' dak kollu li nkiseb matul is-snin. "Il-fire one se jkun show sabiħ ħafna," jgħid Karmenu. "Nisperaw li kollox imur sew," iżid b'dik il-ġabra ta' emozzjoni li jħossu dawk li jafu xi tfisser il-festa tas-Salvatur. Karmenu spjega wkoll kif kien wieħed mill-pijunieri tal-Festa ta' San Mikiel li huwa l-patrun tal-kamra tan-nar tagħhom. Festa li llum tiġi ċċelebrata bejn wieħed u ieħor fid-29 ta' Settembru. Festa li baqgħet tikber — b'risq il-patrun u b'ġieħ lil dawk li bnewha bi snin twal ta' xogħol, bħal Karmenu stess. U hekk, f 'din is-sena tant speċjali, il- Kamra tan-Nar ta' San Mikiel tħares lura lejn mitt sena mimlija għaraq, passjoni, u ħbiberiji li ssawru taħt l-istess saqaf. Dak li beda bħala sforz żgħir minn grupp ta' nies impenjati, illum kiber fi skola ta' arti, dedikazzjoni, u tradizzjoni, imħabba li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan il-wirt se jiġi ċċelebrat kif jixraqlu. Il-lejla tat-Tlieta 5 ta' Awwissu, fid- 9:30pm, il-qalb ta' Ħal Lija terġa' tħabbat taħt sema miżbugħa bil-kulur. Mhux biss spettaklu, imma ġieħ lil dawk kollha li taw u li għadhom jagħtu ħinhom, ħajjithom, u ruħhom biex din it-tradizzjoni tibqa' ħajja. Karmenu kien wieħed mill-pijunieri tal-Festa ta' San Mikiel