MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 14 September 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1539445

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 15

aħbarijiet illum • IL-ĦADD 14 TA' SETTEMBRU 2025 05 "Sabiex tibqa' edukattur, trid tkun verament appassjonat" Il-gazzetta ILLUM tpoġġi mal-edukatur u attivist fil-kamp tal-edukazzjoni Luke Fenech sabiex tiddiskuti l-istat tas-sistema tal- edukazzjoni u l-manifest il-ġdid tiegħu ILENIA DEBONO Tgergir li tisma' kemm mingħand studenti u anke minn edukaturi hija li s-sistema tal-edukazzjoni kurrenti għandha bżonn tiġi aġġornata. Luke Fenech, għalliem tas- suġġett tal-etika, huwa wieħed min-nies li jemmen li dan huwa minnu, u għalhekk ħa l-inizjattiva. L-iżjed pubblikazzjoni riċenti ta' Fenech kien manifest bit-titlu ta' "Humanising the Maltese Education System: A Manifesto Hope." Din il-pubblikazzjoni hija mibnija fuq tliet pilastri, l-ewwel wieħed il-filosofija li l-edukazzjoni tkun iżjed umana, jiġifieri ħadd mhu numru u l-iskola tmur lil hinn mill-qasam akkademiku biss, għax infatti hemm dawk soċjali u personali. It-tieni pilastru jiffoka fuq l-edukaturi bħala nies awtonomi u l-benesseri tagħhom, hekk kif l-edukaturi huma ċentrali fis-sistema tal- edukazzjoni. L-aħħar pilastru jiffoka fuq l-istudenti u kif dawn għandhom jitqiesu iżjed bħala bnedmin milli studenti biss. Il-gazzetta ILLUM stiednet lil Fenech għal intervista fejn ġie diskuss il-manifest tiegħu u ċerti punti jaħarqu li joħorġu minnu. Il-kontenut akkademiku Fenech semma numru ta' temi li għandhom jiżdiedu, fosthom atroċitajiet storiċi li l-istudenti għandhom jiġu mgħallma sabiex l-istudenti jkunu konxji iżjed fuq ċerti partijiet iżjed ħorox tal-istorja. Huwa spjega li ċertu kontenut ikun addattat skont l-età u uża l-eżempju tal- Olokawst li jiġi mgħallem barra minn Malta. Fenech semma ċerti mumenti mill-istorja li hu jemmen li l-istudenti Maltin għandhom ikollhom konoxxenza tagħhom, inkluż il- qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Huwa jemmen li dan se jgħin lill-istudent biex "ikun aktar preparat u iktar empatiku", jekk jiġi mgħallem kif suppost. Barra minn hekk, hu qal li anke ġrajjiet kurrenti għandhom jiġu diskussi fil-klassi sabiex l-istudenti jkunu jafu x'qed jiġri barra mill-klassi. Huwa imperattiv li wieħed ikun sensittiv f 'dak li jgħid, hekk kif illum il-ġurnata ħafna mill- klassijiet huma multikulturali, u dawn ukoll jista' jkollhom fehmiet differenti. Temi oħrajn li Fenech jaħseb li għandhom ikunu prominenti fl-edukazzjoni Maltija huma dawk politiċi, inkluż tagħlim demokratiku. "Jien tal-fehma li jonħoloq suġġett għalih," qal Fenech, avolja diġà hawn ċerti suġġetti li norbtuhom ma' dawn it-temi, pereżempju l-istudju soċjali, l-etika, u l-istudju tal- Ewropa. Dan is-suġġett għandu jipprepara lill-istudenti fuq kif tivvota u kif tipprotesta b'mod ċiviku, biex b'hekk l-istudenti jkunu mħarrġin kif ikunu ċittadini. Hu rrikonoxxa li biex wieħed jintroduċi suġġett ġdid hemm ħafna loġika warajha l-biċċa, u allura għall-immedjat għandu jingħata prijorità lit-tagħlim ċiviku f 'dawn is-suġġetti diġà eżistenti. Imbagħad għall- ġejjieni, jaraha ta' benefiċċju għall-istudenti li jkun hemm suġġett obbligatorju bħal dan għall-istudenti. F'soċjetà li iżjed ma jgħaddi żmien iżjed qed issir sekulari, Fenech tkellem fuq it-tagħlim reliġjuż fl-iskejjel. Hu esprima l-fehmiet tiegħu fuq il-biċċa fejn qal li hu jemmen li dan għandu jibqa' jiġi mgħallem fl-iskejjel Maltin b'mod obbligatorju imma b'kontenut revedut. Hu qal kif il-kwistjoni hi mhux jekk għandux jiġi mgħallem is-suġġett, imma li għandu jiġi mgħallem mal- etika, mhux wieħed jew l-ieħor. "L-etika mhux qiegħda hemm biex tissostitwixxi r-reliġjon, imma biex tissuplimentah," qal l-għalliem tal-Etika. It-tagħlim etiku għandu valuri li jiġu mgħallma fir-reliġjon. Fenech tkellem ukoll fuq l-importanza tal-ħsieb kritiku. Qal li dan isir meta ngħaqqdu s-suġġetti tal-iSTEM ma' dawk kreattivi. Hu uża l-eżempju ta' proġett fejn studenti jridu jibnu binja sostenibbli, allura l-istudenti mhux ħa jiffukaw biss fuq l-aspett xjentifiku tal-binja imma anke dak umanistiku fejn jaraw kif din il-binja ħa taffettwa n-nies li jgħixu ġo fiha. L-għalliem qal li minħabba li l-filosofija tal-edukazzjoni qiegħda iżjed sabiex nippreparaw l-istudenti għad- dinja tax-xogħol, allura l-ħsieb kritiku li qed jintuża huwa mil- lenti ta' xogħol, sabiex l-istudenti jitħejjew aħjar għal din ir-realtà. Hu tkellem ukoll fuq ix-xogħol għad-dar, fejn aktar kmieni din is-sena qamet il-kwistjoni jekk dan għandux jitneħħa mill- iskejjel tagħna. "Jien naħseb hemm bżonn limitu ta' kemm jista' jingħata xogħol għad-dar għall- weekend," Fenech spjega li hemm bżonn ta' bilanċ bejn ix- xogħol tal-iskola u l-ħin liberu għall-istudenti. Hu qal li ħafna studenti fetħu qalbhom miegħu fuq kemm jaraw li mhux xierqa li l-maġġoranza ta' dan ix-xogħol jingħata għas-Sibt u l-Ħadd. B'rimedju għal dan, Fenech qal li x-xogħol għad-dar għandu jinqasam b'mod bilanċjat matul il-ġimgħa u anke l-kontenut tax- xogħol jista' jkun wieħed varjat, eżempju minflok kitba biss, ikun hemm xi proġett iżjed prattiku jew anke xogħol fil-klassi stess. L-irwol tal-għalliem f 'din is-sistema Huwa enfasizza wkoll l-irwol li għandhom l-għalliema bħala l-messaġġiera bejn is-sillabu u l-istudenti. "Ġejt infurmat li qed isiru inizjattivi mill-ministeru sabiex jinċentivaw aktar għalliema jersqu 'l quddiem," hu spjega. Fenech għamel referenza għat-Transformation Hub fost inizjattivi oħrajn, imma qal li dawn mhux bizżejjed hekk kif xorta waħda hemm numru kbir ta' għalliema li mhux qed jersqu 'l quddiem. "Din ġejja, fl-opinjoni tiegħi, minn mentalità passiva u mentalità ta' biża'." Fenech irrakkonta kif din il-mentalità taħkem ħafna għalliema b'tali mod li jgħidu "jien kemm immur nagħmel xogħli u daqshekk." Din il-mentalità qed tostakola milli s-sistema tkun waħda bottom-up. Hu qal li din il-problema m'aħniex ħa naffaċċjawha fl- immedjat, imma xi ħaġa li ħa tieħu tul ta' żmien u trid tiġi indirizzata wkoll minn dawk li jagħmlu l-liġijiet. Madankollu xorta hemm edukaturi li qed jaħdmu favurha, inkluż Fenech stess. Problema oħra li tirrelata mal-irwol tal-għalliema hija l-ingaġġar u ż-żamma tal- għalliema. Hu rrikonoxxa li din hi problema kbira, hekk kif is-sistema tant kemm hi burokratika li ġġiegħel lil ħafna edukaturi appassjonati jitilfu l-ispirtu tagħhom. Soluzzjoni li offra Fenech hi li l-proċess tal-intervista tal-ingaġġar tal- għalliema għandu jiġi revedut, hekk kif bħalissa dan jara l-edukatur bħala numru. "Inti bħala edukatur trid tkun taf ċerti policies bl-amment [...] però jekk għandek xi ittra ta' rakkomandazzjoni jew għamilt xi proġetti oħra relatati mal- edukazzjoni, dawk mhux ħa jagħtu kashom." Luke Fenech huwa għalliem tas-suġġett tal-etika

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 14 September 2025