Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1539880
15 kotba IL-ĦADD 28 TA' SETTEMBRU 2025 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jaqra l-ktieb il-ġdid tal-poeżiji ta' Gioele Galea, u mill-fil meditattiv tiegħu jġiegħlu jirrifletti fuq l-istedina tal-kliem biex nikkalmaw, ma nitgerbux mill-għaġla. Meditazzjonijiet fuq id-divin Hemm kitbiet li l-ewwel u qabel kollox, jipprovaw jirrakkontaw storja. Imwielda għal udjenza li jixtiequ jagħtuha divertiment jew jgħallmuha, joħduna fuq passiġġata bil-kliem tul sensiela ta' ġrajjiet li jinvolvu għadd ta' karattri, għażliet, u konsegwenzi. Kull element huwa maħsub biex iżid man- narrattiva li qed tinbena, sentenza sentenza, b'bidu, nofs, u tmiem. Paġna paġna, il-qarrejja jesperjenzaw l-istorja tiżvolġi, ħerqana biex isiru jafu x'se jiġri. Imbagħad hemm kitbiet li kważi jinsew li għandhom udjenza. Minflok iħarsu 'l barra u jirrakkontaw, iħarsu 'l ġewwa. Fil- qalba tagħhom m'hemmx narrattiva iżda ħsibijiet jew emozzjonijiet. Pjuttost milli stejjer, huma meditazzjonijiet. L-awtur jikkontempla fuq xi ħaġa partikolari. F'dan l-istil jista' jkun hemm xi forma ta' bidu u tmiem, imma spiss, il-qofol ma jkunx daqstant lineari imma iżjed riflessjonijiet ċirkolari li dejjem iduru lura għal dak li qed jiġi kkontemplat. Paġna wara paġna, ma jifformawx storja iżda minflok bħal kobba dejjem tikber bi sfumaturi ġodda dwar l-istess aspett. Huma kitbiet vulnerabbli li jbexxqulna tieqa lejn ħsibijiet interni, normalment privati. Gioele Galea, kittieb u saċerdot, tista' tgħid li kitbietu dejjem xaqilbu lejn il- meditattiv, imma t-triloġija li hu magħruf l-iżjed għaliha — Tħabbat Xtaqtek (2017), In-Nar għandu Isem (2020) u Ġo Baħar Jiskura sad-Dlam (2024), kollha ppubblikati minn Horizons — iżżewweġ iż-żewġ stili fi proża li, fl-istess ħin, tagħtina element narrattiv filwaqt li hi purament meditattiva. Min-naħa l-oħra, fil-ġabra ta' poeżiji riċenti tiegħu Għajnejk l-għajnejn ta' Alla (ukoll ta' Horizons), insibu biss l-istil meditattiv. It-titlu mhuwiex xi espressjoni metafora eloġika kif forsi wieħed jistenna minn ktieb ta' poeżiji, speċjalment jekk ma jkunx jaf bl-isfond monastiku tal-awtur. Huwa affermazzjoni mill- awtur ta' konvinzjoni soda: fil-fidi Nisranija, għajnejn Ġesù Kristu huma, litteralment, għajnejn Alla. Għax dawn huma riflessjonijiet li tnibbtu mill- kontemplazzjoni ta' bniedem ta' fidi hu u jħares lejn Kristu fuq il-kurċifiss. Hu ktieb qasir ħafna: l-għan tiegħu mhux li wieħed jaqra sentenza sentenza imma li jieqaf jaħseb u jimmedita fuq kull poeżija, jifhem ir-relazzjoni tal-kittieb mad-divin u, forsi, jikkontemplaha b'rabta miegħu nnifsu. Fih tliet taqsimiet: il-'Ftuħ' u l-'Għeluq' fiż-żewġt itruf, b'poeżija waħda kull wieħed, u t-taqsima 'Movimenti' fin-nofs bi tmien poeżiji. Isem li jġegħelna naħsbu wkoll. Minn naħa, għandna l-movimenti interni li jseħħu fina fl-att ta' riflessjoni, id f 'id mal-awtur gwida, fuq dak li diġà nafu imma qed nerġgħu nisimgħu minn lenti oħra. Mill-oħra, hemm movimenti litterali, għax il-ktieb mhuwiex totalment imċaħħad minn xi forma ta' narrattiva, għalkemm totalment mhijiex ċentrali u fil-verità teħtieġ li wieħed ikun jaf l-istorja biex jaraha: għax dawn huma riflessjonijiet fuq l-aħħar sigħat ta' ħajjet Kristu, mill-Ġnien tal-Ġetsemani sal- bewsa tat-tradiment, il-kundanna, u, fl- aħħar, meta ssallab. Kull poeżija hija moviment lejn l-istadju li jmiss; ma jsegwux, sewwasew u kif forsi wieħed jimmaġina, il- Via Sagra. Minflok il-kittieb juża stadji differenti, li jservu aħjar il-fini meditattiva tiegħu, u forsi huma bil-wisq aktar familjari ma' udjenza usa'. Bħall- istazzjonijiet tal-Via Sagra, fil-fatt, kull poeżija f 'din it-taqsima, minbarra t-titlu tagħha, hija ppreċeduta minn numru Ruman, b'paġna ddedikata għalih, għażla editorjali li tisforza pawża u żżid l-aspett ta' meditazzjoni hekk kif tiskoraġġixxi lill-qarrej milli jaqbad jaqra bla waqfien bla ma kważi jinduna li spiċċat poeżija u bdiet oħra. Hawnhekk ma nistax ma nikkummentax ukoll fuq it-tpinġijiet li jakkumpanjaw il-paġni b'dawn in- numri, sottilli imma effettivi u sbieħ, li juru affarijiet li mhux dejjem jissemmew fil-poeżija li ssegwi, imma li l-biċċa l-kbira tal-qarrejja familjari mal-ġrajjiet ikkonċernati jifhmu mill-ewwel. U forsi hemm sfumaturi oħra ta' "Movimenti" li m'iniex nara jien: dak is- sabiħ tal-qari kontemplattiv, wara kollox; il-kobba dejjem tikber ma' kull qari u qarrej. It-tliet taqsimiet huma distinti mill-istil użat. Il-'Ftuħ' u l-'Għeluq' jikkonsistu minn strofi ta' erba' versi u huma mużikali ħafna. F'kull strofa jirrimaw l-ewwel u t-tielet vers, kif ukoll it-tieni u r-raba'. Kważi kważi jaqraw qishom salmi. Min-naħa l-oħra, it-taqsima prinċipali hija ħafn'iżjed libera stilistikament, mingħajr wisq rimi u b'tulijiet li jvarjaw. Hawn ukoll, iżda, għandna forma ta' moviment; hekk kif jibda joqrob il-mument tant ċentrali għall- fidi Nisranija, jiġifieri hekk kif it-taqsima toqrob lejn tmiemha, il-frekwenza tar- rimi tiżdied b'mod li diffiċli ma tinnotahx, għalkemm ma tilħaqx l-istess livell strutturat tal-'Ftuħ' qabel l-aħħar poeżija, l-'Għeluq'. Għajnejk l-għajnejn ta' Alla mhux ktieb maħsub bħala divertiment. Kulħadd jaf kif tispiċċa din l-istorja. Pjuttost hu stedina biex ma nħallux il-kliem jitgerbeb quddiem għajnejna bla ma nintebħu, biex nieqfu ftit mir-ritmu mgħaġġel kostanti u nieqfu naħsbu fuq kull kelma, kull strofa, kull poeżija.