Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1540306
03 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 12 TA' OTTUBRU 2025 ktieb.org.mt @maltabookfestival 5-9 ta' Novembru 2025 • MFCC Ta' Qali Nikteb mill-Ġdid dħul b'xejn Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Katy Browka: Omm minn Belarus li qed tqanqal interess ġdid fil-lingwa Maltija Katy Browka hija omm ta' żewġt ibniet minn Belarus li ilha tgħix Malta sentejn. Fuq il-midja soċjali hi taqsam filmati tagħha u ta' wliedha jitgħallmu kliem u frażijiet bil-Malti, esperjenza li mhux biss qiegħda tqanqal interess iżda wkoll turi l-lingwa nazzjonali f 'dimensjoni ġdida — dik ta' familja barranija li tagħżel li tħaddanha fil-ħajja ta' kuljum. Il-kontenut ta' Katy qed jiġbor ammirazzjoni minn ħafna, u fl-istess ħin qed jagħti messaġġ ċar li l-Malti jista' jibqa' ħaj permezz ta' ġenerazzjonijiet ġodda, anke meta dawn ġejjin minn pajjiżi oħra. Għal din l-intervista, tkellimna ma' Katy dwar il-vjaġġ tagħha u l-ispirazzjoni wara din l-inizjattiva. Katy qaltilna li l-ewwel darba li semgħet il-Malti kien meta waslet fuq il-gżira. "Kien jidher stramb ħafna għalija. Iżda bil-mod il-mod bdejt ninduna kemm hu uniku u awtentiku," qalet. Dan wassalha biex tibda tieħu korsijiet fil-lingwa u it wara bdiet taqsam il-progress tagħha fuq il-midja soċjali. "L-ewwel kont qed nirrekordja lili nnifsi biex niakar ċertu kliem ġdid. Imbagħad indunajt li ħafna ma kellhomx l-opportunità jattendu korsijiet, allura ddeċidejt li naqsam il-videos. Beda jkun hemm interess u daħħalt ukoll lil uliedi, biex inħeġġeġ tfal oħra jitgħallmu," żiedet tgħid. Il-proċess, madankollu, mhux dejjem faċli. "Il-qari u l-kitba minn hawn u minn hemm jirnexxili ladarba titgħallem l-alfabett. Imma t-taħdit fluwenti hu diffiċli. L-ordni tal-kliem hija differenti mill-Ingliż, il-verbi kumplessi ħafna, u hemm ħafna regoli," irrimarkat Katy. Minkejja l-isfidi, l-esperjenza għallmithom iħossuhom parti akbar mill-komunità. "Meta nużaw it kliem fil-ħajja ta' kuljum, in-nies jirrispondu b'ħafna ħlewwa. Tħossok tassew parti mill-kultura," qalet b'sodisfazzjon Katy, li issa tħoss li l-Malti sar pont ta' komunikazzjoni, mhux biss għaliha u l-bniet tagħha, iżda wkoll bejnha u l-Maltin. Katy temmen li l-videos tagħha qed jagħmlu differenza reali. "Il-lingwa mhijiex xi ħaġa tal-passat. Hija ħajja, moderna, u anke barranin u tfal jistgħu jgawdu milli jitgħallmuha," sostniet hi. Il-popolarità tal- kontenut tagħha fuq TikTok u Instagram turi kemm hemm interess reali fil-lingwa, anke lil hinn minn Malta. "Ħafna nies jibagħtuli messaġġi jgħidu kemm qed jispiraw ruħhom jarawni nitgħallem u kemm issa huma wkoll qed ikunu kurjużi dwar il-Malti," żiedet tgħid. Il-messaġġ tagħha lill-Maltin jibqa' wieħed qawwi: "Kunu kburin bil-lingwa tagħkom. Hija unika fid-dinja u teżor li għandkom. Huwa essenzjali li tipproteġuha u tgħadduha lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin." Bħala barranija li għażlet li tilqa' din il- lingwa, Katy tħoss li xi kultant il-Maltin stess forsi ma jirrealizzawx biżżejjed kemm il-Malti hu prezzjuż. Katy mhux biss qed titgħallem lingwa ġdida, iżda qed tibgħat ukoll messaġġ b'saħħtu ta' rispett u apprezzament. Huma qed juru li l-Malti jista' jsir mezz ta' rabta, mhux biss bejn il-Maltin u l-barranin, imma wkoll bejn il-passat u l-futur tal-pajjiż. Fil-fatt, permezz ta' dawn il-videos sempliċi iżda sinifikanti, Katy u wliedha qed jagħtu lezzjoni lill-Maltin infushom: li l-Malti hu prezzjuż, u għandu post ewlieni fil-qalb ta' kull min jagħżel li jgħix f 'din il-gżira. Katy Browka, omm ta' żewġt ibniet minn Belarus