Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1540306
aħbarijiet illum • IL-ĦADD 12 TA' OTTUBRU 2025 05 In-nomina ta' Ian Borg biex Donald Trump jirbaħ il- Premju Nobel għall-Paċi tqajjem mewġa ta' kritika Numru kbir ta' nies jikkritikaw in-nomina ta' Borg, inkluż kelliema mill-kamp xellugi ILENIA DEBONO Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg mar "minn wara dahar sħabu u donnu anke minn wara dahar il-Prim Ministru" smeta nnomina lill-President Amerikan Donald Trump għall- Premju Nobel għall-Paċi. Hekk saħaq il-Kelliem tal- Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami, waqt li tenna li "mis-skiet tal- Gvern u r-reazzjoni ta' bosta fil-Partit Laburista jidher li din id-deċiżjoni tal-Ministru ħolqot ferment u nuqqas ta' qbil serju." Borg, flimkien ma' numru ta' dinjitarji oħra inkluż il-Prim Ministru tal-Kambodja u l-Prim Ministru ta' Iżrael Benjamin Netanyahu, qalu li nnominaw lill-President Amerikan Donald Trump għall-Premju Nobel għall- Paċi. Numru ta' nies ikkritikaw din il-mossa ta' Ian Borg, u akkużawh b'faċċoliżmu. Sadattant, il-Ħamis tħabbar li l-premju ntrebaħ minn María Corina Machado Borg minn dejjem kien kawt fuq kif tkellem fuq il-President Amerikan, anke fil-bidu tat- terminu ta' Trump fejn kien qed jhedded l-UE b'tariffi. Madankollu, din in-nomina xorta waħda kienet waħda li ssorprendiet lil ħafna minn nies. Fenech Adami ma kienx l-unika wieħed li kkummenta fuq din in- nominazzjoni. Sandro Mangion, l-Eks Editur ta' One News, qal li huwa konfuż fuq kif Malta, b'valuri demokratiċi u paċifisti, appoġġjat lil xi ħadd bħal Trump. "Qed nipprova niem kif tista' Malta, pajjiż immexxi minn partit li jistqarr li hu soċjalista u xellugi, jappoġġja u jilgħaq b'dan il-mod apert lil politiku faxxist li ddikjara lix-xellug f 'pajjiżu bħala 'l-għadu minn ġewwa'. Li qed jibgħat lill- forzi tal-ordni u lis-suldati biex jaħtfu, isawtu, u jitfgħu f 'kampijiet jew il-ħabs lill-ħaddiema u lin-nies li ma jaqblux miegħu politikament u/jew jappoġġjaw lill-Partit Demokratiku, li fl- Istati Uniti għandu pożizzjonijiet politiċi simili għal dawk tal- Partit Laburista Malti meta mqabblin mal-avversarji politiċi 'konservattivi' tagħhom." Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, li fil-passat wera l-appoġġ tiegħu għal Donald Trump, ma kkummentax meta mistoqsi mill-gazzetta oħt, MaltaToday. Borg dar mal-mistoqsija u qal li hu jafda fil-proċess tal-Kumitat tal-Premji Nobel, imma għamel spunt għad-diverġenza li ħolqot din in-nominazzjoni fil-kamp politiku xellugi. L-Eks Kap Eżekuttiv tal-ERA, Ruben Abela, ikkummenta fuq in- nominazzjoni fejn qal, "Nispera li ċajta, jekk le, tlifnieha bil-kbir!" L-opinjonista politiku li għandu tendenza jdur favur il-PL, Jeremy Camilleri, ukoll kellu xi jgħid meta tela' fuq Facebook u qal "Nirrikonoxxu lill-Palestina, imma mbagħad nifirħu lil min jiffaċilita l-qerda ta' tant Palestinjani," fejn imbagħad kompla jgħid li din ipokrezija li ġġiegħlek taqta' qalbek. Carmen Sammut, eks chairman tal-PBS, kelliema tax-xellug u issa pro-rettur l-universita' tkellmet ukoll fejn irreferiet għal Trump bħala "skrun perikoluż għad- dinja u għal niesu" li ma ħaqqu l-ebda tifħir u xejn inqas premju għall-paċi. Nominazzjonijiet Minbarra l-istqarrija ta' Borg stess, m'hemm l-ebda prova li din in-nomina verament seħħet hekk kif in-nominazzjonijiet mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku. Borg stqarr li huwa ta ittra lil Trump u fiha infurmah li nnominah għall- Premju Nobel għall-Paċi u ħeġġu wkoll sabiex "ikompli jaħdem fuq il-Lvant Nofsani u l-Ukrajna." Huwa importanti li wieħed jinnota li n-nominazzjonijiet għall-Premju għalqu fil-31 ta' Jannar. F'dan iż-żmien, Trump kien għadu mhux ċert fuq il- pożizzjoni tiegħu fuq il-kwistjoni, kemm tal-Lvant Nofsani, kif ukoll dik tal-Ukrajna. Trump saħaq li waqqaf seba' kunflitti internazzjonali. Ħafna esperti tad-diplomaziji internazzjonali kkoreġew dan in-numru għal wieħed. Speċifikament dak tal-Armenja u l-Ażerbajġan li laħqu ehim ta' paċi wara li ltaqgħu fil-White House. Fil-każ tal-kunflitti bejn it- Tajlandja u l-Kambodja, u s-Serbja u l-Kosovo, Trump uża theddid ta' sanzjonijiet u tariffi sabiex jikkalma s-sitwazzjoni, imma t-tensjoni hemm għadha. F'każijiet oħra bħal tal-Indja u l-Pakistan, l-Iran u Iżrael, ir-Rwanda u l-Kongo u anke tal-Eġittu u l-Etjopja, Trump intervjena imma s-sitwazzjonijiet kkalmat temporanjament filwaqt li xejn ma ssolva. Fuq nett: Ian Borg (lemin) mal-President Amerikan Donald Trump: Fost il-ħafna li kkritikaw id-deciżjoni ta' Borg kien hemm (mix-xellug fin-nofs) Beppe Fenech Adami, Ruben Abela, Jeremy Cammileri u Carmen Sammut