Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1540706
08 aħbarijiet IL-ĦADD 26 TA' OTTUBRU 2025 • illum opinjoni Attivista tal-Moviment Graffitti u Soċjologa DR ANGELE DEGUARA "Niftakru li aħna kollha ħaddiema u rridu niġbdu ħabel wieħed mhux ninfirdu u noħolqu saffi u piki bejnietna" F 'dawn l-aħħar snin, l-għan ewlieni tal-Gvern immexxi mill-Partit La- burista kien li titkabbar l-ekonomija akkost ta' kollox. U l-ekonomija kibret. Kibret b'rata mgħaġġla ta' madwar 6% għalkemm fix-xhur li ġejjin mistennija tnaqqas it ir-ritmu. Dan it-tkabbir kien xprunat minn ċerti setturi iktar minn oħrajn, fosthom il-kostruzzjoni u l-bejgħ tal-proprjetà, is-servizzi finanz- jarji, u s-servizz pubbliku. Filwaqt li kibret kemm felħet, l-ekonomija li jħaddem il-Gvern Malti ħalliet warajha impatti soċjali u anki ekonomiċi kbar. Għaliex biex ikabbru l-ekonomija għaddew bħal gaffa minn fuq kulħadd u minn kullimkien u ma tawx kas x'jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet soċjali, ambjentali, fuq is-saħħa, fuq komunitajiet residenzjali u fuq il-kwalità tal-ħajja tal-poplu. Fuq kollox, il-politiki ekonomiċi tal-Gvern wasslu biex jattiraw lejn Malta eluf ta' ħaddiema barranin li l-ekonomija Maltija saret tiddependi fuqhom imma li mhumiex stmati kif jixirqilhom. Kienu wkoll dawn il-politiki li wasslu biex il-popolazzjoni ta' Malta tkompli tisplodi mingħajr ma ħasbu fil-konsegwenzi ta' dawn l-iżviluppi. Lanqas ma ħasbu jekk dan il-ġid kollu li qed jinħoloq hux qed jispiċċa jgawdi minnu l-poplu jew il-ħaddiema stess li joħolquh jew jekk hix biss tellieqa biex dawk il-it li ġa għandhom il- bwiet tagħhom xpakkati jkomplu jitħanżru. L-ewwel ħaġa, il-mudell ekonomiku tagħna huwa mibni fuq iċ-cheap labour li minflok ipoġġi lill-ħaddiema fiċ-ċentru tiegħu, il-ħaddiema, kemm Maltin kif ukoll barranin jispiċċaw imwarrba fil-ġenb biex dawk li jikkontrollaw is-suq, dawk li jħaddmu u jgawdu l-iktar mill-ġid li toħloq l-ekonomija tagħna, ikomplu jgawdu. Fuq l-artal tat-tkabbir ekonomiku bla rażan issagrifikajna d-dinjità tal-ħaddiema, l-ispazji miuħa, il-kwalità tal-ħajja tagħna b'bini tiela' ma' kullimkien, krejnijiet, storbju, traffiku, trabijiet u bilkemm baqgħalna fejn nieħdu nifs. Forsi ninsew li ħafna minna huma ħaddiema. Forsi sirna niddejqu nsemmu lill-ħaddiema għax illum iktar sirna nħobbu nitkellmu fuq kemm qed tikber l-ekonomija, fuq il-ġid li ssib tixtri minn kullimkien, fuq l-għażliet li għandna meta mmorru nixtru, fuq kemm aħna pajjiż modern u progressiv. Forsi ninsew li l-progress ma jitkejjilx biss bit-tkabbir ekonomiku imma bil-mod ta' kif jgħix il-poplu f 'soċjetà u bil-mod kif nittrattaw lill-ħaddiema tagħna, li wara kollox huma l-qafas tal-ekonomija u tas-soċjetà. Forsi ninsew li ħafna ħaddiema huma sfruttati u abbużati minn min iħaddimhom, ninsew li hawn ħafna ħaddiema li ma jifilħux iħallsu l-kera u jridu jaħdmu part-time biex ilaħħqu mal-ħajja. Is-sena l-oħra l-ħaddiema f 'Malta kienu jaqilgħu inqas mill- medja ta' dak li jaqilgħu ħaddiema oħra fl-UE u għalkemm għoliet il-paga minima, din xorta għadha fost l-iktar baxxi fl-UE. Għax tkabbir ekonomiku ma jfissirx li l-ekonomija hija b'saħħitha jew li hija ekonomija sostenibbli. F'Malta hemm ċerti setturi fejn il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma regolati bi ehim kollettiv. Ċerti setturi, bħal taċ-ċivil, tjibulhom mhux ħażin il-paġi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol imma tajjeb ninnutaw li żewġ terzi tal-ħaddiema f 'Malta mhumiex koperti minn ehim kollettiv, speċjalment fis-settur privat fejn 13% biss kellhom ehim kollettiv fl-2022, skont rapport li ħareġ dan l-aħħar mill-Professur Godfrey Baldacchino. Madanakollu, il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u l-pagi ġusti m'għandhomx ikunu jiddependu biss minn ehim kollettiv. Tajjeb li jkollna unions b'saħħithom. Hemm bżonn jissaħħu ħafna iktar anzi. Tajjeb li jkollok ħaddiema f 'union. F'Malta, in-numru ta' ħaddiema rdoppja f 'dawn l-aħħar snin, u rajna eluf ta' ħaddiema barranin jidħlu fis-suq tax-xogħol Malti. Iżda, din iż-żieda mhix riflessa fir-rata ta' sħubija f 'unions li, għall-kuntrarju, naqset b'mod konsiderevoli, skont Baldacchino, u hija baxxa sew fost ħaddiema barranin. L-istess rapport jindika li it iktar minn terz biss tal- ħaddiema f 'Malta huma msieħba f 'union. F'pajjiżna hawn ħafna ħaddiema sfruttati, mhux imħallsa tajjeb, mhux trattati ta' nies, li jaħdmu bil-prekarjat, mingħajr sigurtà u serħan il-moħħ, li jaħdmu fil-periklu, li ma jlaħħqux mal- ħajja, li ma jistgħux isibu bilanċ xieraq bejn il-ħajja personali u dik tax-xogħol. Il-Gvern irid jgħaddi liġijiet u jagħmel politiki serji li jħarsu lill-ħaddiema kollha, li jaqtgħu l-abbużi u l-isfruttament, li jeliminaw l-aġenziji li jġibu lill-ħaddiema minn barra, li jħarsu s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, li jagħmluha faċli biex, kemm in-nisa, kif ukoll l-irġiel ikunu jistgħu jgawdu l-familja u l-ħajja personali u fl-istess ħin jikkontribwixxu għall-ekonomija. Malta għandha nuqqasijiet kbar fejn jidħlu l-miżuri li jippermettu dan il-bilanċ. U dan qiegħed iħalli impatt fuq il-ħajja tal-familji tagħna, fuq l-ammont ta' tfal li qed ikollna, fuq ħafna deċiżjonijiet li jittieħdu minn koppji u individwi ħaddiema. X'miżuri se jkun hemm fil-budget li jmiss biex jindirizzaw dawn il-problemi li qed jifnu lil ħafna ħaddiema u familji? Il-ħaddiema huma l-iktar li jintesew fit-tellieqa għat-tkabbir, anki jekk it-tkabbir jiddependi minnhom. Il-ħaddiema mhumiex kollha fl-istess keffa. Hawn ċerti ħaddiema li huma stmati aħjar minn oħrajn u jgawdu ċerti kundizzjonijiet ta' xogħol li ħaddiema oħrajn, bħal dawk li jaħdmu fis-settur tat-tindif, tal- kostruzzjoni jew fl-istabbilimenti tad-divertiment, lanqas biss joħolmu bihom. Imma niakru li aħna kollha ħaddiema u rridu niġbdu ħabel wieħed mhux ninfirdu u noħolqu saffi u piki bejnietna. Għaliex bħala ħaddiema kollha ħaqqna d-dinjità, il-kundizzjonijiet xierqa u l-ħlas ġust għal dak li nagħmlu u għall- kontribut li kollha nagħtu lejn is-soċjetà. Jeħtieġ li nimxu lejn mudell ekonomiku ġdid, mudell ekonomiku li jpoġġi lill-ħaddiema fiċ-ċentru tiegħu. Jeħtieġ mudell ekonomiku sostenibbli u li minflok ipoġġi t-tkabbir ekonomiku akkost ta' kollox, jimmira lejn tkabbir raġonevoli li l-ġid li joħroġ minnu jkun imqassam b'mod iktar ġust. Huwa hekk biss li nistgħu niċċelebraw u nkunu kburin bit-tkabbir tal-ekonomija tagħna, meta naraw li din hija ekonomija għall-ħaddiema u għall-poplu. Għalhekk hemm bżonn qafas legali sod u ċar li jaċċerta li l-ħaddiema u l-poplu jispiċċaw rebbieħa fit- tkabbir u t-tqassim tal-ġid u mhux dawk li diġà għandhom ħafna ġid għax xebgħu jitħanżru u għax ħallewhom jitħanżru. Referenzi Baldacchino, G. (2025). e state of industrial relations in Malta:A critical commentary. In L. A. Fiorini, (ed.), Centre for Labour Studies:Biennial Report:2023-2024, 12-29. https://maltachamber.org.mt/ maltas-gdp-growth-masks-varying- sectoral-level-performance-as- higher-value-added-sectors- experience-slowdown-pwc-report- finds/ https://timesofmalta.com/article/ maltese-wages-lower-eu-countries- eurostat.1090272 https://www.independent.com.mt/ articles/2025-02-21/local-news/ Malta-registers-minimum-wage- increase-but-slips-down-EU- rankings-6736268058 Fit-tiġrija għall-ġid, il-ħaddiema u l-poplu dejjem jiġu l-aħħar Il-kampanja "Ġustizzja għall-Ħaddiema" tnehdiet fl-2024, bħala inizjattiva li tgħaqqad lil Moviment Graffitti u numru ta' organizzazzjonijiet oħra bl-għan li jiddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema u jippromwovu pajsaġġ ekonomiku aktar ġust

