Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1542274
15 kotba IL-ĦADD 28 TA' DIĊEMBRU 2025 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Miriam Galea tinnota l-użu tal-forma esejistika f'"Es Sidr" ta' Omar N'Shea biex tintiseġ storja personali ma' oħra soċjo-politika u riċenti. L-awtur jiskava fil-fond biex jittanta jsib l-identità tiegħu, u fil-proċess se jleħħen realtajiet li ma tantx qrajna dwarhom, jew li mhumiex mogħtija wisq leħen, fid-diskors soċjali normattiv. Jekk mhux se nrawmu kultura ta' kritika letterarja, m'għandniex futur "Es Sidr" ta' Omar N'Shea, ippubblikat minn Aphroconfuso, hu xogħol brillanti li f 'diversi reġistri – referenzi intellettwali, deskrizzjonijiet krudi, skavar fl-istorja u liriċiżmu poetiku – jittratta temi qawwija u kruċjali. Fi kliem N'Shea, waqt qari riċenti fil- librerija ta' Pembroke, "'Es Sidr' huwa teorija sħiħa fuq l-internazzjonalità tal- ġeneru, tal-klassi, tal-etnika, u tal-ġisem fl-istorja, huwa teorija sħiħa." Billi, b'mod li jixbah lil dak arkeoloġiku, jiskava fl- istorja personali tiegħu kif ukoll dik soċjo- politika, l-awtur ixidd dawl fuq l-istorja riċenti lokali rarament iddokumentata, kif ukoll jipprova jiem lilu nnifsu u "l-proċessi li bihom l-istat jikkontrolla s-suġġettività u jibni n-normattività". Bi trobbija u nisel li jaqgħu bejn ix-xquq tal-aspettattivi konvenzjonali, l-awtur jaffronta u jixtarr il-kumplessi li tiżra' fina n-normattività filwaqt li jleħħen realtajiet marġinalizzati. N'Shea għażel il-ġeneru ibridu tal-esej letterarju li bih seta' jħallat il-kompożizzjoni letterarja mat- teorizzazzjoni inqas akkademika. N'Shea ddeskriva, waqt il-qari: "Bdejt infittex dak il-ġeneru li [...] jagħtini l-possibbiltà biex nitteorizza s-suġġettività tiegħi. Mhux biex nitkellem fuqi però biex nitkellem fuq dawk in-nies bħali illi jiena ma bdejtx nara fil-kitbiet li kont qed infittex [...] meta bdejt niltaqa' mal-esej u mal-esejistika u l-kitba letterarja esejistika bdejt inħoss li hemmhekk tista' tilgħab ħafna iktar, għaliex il-ġeneru mhux daqshekk fiss." N'Shea jinseġ l-istorja tal-ewwel snin tar-Repubblika meta Malta bdiet toqrob lejn il-Libja (rabta Għarbija li spiss naħarbu) mal-"istejjer mitlufa u minsija" ta' familtu u nies minn klassi soċjali baxxa u l-komunità queer. Tul il-ktieb, jistudja parallelment l-istorja ta' familtu flimkien ma' dik soċjo-politika ta' dak iż-żmien. F'ittra, missieru Libjan jikteb lil ommu Maltija li "Qed iħossu joqrob lejha bl- istess mod kif il-Libja u Malta qed joqorbu lejn xulxin". N'Shea jagħmel il-personali politiku, u l-politiku personali. Isejjaħ "il- ġisem politiku, mimli affetti universali, li tista' tmur tfittixhom fl-arkivji tal-politika internazzjonali." N'Shea jgħid b'tant onestà kif ħajtu kollha ħarab mill-klassi soċjali baxxa ta' familtu, kif ukoll min-nisel Għarbi tiegħu. Hu u janalizza l-kuntest tiegħu ta' omosesswali b'missier Libjan assenti u omm Maltija liżbjana li rabbietu f 'komunità ta' nisa u sinjorini, ileħħen minoritajiet bħall- komunità queer, in-nisa, il-klassi soċjali fqira, il-kolonjalizmu, il-klassiżmu, u r-razziżmu. "Nikteb għaliex nixtieq nuri li x-xogħol tal-arkivju tal-ġisem u tal- affett ta' niesi qatt mhu meqjus." Josserva anki r-"relazzjonijiet ta' poter bejn il- Mediterranji tan-naħa ta' fuq u dawk tan- naħa t'isfel". L-awtur jiħilna għajnejna għal proċessi kolonjali, klassisti, sessisti, razzisti u omofobiċi li, bħala poplu kkolonizzat għomru kollu, qajla bdejna nagħrfuhom. Fost it-temi kruċjali li jittratta, tant hu importanti d-diskors tiegħu dwar il- kolonjaliżmu. Hekk kif Malta taħt Mintoff bdiet tipprova tinħeles mill-Ingliżi, "il- Libja u Malta bdew joqorbu lejn xulxin iktar minn qatt qabel biex jagħrfu xi forma ta' ħajja ħielsa mill-barrani". N'Shea jfittex fl-arkivji u jikkwota telegramma ta' Mintoff lil Nixon fl-1972 li tgħid dwar l-Ingliżi li "altru milli qed jitilqu minn pajjiż li tqanna bihom għal 170 sena, iridu jitilqu ta' ħakkiema u jħallu lil Malta qisha l-għadu skonfitt tagħhom." Il-kolonjaliżmu żera' d-disprezz u l-inferjorità tal-Maltin lejhom infushom u lejn nieshom: "Is-subien bojod kienu sbieħ: in-nanna kienet issejħilhom ġinġrin jew wiċċ ta' bambin". Dan żied il-klassiżmu bejn il-Maltin, fejn "l-aspiranti borgiżi" meta telqu l-Ingliżi "mimetikament ippruvaw jeħdulhom posthom anki fid- diskors". N'Shea jsemmi kif fl-iskola privata li attenda ra "l-vjolenza klassista faħxija tat-tfal puliti fid-dinja elitista tal- iskola", fejn tgħallem "kif għandi nuża l-kelma "Malti" bħala insult, kif għandi nitnejjek bil-mod kif jitkellmu l-Maltin, kif nimita l-aċċent tal-Maltin meta jitkellmu bl-Ingliż [...] fost it-tfal puliti [...] il-Malti kien indikazzjoni tal-akbar falliment soċjali li seta' jaħkmek, l-ikbar ask fit-trobbija. [...] Tgħallimt malajr kif quddiemhom innaddaf l-aċċent billi nimsħu b'aċċent ieħor." L-ironija hi li dawn l-istess Maltin puliti spiċċaw vittmi tal-istess klassiżmu meta marru barra: "Imma 'l-bojod proprja qatt ma tixtrihom kompletament. Lil it minn sħabi Maltin li kienu trabbew jitkellmu bl-Ingliż, din ħasdithom sew meta tfarfru u emigraw lejn Londra. Spiss, f 'din il- belt li huma kienu jaħsbu li hi l-kapitali tagħhom, kienu mistoqsija mnejn huma, għax l-aċċent partikolari, qisu Taljan. Din qatt ma kienet ferita fis-suġġettività ta' dawk li kienu mrobbija jitkellmu bil-Malti, imma fost dawk li trabbew Malta bħala barranin, jiġifieri dawk li jitkellmu dwar il-Maltin bħallikieku huma stess barranin [...], din kienet għafsa tal-qalb u tnawwira nobis fis-suġġettività. [...] Niakar uħud minn sħabi jitkellmu [...] dwar il-ħasda li nħasdu meta f 'daqqa waħda l-ħarsa imperjalista waqgħet fuqhom, meta ġew imħallta ma' dawk il-Maltin li kienu għamlu għomorhom jistkerrhu u jitnejku bihom." "Es Sidr" imfawwar b'riflessjonijiet rikki, tant li impossibbli li din ir-riċensjoni tkun eżawrjenti. N'Shea jikteb b'ton awtoritattiv, mirqum, irreverenti u sardoniku fejn hemm bżonn, b'ċarezza u profondità tal- ħsieb, b'onestà kruda u intima, u b'ħakma tal-ilsien Malti tant tajba anki f 'reġistri li mhux soltu jitħaddem fihom, tant li jisfida lil kull min jisħaq li l-Malti xi lsien limitat. L-esej letterarju jservi ta' għodda politika siewja billi jrattab it-teorizzazzjoni u jagħmilha iktar umana u ħajja, iktar aċċessibbli. Bil-kitba, l-awtur ifittex lilu nnifsu fid-"diskorsi kollha tal-istat f 'dagħdigħa ta' sorveljanza biex il-jien ma jitħalla qatt jitkellem għalih innifsu". Hu xogħol li jħeġġiġna nipperċepixxu d-dinja minn lenti alternattiva, kruċjali biex jikxef realtajiet u perspettivi mhux meqjusin. "Es Sidr" jagħti kontribut eċċellenti lil- letteratura Maltija u biex ineħħi l-għamad tan-normattività u joħloq spazju għal perċezzjoni aktar inklużiva, onesta, u reali. Dan hu partikolarment urġenti f 'dinja dejjem aktar moralment prekarja.

