Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1542365
08 aħbarijiet IL-ĦADD 4 TA' JANNAR 2026 • illum aħbarijiet Il-buzzword tal-2025: L-Intelliġenza Artifiċjali Minn Robert Abela sa Alex Borg, kulħadd jagħraf l-importanza tal-Intelliġenza Artifiċjali. Din il- gazzetta titkellem ma' esperti f'oqsma differenti fuq dan il-fenomenu Ilenia Debono L-intelliġenza artifiċjali (IA) kienet fuq fomm kulħadd fl- 2025, mill-istudenti li jużaw l-IA fix-xogħol tagħhom, fil-bagalja ta' Clyde Caruana, fil-kabinett ta' Alex Borg u fuq id-desk tal- imprendituri ta' Silicon Valley. Kulħadd jgħid li l-IA huwa l-futur imma mhux kulħadd jaf x'inhu IA essaċċ u xi jfisser għal kulħadd, mill-kbir saż-żgħir. Il- Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar fil-Baġit li kull min ilesti kors tal-IA f 'Malta jingħata abbonament b'xejn għal servizzi tal-IA bħal ChatGPT jew Gemini. Dan waħdu għandu jqajjem iżjed għarfien fuq l-IA qalb dawk li jagħmlu l-kors. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' nies minn sferi soċjali differenti u fuq kif l-IA jaffettwa l-qasam tagħhom. Tkellmet magħna Sandra Gauci, iċ-Chairperson tal- ADPD u għalliema tat-Taljan, fuq kif l-IA daħal fl-iskejjel Maltin. "Dwar is-suġġett tiegħi, ikolli ma nagħtix xogħol tal-kitba għad-dar għax jiġi lura perfett. Ikun jidher li ma sarx minnhom," qalet Gauci li l-istudenti qed jiddependu fuq l-IA għall-ħiliet tal-kitba, u li għalissa l-IA mhux qed jintuża għas-smigħ, qari u lingwa mitkellma. Madankollu, hi qalet li l-għalliema diġà ġew imħarrġa fuq l-użu tal-IA, speċjalment bħala għodda sabiex jippreparaw il-lezzjonijiet. Fl-istess nifs hi qalet li l-istudenti xorta jibqgħu iktar intiżi fuq l-użu tal-IA. "Ma nistgħux nevitaw il- progress milli jidħol fil-klassi iżda mhux hu għandu jikkontrolla," qalet Gauci kemm mil-lenti ta' għalliema kif ukoll mil-lenti ta' politikant. Hi saħqet li l-IA qed jieħu post mhux biss il-kreattività imma anke l-ħsieb kritiku, "ma rridux nitgħażżnu" hu enfasizzat li r-riżorsa umana trid tikkontrolla l-IA b'mod korrett bħall-ħolqien ta' riżorsi għall-klassi li jista' jħaffef l-affarijiet u jkun ta' għajnuna għat-tagħlim klassiku. FINANZI U KUMMERĊ L-ekonomista JP Fabri tkellem ma' din il-gazzetta fejn qal li l-kwistjoni m'għandhiex tkun li nipprojbixxu l-użu tal-IA. Huwa uża l-eżempju tal-kumpanija internazzjonali Deloitte li nqabdet bl-użu tal-IA f 'rapport fl-Awstralja. "Dan l-episodju juri tliet lakuni regolatorji: trasparenza, verifika ta' kwalità u responsabbiltà meta żbalji ġġenerati mill-IA jsibu posthom fi prodotti għall-bejgħ." Fabri offra approċċ prattiku fir-regolazzjoni tal-IA filwaqt li l-innovazzjoni tibqa' protetta. Hu qal li t-trasparenza hija essenzjali fejn ikun hemm prodott li jkollu parti ġġenerat mill-IA, verifikazzjoni umana fejn hemm riżultati oġġettivi, rendikont ta' kif intuża l-IA u f 'liema partijiet, klawżoli ta' remedji f 'każijiet fejn l-IA jagħmel żbalji kbar u kategorazzizzjoni ta' riskju proporzjonati mar-regolamenti. Huwa għamel referenza għal ċifri tal-Eurostat li juru li ħafna negozji Ewropej għadhom fil- fażi ta' esperimentazzjoni fl- IA, b'Malta speċifikament turi progress f 'dan il-qasam kif ukoll post għal iżjed integrazzjoni. Fabri jikkwota r-Rapport Nazzjonali tal-Produttività (2021) li fih naraw għaliex in- negozji Maltin mhumiex lesti għal iżjed integrazzjoni tal-IA. Hu semma l-bżonn ta' policies li jirregolarizzaw u jgħinu l-użu tal-IA, nuqqas ta' kultura diġitali f 'negozji, nuqqas ta' strutturi interni sabiex jimplimentaw dan u problema ta' korrelazzjoni bejn teknoloġija u l-prodott/servizz offrut. Fil-qasam tal-IA fin-negozji, Fabri kjarifika l-irwol li dan se jkollu fil-formazzjoni ta' xogħlijiet eżistenti u futuri. Hu qal li t-tranżizzjoni għal post tax-xogħol fejn l-IA għandu rwol importanti mhux se tkun waħda distributa ugwalment, bi rwoli ġodda relatati ma' superviżjoni tal-IA jkollhom iżjed prijorità. "L-IA mhux se jelimina xogħlijiet, kemm se jbiddel il- kompożizzjonijiet tagħhom." Hu spjega li l-ikbar riskju mhux se jkun li n-nies jitilfu xogħolhom, imma li jkun hemm qasma bejn dawk li għandhom ħiliet relatati mal-IA u dawk li m'għandhomx, u għalhekk huwa importanti li jkun hemm policies sabiex l-adozzjoni tal-IA issir strateġija għax-xogħol. L-ekonomista ħares lejn l-IA mil-lenti finanzjarja wkoll, fejn qal li din ħolqot żewġ sitwazzjonijiet, waħda ta' bubble ta' investiment u oħra ta' riskju għall-ekonomija. Fir-rigward ta' dak li hu magħruf bħala bubble fid-dinja tal- investiment, qal li din hija xi ħaġa normali għal teknoloġija li tintuża minn ħafna nies. Però, hu qal, li din turi li l-adozzjoni tal-IA kibret immens mill-2024 sal-2025. "Ir-riskju veru huwa kif l-IA jintuża f 'sistemi finanzjarji u kummerċjali," spjega Fabri. Hu elabora fuq ir-riskju ta' prodott kunfidenti imma skorett bl- IA meta ma jkunx hemm verifikazzjoni umana bħall-każ tad-Deloitte, ir-riskju li wieħed juża l-IA bħala indikazzjoni ta' kreditu u investimenti, ir-riskju li jekk ħafna istituzzjonijiet jużaw l-istess mudell kull istituzzjoni tispiċċa bl-istess informazzjoni u għodod kif ukoll l-irwol tal-IA fiċ-ċibersigurtà. "Din mhux kwistjoni tal-IA se jgħerreq id-dinja tal-finanzi, imma kwistjoni ta' governanza akka u awtomazzjoni rapida se twassal għal riskju li stajna evitajna." ARTI Settur ieħor li l-IA affettwat kien is-settur artistiku, pereżempju tal-video mużikali tad-diska I Believe ta' Eliza Borg għall-Junior Eurovision Song Contest li kien iġġenerat mill-IA. Kien hemm ħafna li pprotestaw dan, inkluż l-għaqda Solidarjetà. It-Teżorier u s-Segretarju ta' din l-Għaqda, Gabriel Apap tkellem fuq dan mal-gazzetta ILLUM. Huwa rrikonoxxa l-importanza tal-IA, u anke li hemm ħafna li jużawh bħala għodda minħabba xi restrizzjonijiet ta' ħin jew spejjeż. Madankollu, jekk l-IA jintuża b'tali mod li jċaħħad opportunitajiet ta' xogħol għall- ħaddiema kreattivi, dan qed ikun jagħmel ħsara kbira lis-settur, hu qal, speċjalment meta l-IA juża xogħol ta' ħaddiema kreattivi mingħajr kunsens tagħhom u jkun qed jikser liġijiet tal-copyright. Mill-aspett ta' regolazzjoni, Apap qal li l-użu ta' kwalunkwe element għat-taħriġ tal-IA għandu jsir bil-kunses ċar tal-proprjetarju tal-elementi, kif ukoll li kull xogħol li juża l-IA jew atturi ġġenerati mill-IA (li mhumiex ibbażati fuq persuni vera) jiġu kkompensati b'mod ġust. Regolazzjoni oħra li daħlet f 'ħafna pajjiżi, anke dawk Ewropew, li rrakkomanda Apap hija li kull kontenut iġġenerat mill-IA għandu jgħid li kien iġġenerat mill-IA. Apap saħaq fuq il-bżonn ta' adozzjoni ta' strateġiji nazzjonali li tipproteġi x-xogħlijiet ta' kull tip mill-użu qarrieqi tal-IA. "Ir-regolazzjonijiet u l-infurzar tagħhom għandhom jiġu diskussi mal-imsieħba soċjali kollha, bħal entitajiet tal-gvern, imprendituri, avukati u l-unions u rappreżentanti tal-ħaddiema, ħalli l-innovazzjoni tista' tkompli u l-benefiċċji tal-IA utilizzati, waqt li l-ħaddiema u l-pubbliku jkunu protetti mill-ħsarat li qed tagħmel u tista' tikkawża l-IA," għalaq Apap. Mix-xellug: Gabriel Apap, JP Fabri u Sandra Gauci "Din mhux kwistjoni tal-IA se jgħerreq id- dinja tal-finanzi, imma kwistjoni ta' governanza fjakka u awtomazzjoni rapida se twassal għal riskju li stajna evitajna."

