Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1542823
15 ambjent IL-ĦADD 25 TA' JANNAR 2026 • illum Iktar minn 16,000 Zakak Abjad jidħol jistrieħ fi tliet lokalitajiet f'Malta L-għadd annwali tal-postijiet fejn jidħol jorqod iz-Zakak Abjad sar madwar Malta fis-17 ta' Jannar 2026. Diversi voluntiera ta' BirdLife Malta, fosthom birdwatchers, membri tal-pubbliku u s-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, inġabru flimkien biex jagħmlu monitoraġġ tal-popolazzjonijiet ta' dan l-għasfur urban li jqatta' x-xitwa magħna. L-akbar u l-aktar roost li tagħha BirdLife Malta ilha tagħmel monitoraġġ kull sena sa mill-1985, tinsab fil-Belt Valletta. Hemmhekk, din is-sena ġew irreġistrati 13,686 Zakak Abjad li daħal jorqod fis-siġar maturi tal-ficus qrib il- Konkatidral ta' San Ġwann u dawk ta' quddiem il-Qorti. Voluntiera fil-Mosta rreġistraw 923 għasfur filwaqt li oħrajn f 'Buġibba għoddew 1,712-il Zakak Abjad. B'kollox, it-total nazzjonali laħaq is-16,326 Zakak Abjad. Il-birdwatchers ta' BirdLife Malta wettqu l-għadd b'metodoloġija stabbilita, minn postijiet strateġiċi madwar il-belt kapitali. Il-kordinatriċi tal-konservazzjoni ta' BirdLife Malta, Alice Tribe, li torganizza dan l-għadd annwali, qalet li din hija waħda mill-aktar inizjattivi ta' citizen science li ilhom għaddejjin f 'Malta. "L-appoġġ kontinwu tal-voluntiera jippermettilna nsegwu xejriet fit-tul, filwaqt li nenfasizzaw l-importanza li nipproteġu l-abitati urbani li dawn l-għasafar jiddependu fuqhom matul ix-xitwa." Membri tal-pubbliku ngħaqdu mat-tim tal- Public Engagement ta' BirdLife Malta fi Ġnien Hastings biex josservaw il-wasla minn dawn l-akkwati ta' mijiet ta' Zakak Abjad lejn il-Belt ma' nżul ix-xemx. Fl-attività ta' din is-sena ngħaqad is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay, li ddeskriva din l-inizjattiva bħala eżempju notevoli ta' kif in-natura tista' timraħ f 'ambjent urban. "L-appoġġ għal inizjattivi bħal dan l-għadd, jgħin biex jiżdied l-għarfien dwar il-bżonn li nieħdu ħsieb is-siġar u l-ispazji ħodor tagħna, kemm għan-natura, kif ukoll għall-komunità." Fi tmiem l-attività, il-voluntiera, u membri tal- pubbliku nġabru quddiem il-Qorti, fejn osservaw iz-Zizka jistabbilixxu ruħhom fis-siġar tal-fikus permezz ta' thermal camera, li biha l-għasafar ġew osservati mingħajr ma ġew imfixkla. Iz-Zakak Abjad ipassi kull ħarifa mill-Ewropa biex iqatta' x-xitwa fi klima aktar sħuna ta' Malta, u jinġabar f 'postijiet ta' mistrieħ komuni mal- għabex. Għalhekk BirdLife Malta tinsisti fuq l-importanza li jiġu protetti s-siġar maturi tal-ficus, li huma essenzjali għall-mistrieħ tal- għasafar, u tirrakkomanda li ma jinżabrux bejn Ottubru u Marzu biex ma jkunx hemm xkiel għall-għasafar li jorqdu fihom fix-xitwa. Dan il-messaġġ reġa' ġie enfasizzat it jiem wara, meta BirdLife Malta ppreżentat ċertifikat lis-Sindku tal-Belt Valletta li juri n-numru ta' Zakak Abjad li qed jidħol jorqod il-Belt kull filgħaxija matul din ix-xitwa, u li jirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-ħarsien tas-siġar maturi tal-ficus fl-appoġġ tal-ħajja selvaġġa fl- urban. BirdLife Malta tappella lill-pubbliku biex jgħin jipproteġi żoni b'siġar li fihom jorqdu l-għasafar, mhux biss fil-Belt Valletta, iżda wkoll f 'lokalitajiet oħra f 'Malta u f 'Għawdex. Kif rajna fil-Mosta fl-aħħar snin, l-għarfien pubbliku u l-appoġġ tal-komunità għandhom rwol kruċjali biex jiġi żgurat li s-siġar li fihom jorqdu l-għasafar, ikunu protetti minn żbir bla ħsieb, u b'hekk dawn is-siti jiġu ssalvagwardjati għax-xtiewi futuri. Membri tal-pubbliku josservaw l-għasafar deħlin il-Belt minn fuq Ġnien Hastings (Ritratt ta' Joao Candeias) Is-Sindku tal-Belt josserva z-Zakak Abjad jitgeddes fis-siġar tal-fikus ta' quddiem il- Qorti b'thermal camera (Ritratt ta' Antonia Micallef ) Omm flimkien ma' bintha, jimlew activity sheet provduta minn BirdLife Malta dwar iz-Zakak Abjad (Ritratt ta' Joao Candeias) Zakak Abjad (Ritratt ta' Aron Tanti)

