Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1542982
opinjoni 12 analiżi arti u kultura IL-ĦADD 1 TA' FRAR 2026 • illum Il-gazzetta ILLUM hija megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti Wirja individwali ġdida ta' Paul Cassar: Vjaġġ fil- kulur, fil-ħajja, fil-memorja, u fit-traxxendenza Il-paletta vibranti ta' Paul Cassar se terġa' tiġi esebita fil- wirja l-ġdida tiegħu: '60'. Il- wirja tfakkar is-sittin sena tal- artist u fl-istess ħin hija ġieħ profondament personali lill- memorja ta' persuna għażiża. Din il-wirja tnisslet minn perjodu partikolarment diffiċli fil-ħajja tal-artist, meta Paul tilef mhux persuna waħda imma tlieta għeżież għalih – ħuh il-kbir u ż-żewġ ġenituri tiegħu – fi żmien sena. Dan il-perjodu diffiċli wassal għal evoluzzjoni fl-arti ta' Paul, fejn it-traxxendenza issa ħadet post ċentrali. Barra minn hekk, Paul għażel format partikolari ħafna għall-pitturi tiegħu: 60 x 60 ċentimetru, li mhux biss ifakkarna fis-sittin sena tiegħu u ta' ħuh, iżda joħloq ukoll impatt viżiv qawwi u koerenti. Paul jesplora temi traxxendentali f 'numru ta' pitturi. Jidher interess ġdid fl- erwieħ, fil-ħajja ta' wara l-mewt u fil-possibbiltà ta' pontijiet bejn pjani differenti, bejn id- dinja tagħna u dik ta' wara, kif jidher f 'xogħlijiet bħal Timeless Bridge, Reaching Eternal u Eternal Echoes. '60' tfakkar is-sittin sena ta' Paul Cassar f 'dan Jannar u hija ddedikata wkoll lill-memorja ta' ħuh il-kbir, Joseph, li wkoll kellu sittin sena fiż-żmien tal-mewt tiegħu. Paul onora l-memorja ta' ħuh b'ritratt: Remembering Joseph (il-Kuċċ) My Brother 2025. Dan ir-ritratt vibranti, fl-istil distintiv ta' Paul, huwa monument għall-personalità ferriħija ta' ħuh u l-imħabba tiegħu għall-mużika. Id-dimensjoni traxxendentali tax-xogħol ta' Paul hija wkoll estensjoni, nistgħu ngħidu hekk, tal-preokkupazzjoni tiegħu bl- aspett kożmiku. Il-faxxinu ta' Paul bil-kożmos – kif jidher f 'xogħlijiet bħal Until the End of Time fil-wirja preċedenti tiegħu – juri l-interess tiegħu fil-kobor u f 'dak li hemm lil hinn minna, preokkupazzjoni li issa testendi lejn l-infinità tal-eternità. Id-dedikazzjoni ta' Cassar għall-kulur qawwi, forom astratti – inkluża l-astrazzjoni fil- pajsaġġi – u d-dawl intens tidher mill-ġdid fl-aħħar xogħlijiet tiegħu. Xi ħaġa notevoli, madankollu, hija ż-żieda ta' deheb u sfumaturi ta' isfar dehbi, karatteristika qawwija f 'xi pitturi bħal Timeless Bridge, Melody from Roman Cave is Coming…, Eternal Symphonic Energy u Time Melange. Fl-arti Biżantina, id-deheb jissimbolizza l-glorja tas-sema u d-dawl divin; il-pitturi ta' din il-wirja, anke dawk li mhumiex b'mod ċar traxxendentali fit- tema tagħhom, huma wkoll marbuta mal-etern u mal- ultraterrenu permezz tal-użu ta' dawn it-tonalitajiet dehbin. Il-wirja turi wkoll l-interess magħruf ta' Paul fl-organiku – spirali, tkabbir u tiġdid jerġgħu jieħdu post prominenti, din id- darba marbuta mal-ħajja ta' wara l-mewt u ċ-ċiklu tar-ruħ. Il- wirja tinkludi xogħlijiet astratti tipiċi ta' Paul kif ukoll pajsaġġi u xenarji tal-baħar astratti, bħal Seas of Mystery li jispikka, u pajsaġġi aktar tradizzjonali. L-awtoritratt ta' Paul mhux se jiddiżappunta u għal darb'oħra se jkun wieħed mill-punti ewlenin tal-wirja. L-awtoritratti tiegħu jirriflettu l-introspezzjoni ta' artist li huwa poeta mhux biss fuq il-kanvas iżda wkoll fuq il-paġna miktuba – żewġ passjonijiet li jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin. 60 turi l-immaġinazzjoni poetika u l-onestà emozzjonali ta' Paul Cassar. Hija sintesi emozzjonanti tal-ħakma teknika tiegħu, il-kontemplazzjoni filosofika u l-passjoni kbira tiegħu għall-kulur, li turi artist qed jaffaċċja l-ħajja, it-telfa, it- tiġdid u n-natura tal-eternità f 'mument kruċjali ta' ħajtu. Din il-wirja qed tittella' fil- gallerija tal-arti fi ħdan Creative Expressions, Triq l-Isqof Emmanuel Galea, iż-Żejtun. Se tkun miftuħa mid-9 ta' Jannar sad-9 ta' Frar 2026. Cassar jesplora temi traxxendentali f 'numru ta' pitturi "Id-dedikazzjoni ta' Cassar għall-kulur qawwi, forom astratti – inkluża l-astrazzjoni fil-pajsaġġi – u d-dawl intens tidher mill- ġdid fl-aħħar xogħlijiet tiegħu"

