Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1542982
03 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 1 TA' FRAR 2026 ILENIA DEBONO Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li Malta qed tikkunsidra tissieħeb fil-Bord tal-Paċi li ħoloq Donald Trump wara li rċeviet invit informali. Il- gazzetta ILLUM titkellem ma' diversi nies, kemm fil-politika, u kemm attivisti fuq din il-biċċa. Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis qal li kull pass li tagħmel Malta għandu jsir skont il-prinċipji u l-obbligi internazzjonali tagħna, waqt li tagħti messaġġ ta' paċi. Zammit Lewis enfasizza li kull inizjattiva, inkluż din, tiġi evalwata bir- reqqa sabiex ma toħloqx dubji jew interpretazzjonijiet li jmorru kontra n-newtralità kostituzzjonali li Malta bniet il-politika diplomatika tagħha fuqha. "Jiena dejjem nisħaq kemm Malta u barra, li l-Unjoni għandha, fil-kamp tal-politika barranija, tieħu pożizzjonijiet rapidi meta jkun meħtieġ u b'vuċi waħda," qal Zammit Lewis meta mistoqsi fuq jekk din id-deċiżjoni tistax tipperikola r-relazzjoni ta' Malta mal-UE. Hu kkjarifika li hemm bżonn iżjed ċarezza fuq il-mandat u l-irwol ta' dan il-bord sabiex inkunu ċerti jekk hux se jkunu ta' benefiċċju għal Malta. Fl-istess ħin, Zammit Lewis qal li l-għan iddikjarat mill-bord stess huwa li jippromovi l-paċi iżda l-inizjattivi għandhom jikkumplimentaw u mhux idgħajfu istituzzjonijiet stabbiliti bħall-Ġnus Magħquda li huma ċentrali fl-ordni internazzjonali. Il-Membru Ewroparlamentari Nazzjonalista Peter Agius qal li l-mexxejja Ewropej kollha rriutaw li jissieħbu f 'dan il-bord, ħlief Vikor Orban. "Jekk trid il- paċi, inti tippromovi l-entitajiet internazzjonali, mhux toħroġ minnhom," qal Agius fuq il- mossa ta' Trump li joħroġ minn iżjed minn 60 organizzazzjoni tal- Ġnus Magħquda, inkluż il-WHO; l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Agius wera t-tħassib tiegħu fuq dan il-bord li se jkun immexxi mill-President Amerikan li "qal seba' darbiet li Greenland iridha għalih", kif ukoll kellu pjanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tal-istrippa ta' Gaża. Hu staqsa jekk il- President Robert Abela għandux motivazzjonijiet ulterjuri sabiex jissieħeb f 'dan il-Bord tal-Paċi u jkun viċin Donald Trump. L-attivist voċiferu Andre Callus tkellem fuq din il-biċċa wkoll fejn qal li hi ta' "weġgħa kbira tara lil Robert Abela u lil Ian Borg ibiddlu lil pajjiżna f 'pajjiż bla sinsla, dejjem lest bi lsienu barra biex jilgħaq u minflok iġib ruħu b'dinjità," b'referenza wkoll għan- nomina ta' Donald Trump għall- Premju Nobel tal-Paċi mingħand Ian Borg. Callus qal ċarament li għalih il-bord huwa kompost minn kriminali tal-gwerra, biljunarji u faxxisti fi struttura kolonjali, b'referenza għall-istruttura tal- Bord fejn ċerti pajjiżi se jkollhom poter iżjed mill-oħrajn. Hu semma l-pjan ta' Trump sabiex l-Istrippa ta' Gaża tiġi kkumerċjalizzata li tnaqqas il-kredibbilità tal-bord li hu ddeskrivieh bħala "ċorma kriminali". Fost il-Membri Parlamentari għad m'hemmx konsensus ċar. Id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut kien kawt meta qal li għad m'hemmx ħafna informazzjoni fuq l-għan tal-bord u x'obbligazzjonijiet se jkollha Malta jekk tissieħeb fih. Mill-kamp Laburista, id- Deputat Roderick Galdes kien xettiku fuq il-bord fejn qal li Malta għandha tkun il-vuċi tal- paċi, mhux paċi li saret minn kunflitt. Id-delegat speċjali għall- Partit Laburista Jason Micallef qal li stedina mhux rabta. Hu qal li Malta m'għandhiex taċċetta din l-istedina waqt li qal li l-gvern "m'għandux għalfejn jagħti ossiġnu bla bżonn lill-avversarji politiċi tiegħu." Il-ħsieb li Malta tista' tissieħeb fil-Bord tal-Paċi ma jsib appoġġ minn kważi ħadd Mix-xellug: Edward Zammit Lewis u Peter Agius iridu li jkun hemm ċarezza fuq il-mandat tal-Bord waqt li Andre Callus hu skjettament kontra li Malta tissieħeb IKOMPLI MINN PAĠNA 1 Din l-istqarrija ta' Attard qanqlet kontroversja politika bil-Kap tal- Oppożizzjoni Alex Borg jakkuża lill- Prim Ministru Robert Abela li kiser "gentleman's agreement" bejn iż- żewġ naħat. Borg qal li kien hemm qbil li ma jitħabbru l-ebda ismijiet pubblikament sakemm iż-żewġ naħat jaqblu fuq kandidat wieħed. Fi stqarrija qasira wara l-laqgħa tal-Erbgħa, Borg qal li l-grupp parlamentari, b'deċiżjoni unanima, qabel li d-diskussjonijiet mal-Prim Ministru għandhom ikomplu b'mod kunfidenzjali. Huwa ma esprimiex pożizzjoni dwar in-nomina ta' Scerri Herrera u lanqas żvela ismijiet alternattivi. Iżda din ir-retiċenza tiegħu li jiddiskuti l-ħatra ta' Prim Imħallef tmur lil hinn mid-dawl tal-kameras u l-mikrofoni tal-ġurnalisti. MPs li tkellmu ma' din il-gazzetta kienu urtati għad-deċiżjoni ta' Borg waqt il-laqgħa tal-Erbgħa. "Jien u ħafna minn sħabi konna qed nistennew li kien ħa jkun hemm diskussjoni fuq il-ħatra tal- Prim Imħallef," qal wieħed mill- MPs. "Ovvjament, id-deċiżjoni finali hija tal-Kap, kif għandu jkun, iżda li lanqas biss kien lest jisma' suġġerimenti min-naħa tagħna." Membru Parlamentari ieħor ikkonferma li ma kien hemm diskussjoni ta' xejn. Qal li "l-Gvern ippropona lill-Imħallef Consuelo Scerri Hererra għal Prim Imħallef. Iżda l-isem Consuelo Scerri Herrera lanqas biss issemma darba matul il- laqgħa li kellna dil-ġimgħa." Borg qal lill-Membri Parlamentari tiegħu li hu qed jikkonsulta ma' nies li jafda u li mhux se joqgħod, la jiżvela ismijiet li qed jikkunsidra, u wisq anqas li jiaħ diskussjoni fil- Grupp Parlamentari. "Qalilna nħallu f 'idejh, li hu jaf x'qed jagħmel u ġa jaf kif irid jipproċedi fit-taħditiet mal-Prim Ministru," qal il-MP. Scerri Herrera, li għandha 61 sena, teħtieġ maġġoranza ta' żewġ terzi fil- Parlament biex tinħatar, u dan ifisser li l-approvazzjoni tagħha tiddependi wkoll mill-appoġġ tal-Oppożizzjoni. Fiċ-ċrieki ġudizzjarji, Scerri Herrera hija meqjusa bħala ħaddiema b'saħħitha li tagħti sentenzi dettaljati. Hija oħt l-Eks Ministru Laburista Jose Herrera. Madankollu, madwar għaxar snin ilu kienet ġiet iċċensurata mill-Kummissjoni għall- Amministrazzjoni tal-Ġustizzja wara li nstabet li kisret il-kodiċi ta' etika tal-ġudikatura fir-rigward ta' mġiba fil-ħajja privata tagħha. Fost ismijiet oħra li kienu qed jissemmew f 'dawn l-aħħar ġimgħat hemm dawk tal-Imħallfin Edwina Grima u Lawrence Mintoff. Iżda jidher li issa dawn iż-żewġ ismijiet ġew skartati għalkollox. 'L-isem Consuelo Scerri Herrera lanqas biss issemma darba matul il-laqgħa' - MP tal-PN MPs tal-PN qed jistennew dibattitu fuq il-ħatra ta' Prim Imħallef

