Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1543916
15 kotba IL-ĦADD 15 TA' MARZU 2026 • illum Miġjuba mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Dejjem nisimgħu x'għamlu u x'qalu n-nies il-kbar tal-istorja, imma fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Christopher Cutajar iwasslilna l-istejjer tan-nies komuni meta f'Malta kien hawn il-Franċiżi, u bħalma ġara dejjem, dal-pajjiż kien maqsum fi tnejn u dil-qasma kienet tinfed minn fuq sa isfel. Malta mod ieħor fil-perjodu Franċiż Ninsabu fil-Knisja ta' Ħal Luqa. Bħalissa għaddejja l-quddiesa. Beda dieħel is-sajf tas-sena 1799. Francesco Sciriha joħroġ il- maktur mill-but u miegħu toħroġ kukkarda li taqa' mal-art. Kukkarda li qajmet għagħa fost il-ġemgħa hekk kif dehret tixbah dik biċ-ċrieki blu, bajda u ħamra, simbolu tar-rivoluzzjoni Franċiża, li kienet seħħet għaxar snin qabel. Kien hemm is-suldati li jaqdu l-ordnijiet ta' dik il-parti ta' Malta mmexxija mill-Kungress, li kien jirreżisti l-okkupazzjoni Franċiża kkonċentrata fil-Belt Valletta u l-Kottonera. Sciriha ġie arrestat fil-knisja stess fl-24 ta' Ġunju 1799. Mis-smigħ tal-każ ħareġ li din il-kukkarda ma kienet Franċiża xejn u Sciriha nħeles fid-9 ta' Lulju, proprju ħmistax wara li l-kukkarda fettlilha taqagħlu mill-but! Il-Professur Yosanne Vella għamlet riċerka li tqanqal interess kbir, għaliex tirrakkuntalna ġrajjiet ta' nies komuni tul il-perjodu tal- Franċiżi f 'Malta, f 'pubblikazzjoni li ġġib l-isem Once upon a time in 1798, 1799, 1800 – Forgotten Stories from the French Period in Malta, ippubblikat minn Midsea Books. Permezz tad-dokumenti li sabet fl-Arkivji Nazzjonali, tlaqqagħna ma' ġrajjiet ta' dan il-perjodu li fih ħafna x'tomgħod. Il-Franċiżi waslu f 'Malta fid-9 ta' Ġunju 1798 u l-Ordni tal-Kavallieri ċeda f 'temp ta' jumejn. Wara anqas minn tliet xhur, il-Maltin qamu kontra l-Franċiżi u mit-2 ta' Settembru kellna Malta maqsuma taħt żewġ amministrazzjonijiet. Malta maqsuma Wara l-qawmien kontra l-Franċiżi naraw kif il-Belt Valletta, il-Kottonera u l-Furjana baqgħu taħt il-ħakma tal-Franċiżi, filwaqt li l-bqija ta' Malta u Għawdex ġew taħt it- tmexxija tal-Maltin li mexxew ir-rewwixta. Dawn il-Maltin kienu f 'kuntatt mal-Ingliżi. Fil-prattika kellna Malta maqsuma u fil-parti rurali tal-pajjiż il-Maltin kienu organizzati saħansitra bis-suldati u l-battaljuni tagħhom. Waqt l-imblokk tal-Franċiżi, il-Maltin kienu qed jieħdu ħsieb jamministraw. Dan tixhdu d-dokumentazzjoni tal-lista ta' nies li kienu jagħmlu n-negozju f 'dan il-perjodu fil-parti tal-kampanja. Bħal ngħidu aħna Francesco Freni li kellu ħanut tal-laħam f 'Ħaż-Żebbuġ, jew inkella Felice Cardona li kellu ħanut tal-inbid f 'Ħaż-Żabbar. Dan 'il- Gvern ta' Malta' kif kien isejjaħ lilu nnifsu, kien jieħu ħsieb jiġbor il-lista ta' dawk li kienu l-ħabs u anke jiġbor il-flus mill-qbiela tal-għelieqi, għaliex kull amministrazzjoni teħtieġ il-flus biex tħaddem is-sistemi tagħha. Il-perjodu tal-Franċiżi f 'Malta dam sal-5 ta' Settembru 1800, iżda li kien għal Dun Mikiel Xerri u Guglielmo Lorenzi lanqas kienu jdumu iżjed minn Jannar tal-1799, hekk kif il-komplott tat-tkeċċija ppjanat minnhom ma rnexxiex. Misraħ il-Palazz fil-Belt Valletta, kien inbidillu ismu fi Place de La Liberté f 'dan il-perjodu (Temi Zammit, 1919). Dan kellu fil-fatt ikun 'Misraħ il-Mewt' għal Xerri, Lorenzi u disgħa u erbgħin ruħ oħra meqjusa parteċipi magħhom fil-komplott (Victor Aquilina, 2024). Timbri tar-rivoluzzjoni Bosta jafu kif Napuljun Bonaparti daħħal is-sistemi metriċi fejn il-piż jiġi kkalkulat bil-kilogrammi u l-qisien bil-metri. Franza rivoluzzjonarja kienet provat tintroduċi l-ġurnata b'għaxar sigħat fejn kull siegħa tkun mitt minuta u kull minuta jkollha mitt sekonda. Filwaqt li s-sistema metrika, minkejja l-iskossi kollha, xorta waħda rnexxielha tvinċi fiż-żmien ta' wara u xterdet mal-Ewropa; il-minuta b'mitt sekonda kien esperiment li falla fi żmien sentejn. nke l-kalendarju tawh sura oħra, hekk kif provaw iwarrbu l-kalendarju Gregorjan biex minfloku jużaw kalendarju li jirrikonoxxi s-sena tar-Rivoluzzjoni Franċiża bħala l-ewwel sena, imbagħad isegwu minn hemm. Għaldaqstant meta fit-8 ta' Awwissu Vincenzo Vassallo mill-Isla ġie akkużat li kien qed jaħbi ż-żejt taż-żebbuġa li kien xtara mill-Kalabrija fl-Italja, il-prosekutur insibuh jikteb li l-ġurnata kienet il-wieħed u għoxrin jum tax-xahar imsejjaħ mill-Franċiżi bħala 'ermidor'. Isem li jixhed kif Lulju u Awwissu hu perjodu ta' sħana. Vassallo kien ikkundannat għal sena ħabs u ġie mitlub iħallas sitt mitt skud. Jidher li din is-sejba għall-Franċiżi kienet tant importanti li fl-istess jum li ħarġet l-akkuża, il-Ġeneral Vaubois ħareġ proklama li fiha qal li min jaħbi l-ikel ikun mitfugħ il-ħabs u mġiegħel iħallas l-istess ammont li ntalab iħallas Vassallo. Minkejja li l-avukat tiegħu ħambaq kif il-każ tiegħu kien seħħ qabel il-jum tal-proklama, xorta waħda baqa' jsofri minn din il-piena eċċessiva. Mill-banda l-oħra, il-kalendarju tar-Repubblika Franċiża wassal biss sas-sena 1806. Il-ktieb tal-ħabsin F'dan il-ktieb insibu kif l-amministraturi ta' Malta mhix okkupata kienu qed jaraw li jikkastigaw lil min jiżgarra. L-arja kienet tqila tant li stajt tkun akkużat li qed twassal messaġġi mill-Belt Valletta. Il-kastig seta' jkun swat bil-frosta, perjodu fil-ħabs jew saħansitra l-eżilju lejn Għawdex, Kemmuna jew Sqallija. L-agħar forma ta' kastig kienet li tiġi eżiljat minn Malta għal dejjem, bħalma kien ordnat jagħmel Mikiel Anton Vassalli minn Ħaż-Żebbuġ, hekk kif kien meqjus bħala ġakbin, li għall-kuntest Malti ta' dak iż- żmien kienet tfisser li mhux biss lest li jkun biċċa waħda mal-Franċiżi, iżda saħansitra huwa sostenitur qawwi tal-moviment politiku wara l-Ewwel Repubblika Franċiża. Għadna sal-lum nirreferu għal xi ħadd li ma tistax tafda kelma miegħu bħala 'ġakbin'. L-imħabba għall-istorja Kotba bħal dawn jinżlu għasel. Bis-saħħa tal-ġrajjiet tan-nies li għexu f 'dak iż-żmien tiem aħjar x'kien għaddej f 'dan il-perjodu, li bosta drabi nipprovaw naqrawh mil-lenti tal-protagonisti. Permezz ta' din il-kitba l-istampa ż-żgħira tal-ġrajjiet tan-nies, tgħinek tiem l-istampa l-kbira. Ċertament li l-Professur Vella tagħmel dan b'sens ta' mħabba għall-istorja ta' pajjiżna, hekk kif is- seħer tas-sejbiet tagħha mill-arkivji nazzjonali tħosshom jixegħlu l-paġni waqt li tqalleb dan il-ktieb.

