MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 15 March 2026

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1543916

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 15

05 analiżi Impass dwar il-Prim Imħallef u l-ħatriet tal-ġudikatura... X'jagħmlu f 'pajjiżi oħra? Il-proċess biex jinħatar Prim Imħallef ġdid f 'Malta spiċċa f 'impass politiku. F'din il- gazzetta rrappurtajna diversi drabi dwar il-manuvri politiċi u l-battibekki dwar is-suġġett. Din hija l-ewwel darba li l-ħatra teħtieġ approvazzjoni ta' żewġ terzi tal-Parlament, jiġifieri kunsens bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Biex tintlaħaq din il-maġġoranza kbira hemm bżonn stil differenti ta' politika minn dik li mdorrijin biha. Minflok diskussjoni, prudenza u maturità, il-ħatra spiċċat ballun partiġġjan. Il-kontroversja żdiedet bil-bosta wara dettalji li ħarġu minn ittra tal- Imħallef Wenzu Mintoff, li wriet li kien hemm komunikazzjoni diretta mal-Prim Ministru dwar il-ħatra. F'dan il-kuntest, ġiet diskussa wkoll il-possibbiltà ta' mekkaniżmu magħruf bħala anti- deadlock mechanism. L-idea wara dan il-mekkaniżmu ta' żblokk hi li jekk il-Parlament ma jilħaqx il- maġġoranza ta' żewġ terzi wara ċertu numru ta' votazzjonijiet, il- ħatra tkun tista' ssir b'maġġoranza sempliċi. Sistema simili diġà ntużat fil-liġi dwar il-Kummissarju tal- Istandards fil-Ħajja Pubblika biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-ħatra tibqa' mwaħħla għal żmien twil. Madankollu, din il-proposta mhijiex bla kontroversja. Sistema li tirrikjedi it votazzjonijiet biż-żewġ terzi li iżda tmur għal ħatra b'maġġoranza sempliċi kważi kważi awtomatikament tista' tfisser li l-proċess isir biss għall-apparenza. Fl-aħħar mill- aħħar, il-gvern jaf li se tgħaddi tiegħu, aktar u aktar f 'parlament fejn partit wieħed għandu l-maġġoranza assoluta. Għalhekk il-ħtieġa ta' kunsens parlamentari m'għandhiex bżonn sforz biex jintlaħaq ehim, għax il-partit fil-gvern għandu maġġoranza sempliċi waħdu. Jekk ma jgħaddix il-kandidat preferit tiegħu biż- żewġ terzi, bil-maġġoranza sempliċi se jgħaddi żgur. Din il-kontroversja qed tqajjem mistoqsijiet usa' dwar kif għandhom jinħatru l-ogħla uffiċjali tal-istat u x'għandu jkun il-bilanċ bejn il-ħtieġa ta' kunsens politiku u l-bżonn li l-istituzzjonijiet jibqgħu jiffunzjonaw. Pajjiżi oħra jaħtru karigi għolja tal-istat b'modi differenti. Fittixna kif jinħatru mħallfin li jokkupaw l-aktar kariga simili għall-Prim Imħallef, kif jinħatru ġudikanti fil-qrati superjuri u fi qrati kostituzzjonali. Għażilna pajjiżi Ewropej imma bi tradizzjonijiet differenti u varji. Minn dawk Mediterranji (l-Italja, Franza u Spanja), pajjiż mill-Ewropa ċentrali (il-Belġju), u oħrajn Skandinavi (l-Iżvezja u l-Finlandja), u l-Ingilterra li minnha writna l-fasla tal- istituzzjonijiet tagħna. Minn sistemi parlamentari, monarkiji kostituzzjonali sa sistemi presidenzjali. Fittixna wkoll mekkaniżmi ta' żblokk għal dawn il-ħatriet. L-Ingilterra Fl-Ingilterra u f 'Wales l-imħallfin fil-qrati superjuri jinħatru minn kummissjoni indipendenti dwar il-ħatriet. Issir rakkomandazzjoni lill-Prim Ministru u l-ħatra ssir formalment mill-monarkija. Il-President tal- Qorti Suprema mbagħad jinħatar minn kummissjoni ta' ġudikanti anzjani u rappreżentanti tal- bordijiet inkarigati mill-ħatriet ta' ġudikanti. L-ekwivalenti għall- ministru tal-ġustizzja jista' jirriuta jew jaċċetta r-rakkomandazzjoni tal-bord tal-ħatra. Meta jaċċetta r-rakkomandazzjoni jinforma lill-Prim Ministru li jitlob lir-Re jagħmel il-ħatra formalment. Il-Parlament m'għandux rwol fil-ħatra tal-ġudikanti u tal-prim imħallef. Għalkemm il-ministru tal-ġustizzja għandu rwol kruċjali għall-fatt li jista' ma jaċċettax nomina tal-kummissjoni speċjali. Peress li l-parlament m'għandux rwol m'hemmx mekkaniżmi ta' żblokk. Sitwazzjoni simili bħal Malta qabel daħlet fis-seħħ il-liġi taż-żewġ terzi u l-ħatriet kienu jsiru direttament mill-Prim Ministru. Fil-fatt Democracy Reporting International li jmexxu l-proġett Judiciary Hub jikkritikaw din is- sistema u r-rwol ċentrali tal-gvern tramite l-ministru tal-ġustizzja (Lord Chancellor) fil-ħatra tal- Prim Imħallef. L-Italja Fl-Italja, il-kontroversji dwar il- ġustizzja huma l-ħobża ta' kuljum tal-politiċi u l-ġurnalisti. Il-Kunsill Għoli tal-Maġistratura (Consiglio Superiore della Magistratura) jagħżel il-ġudikanti u l-president tal-qrati superjuri. Il-Kunsill innifsu jintgħażel mill-maġistrati b'elezzjoni, huwa mmexxi mill-President tar- Repubblika, u fih rappreżentanza tal-gvern. Il-President tar- Repubblika jagħmel il-ħatriet tal- ġudikanti tal-qrati superjuri wara proċeduri fil-Kunsill. Il-Qorti Kostituzzjonali fl-Italja hi magħmula minn ħmistax-il imħallef. Ħamsa maħtura mill- President tar-Repubblika, ħamsa mill-Kamra tad-Deputati u s-Senat flimkien, u ħamsa eletti mill-imħallfin fil-qrati superjuri. Il-ħames imħallfin eletti miż- żewġ kmamar tal-parlament jirrekjedu l-appoġġ ta' żewġ terzi fl-ewwel tliet votazzjonijiet. Jekk ma jintlaħqux iż-żewġ terzi, jibqgħu isiru votazzjonijiet, ikun hemm kemm ikun hemm bżonn, sakemm ħames imħallfin jiksbu l-appoġġ ta' tlieta minn ħamsa (3/5) tal-voti. Franza Franza għandha sistema presidenzjali u l-ħatriet isiru formalment mill-President tar- Repubblika. Il-President jimxi fuq il-pariri tal-Kunsill Superjuri tal- Ġudikatura (Conseil supérieur de la magistrature). Iżda l-kandidati għall-qrati superjuri jiġu nnominati mill-ministru għall- ġustizzja. Il-kunsill jista' biss jew jirriuta jew jaċċetta n-nomini. L-Eżekuttiv, jiġifieri il-President tar-Repubblika u l-ministri li jaħtar għandhom saħħa kbira fil- proċess. Il-membri tal-Kunsill Kostituzzjonali huwa magħmul minn disa' ġudikanti. Tlieta kull wieħed maħtura mill-President tar-Repubblika, mill-ispeaker tal-parlament nazzjonali u mill- ispeaker tas-senat. Kumitati parlamentari jistgħu jimblukkaw in-nomini tal-President tar- Repubblika b'maġġoranza ta' tlieta minn ħamsa (3/5). Impass parlamentati huwa evitat għax il- ħatriet isiru minn istituzzjonijiet differenti indipendentement minn xulxin. M'hemmx bżonn ta' voti fil-kamra tad-deputati jew fis- senat għall-ħatriet. Spanja Il-ħatriet tal-imħallfin anzjani fi Spanja jsir minn kunsill apposta maħtur mill-parlament. Il-Prim Imħallef, jew il-President tal-Qorti Suprema huwa elett direttament mill-parlament. Kemm il-ħatriet tal-għoxrin membru tal-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura u tal- Prim Imħallef jeħtieġu l-appoġġ ta' maġġoranza ta' tlieta minn ħamsa tal-parlament. Wara impasse fil-ħatriet ta' membri tal-qrati superjuri bejn l-2018 u 2024 il-gvern introduċa liġi li tagħti s-setgħa lill-Kunsill tal-Ħatriet jaħtar ġudikanti b'maġġoranza sempliċi. Meta l-parlament ma jaħtarx l-għoxrin membru tal-Kunsill tal-Ħatriet, il-Kunsill preċedenti xorta jkollu l-poter li jagħmel il-ħatriet tal- ġudikanti. Il-Belġju Is-sistema Belġjana hija ippolitiċizzata ħafna. Il-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja jagħżel il- ġudikanti għall-qrati superjuri u l-Qorti Kostituzzjonali. Formalment il-ħatriet isiru mir- Re. Il-parlament u l-politiċi għandhom kontroll fuq diversi ħatriet tal-ġudikatura. Hemm ukoll il-qasma bejn it-tliet reġjuni li jiffurmaw il-Belġju, il- Wallonja, il-Fjandri u Brussell- Kapitali li tkompli tikkomplika u tippolitiċizza l-proċess tal-ħatriet. Il-kandidati għall-qorti kostituzzjonali huma nominati mill-parlament federali. Il- kandidati jridu jiksbu żewġ terzi tal-voti fil-kamra tad-deputati u fis-senat biex jinħatru mir-Re. M'hemmx mekkaniżmu anti- deadlock u s-sistema tiddependi fuq negozjati bejn il-partiti biex jintlaħaq ehim. Minħabba l-qasma lingwistika tal-Belġju, il-ħatriet isiru nofs bin-nofs ta' ġudikanti li jitkellmu bil-Franċiż u bl-Olandiż. Kollox jiddependi fuq in-negozjati bejn il-partiti. L-Iżvezja L-imħallfin fil-qrati superjuri jinħatru mill-gvern fuq rakkomandazzjoni ta' bord għall- ħatriet tal-ġudikanti. Għaldaqstant ma jistax ikun hemm impass. Il-parlament min-naħa tiegħu jappunta l-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali. Maġġoranzi sempliċi huma biżżejjed biex isiru l-ħatriet. Il-kritika prinċipali għas- sistema Żvediża hija l-involviment dirett tal-gvern u tal-maġġoranza parlamentari fil-ħatriet tal- ġudikanti. X'inhu l-aħjar? Ħarsa lejn sistemi differenti f 'pajjiżi differenti minn madwar l-Unjoni Ewropea turi li m'hemm l-ebda sistema perfetta. Hemm sistemi li jagħtu saħħa kbira lill- ministri jew lil persuna waħda f 'sistemi presidenzjali. Hemm sistemi li jifirxu l-poteri biex l-ebda persuna jew istituzzjoni ma jkollha saħħa assoluta biex timponi r-rieda tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar iżda kull sistema tiddependi fuq in-nies li jħaddmuha. Fuq kemm huma lesti għad-djalogu u kemm huma kommessi lejn it-trasparenza. illum • IL-ĦADD 15 TA' MARZU 2026

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 15 March 2026