MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 17 MAY 2026

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1544988

Contents of this Issue

Navigation

Page 34 of 35

35 kotba IL-ĦADD 17 TA' MEJJU 2026 • illum Miġjuba mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Christopher Cutajar iżur mill-ġdid rumanz ta' Trevor Żahra li riċentament ittella' fuq il-palk. L-atturi li qed jgħixu llum u l-karattri mill-passat li impersonaw iġiegħlu lir-reċensur jirrifletti fuq kemm u jekk inbdilniex tul iż-żmien, u fl-istess ħin … jidħak! Is-sigrieti li lkoll nafu Fil-makkjetta 'X'aħna sbieħ min jaf jarana' li kienet ħarġet fl- 1931, Emanuel Cilia jgħannilna li 'jecc familja icolla xbejba – floc jghallmuha il-bzonn tad-dar – Lila jghallmu chif tinnamra – biex tingabba lil xi hmar'. Jekk immorru iżjed lura, fl- 1903, M.G. Abela f 'Mogħdija taż-żmien jiktbilna li "Il-mara ta' dari kienet mara miġbura, mansweta u umli". Dan juri kif għandna t-tendenza li f 'kull ġenerazzjoni naħsbu li hemm xi sett ta' valuri oħla li jkunu qed jintilfu maż-żmien. Bosta huma dawk li jedhew b'dan il-mit, iżda kollox jindika li n-natura umana ma tantx tinbidel bejn żmien u ieħor. Ir-rumanz ta' Trevor Żahra – 'Il- Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġeno- veffa' – maħruġ għall-ewwel darba fl-2008 minn Merlin Publishers, ifisser il-ħajja ta' karattru li għex qabilna, iżda ma jidħolx fil-kwad- ru li s-soltu nimmaġinaw dwar personaġġ li twieled bejn iż-żewġ gwerer dinjija. F'dan ir-rumanz naraw kif il-manuskritt tan-Nanna Veffa jiġi f 'idejn in-neputi Renzo Camilleri Manduca u jixħet dawl fuq il-bċejjeċ amorużi tagħha. Adattament teatrali Nhar l-Erbgħa 29 ta' April, kelli l-okkażjoni mmur nara l-adat- tament teatrali miġjub lilna taħt id-direzzjoni ta' Toni Attard u produzzjoni ta' Udjenza. Il-kitba tar-rumanz innifsu tislet memorji mill-ħajja tan-Nanna Veffa b'kitba mexxejja li għandha ħila ddaħħaq- na u fl-istess nifs tfakkarna f 'dawk l-istejjer li 'jiffurmaw parti minn passat kulturali komuni'. Dan kif ifissirhom id-Direttur stess fil-pro- gramm imqassam lill-udjenza. Ir-rumanz mhuwiex twil u taqrah f 'temp ta' tlieta jew erba' sigħat, għaliex imur dritt għall-punt billi l-ewwel isensel rakkont u mbagħad jasal iferraħ lill-qarrej bla ma joqgħod idur mal-lewża. L-adattament teatrali, minnu nnifsu, imur lil hinn mill-iskript u jiġbor fih l-ispazju li wieħed ikun jista' juża biex jippreżentah. It-teat- ru tas-Sależjani f 'Tas-Sliema daħal kexxun għal rappreżentazzjoni bħal din ambjentata fuq medda twila ta' għaxriet ta' snin fis-seklu l-ieħor. Il-limitazzjoni li wieħed ikollu biex iwassal il-ġrajjiet u l-karattri mar- buta ma' dan ir-rumanz jaf ikun l-ispazju, ċoè l-fond u l-wisa' li ssib fuq il-palk. Iżda din tinbidel f 'sett intimu u rabta aqwa mal-udjenza. Hawnhekk tammira l-mod li bih is-sett uża faċċati differenti jduru fuq ċirku, biex joħodna fil-kamra tas-sodda, fis-sala tat-tieġ u fid-dar tal-familja, fost oħrajn. Dan seta' jkun possibbli bil-ħi- la tal-atturi li jbiddlu l-irwol u l-kostum b'ħeffa tant li jżommu r-rappreżentazzjoni mexxejja daqs il-kitba tar-rumanz innifsu. Din ma kinitx l-ewwel darba li dan ir-rumanz ittella' fuq il-palk, hekk kif kien diġà twassal fl-2013. Din id-darba Marta Vella adattat it-test, ħadmet il-parti prinċipali ta' Ġenoveffa u fl-istess waqt ommha (fil-ħajja reali) Josette Ciappara rrakkontat il-ġrajjiet fl-ewwel persuna fl-irwol ta' Veffa meta tkun xjaħet, bil-għan li tagħti saff ieħor ta' lwien lir-rakkont. Il-kollaborazz- joni bejn l-omm u l-bint ħadmet sew fuq il-palk. Kemm huma, kif ukoll il-bqija tal-kast, kompost minn Sander Agius, Christine Francalanza u Sean Borg, kellhom il-ħila jwasslu kemm mumenti sbieħ, ferriħija u anke ta' diqa minn din l-istorja. Il-qatgħa tiegħi It-teatru nfittxu darba kultant u nħobb nagħżel sewwa qabel ma mmur. Bħal kulħadd inkun nixtieq li nqatta' ħin li jagħtini sodisfazzjon bħala spettatur. L-uniku ħaġa li kienet qed tberren f 'moħħi qabel ma mort nara dan l-adattament kienet il-possibbiltà li jaf f 'xi mu- ment nispiċċa sfurzat biex nidħaq. Bħal bosta, inħobb nidħaq b'dawk il-battuti tajbin. Iżda l-qatgħa tiegħi tkun jekk insib lil min minn fuq il- palk kważi kważi jitlob minni sforz biex nidħaq! Sodisfatt ninnota li tul din ir-rap- preżentazzjoni l-kast kien dixxipli- nat li jżomm mat-test tal-iskript, u li jissellef il-lingwaġġ mimli umoriżmu tar-rumanz innifsu. Bosta minn dawk li kienu fost l-udjenza kienu diġà qraw ir-ru- manz u allura l-kitba rawha tieħu l-ħajja quddiem għajnejhom. Dan sar iżjed faċli bl-għażla tal-kuluri fuq is-sett, il-kostumi u l-mużika magħżula b'reqqa. Xebh Meta nxebbhu r-rumanz mad- dramm nirrealizzaw li dan l-adatta- ment huwa fidil għall-istruttura tal-istorja. Dan ma jfissirx li jidħol f 'kull dettall li r-rumanz jagħtina u ma għandniex nippretendu li jkun hekk. Fir-rumanz innifsu Trevor Żahra jislet drawwiet ommijiet- na meta jsemmilna li mara tqila kellha b'mod superstizzjuż tevita li tħares lejn tebut waqt li jkun hemm funeral għaddej. Jidħol ukoll fi drawwiet oħra waqt it-tqala, bħal meta Veffa ħolmot b'dixx patata l-forn u Zanzu tagħha mar dritt kmieni filgħodu biex mhux biss jara li ommu Ġorġa ssajjarhulha, iżda baqa' sejjer biex jaħmuhulu fil- forn ta' Galettu. Minkejja li kienu għadhom kemm lestew mill-fur- nata ta' mal-lejl, xorta aċċettaw li jaħmuh, ma jmurx 'it-tarbija titwieled b'marka ta' nofs patata l-forn fuq ħaddejha'! Biċċa xogħol tajba tingħaraf. Tinduna kif meta Żahra kiteb ir-rumanz ra li jsejsu b'mod tajjeb fuq drawwiet u ġrajjiet li tassew eżistew bejn l-għoxrinijiet u s-sittinijiet tas-seklu li għadda. L-attenzjoni għad-dettall min-nies li kien hemm wara din il-produzz- joni teatrali kienet waħda li mhux biss tat ħajja ġdida lir-rumanz, iżda żiedet saffi ġodda miegħu. Dawn is-saffi komplew isebbħu ġrajjiet li mhux biss għexithom Veffa, iżda għexuhom ukoll in-nies ta' żmienha u nstemgħu minna li ġejna warajhom. Aħna, li la nistgħu ngħidu li għandna xejn agħar minn ta' qabilna u ma naħsibx li se jkollna xejn aħjar minn dawk li jiġu warajna!

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 17 MAY 2026