Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1545481
15 kotba IL-ĦADD 21 TA' ĠUNJU 2026 • illum Miġjuba mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal- Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb taqra l-ktieb Waqa' Ajruplon ta' Matthew Curmi, u taffaxxina ruħha bit-tentattiv tal-kittieb sabiex ifakkar f'Għawdex u niesu li ftit nitgħallmu dwarhom. Għawdex li jiftakar. Għawdex li jirrakkonta. Fost l-iżjed stejjer li kienet tgħidli bużnannti Tereża li baqgħu mnaqqxin f 'moħħi — barra dik tat-tifla li wara l-festa nsterqet minn fuq il-bankina minn taħt għajnejn iz-zija Kejti, sakemm din marret tagħmlilha tazz'ilma, u li wara nstabet "fuq għar" — kienet dik ta' Ines u Emilia, "it-tfal tas-surmastru". Żewġ aħwa li, waqt il-gwerra, waqgħet bomba fuq darhom proprju fil-ħin li waħda minnhom kienet qed taqfel il- lazz taż-żarbuna qabel tmur il-knisja. Tant ħalliet marka din il-ġrajja fil-qalb tal-Għawdxin, li ħafna trabi li twieldu dik il-ħabta ingħataw isimhom. Meta tgħix fi gżira ċkejkna fejn kważi kulħadd protagonist, tiaħ ktieb bħal Waqa' Ajruplon (Midsea Books) b'ċerta stennija li ssib fih xi ħaġa li diġà taf, jew li forsi smajt biha, imċajpra kemm tkun imċajpra. U hekk ġara. L-istorja ta' Ines u Emilia, ta' ħuthom u ta' ommhom, flimkien ma' għadd ta' ġrajjiet oħra li kienu baqgħu mxerrdin fil-memorja kollettiva tal-Għawdxin, sabu posthom fi ktieb grazzi għall-awtur żagħżugħ Għawdxi Matthew Curmi. Fil-verità, Curmi għamel xi ħaġa li tmur lil hinn minn studju dwar it-Tieni Gwerra Dinjija. Aktar milli storja dwar il-ġeo- grafija ta' fejn "waqgħu l-ajruplani" Waqa' Ajruplon huwa tentattiv biex jinqabdu vuċijiet li, bħal ħafna vuċijiet oħra, kienu destinati jisparixxu mal-aħħar ġenerazzjo- ni li għexet dawk is-snin. Il-ktieb idur mas-siti kollha fejn "waqgħu" l-ajruplani Ġermaniżi u Tal- jani matul il-gwerra. Jislet mir-rapporti tal-pulizija, mill-gazzetti u, fuq kollox, mill-memorji tal-Għawdxin stess. Tant hu hekk li, waqt li kont naqrah, sibt ruħi niltaqa' ma' ismijiet u laqmijiet familjari. U nifraħ li, ara, dak nafuh. Dak il-bniedem li joqgħod bilqiegħda fuq kartuna ħdejn il-każin u jsellem lil kulħadd, issa wkoll sab postu fl-istorja. Dik ir-ringiela djar fl-istess triq, tlieta jisimhom GOD BLESS USA, ta' ħdejhom tifraħ bl-idea tal-Kanada u ta' warajha b'kangarù daqsiex imnaqqax ħdejn il-kaxxa tal-ittri, issa wkoll immor- talizzajnieha. Skont Ricoeur, il-memorja hija dejjem ġlieda kontra l-oblivju. U kultant, il-ġlieda kontra n-nisi tibda billi tikteb isem ta' raġel komuni fuq paġna. F'xi punt, l-awtur jinnota li nkitbu ħafna kotba dwar it-Tieni Gwerra Dinji- ja. U għandu raġun. Iżda dwar Għawdex fil-gwerra? Dwar l-esperjenza Għawdxija nnifisha? Hawnhekk il-letteratura hija ħafna iżgħar. Kuljum ngħaddu minn quddiem posti- jiet li bilkemm inkunu nafu x'sar fihom. U li taħthom, ikun hemm storja. Li Tax-Xħa- jma waqa' ajruplan. Li bi żbrixx ma waqax fuq karozza tal-linja. Li nies minn kull rokna tal-gżira kienu jiġru biex jaraw il-fdalijiet, biex jieħdu biċċa metall jew xi oġġett li kien niżel mis-sema fuq art li dak iż-żmien bilkemm kienet rat karozza. Li f 'dak l-għar, kien joqgħod ċertu l-Manku, u li kien hemm min jgħid li kiel il-fwied ta' pilota li kraxxja fuq Għawdex. Ħasra li fl-iskejjel tant it nitgħallmu dwar il-passat ta' Għawdex innifsu bħala gżira għalih. Bilkemm insemmu l-esper- jenza Franċiża, l-awtonomija temporanja tal-gżira, il-Kunsill Ċiviku ta' Għawdex jew ir-referendum li abolixxieh — referendum li kważi l-ebda Għawdxi ma vvota fih. Kważi xejn. L-għażla ta' Curmi li jikteb bl-Ingliż hija għażla konxja u tiniehem. Tiniehem u hi sabiħa ħafna wkoll l-għażla li t-titlu jkun bl-Għawdxi — il-fonetika ta' ajruplon! Madankollu, xtaqt nara appendiċi bit-tras- krizzjoni oriġinali, bil-kliem eżatt tan-nies li intervista, u li fuqhom hi msensla l-parti ewlenija tal-ktieb. Għax il-mod kif jitkel- lem Għawdxi ta' disgħin sena bil-lingwa tiegħu huwa storja fiha nnifisha. Fil-ko- struzzjoni tas-sentenzi, fil-lessiku, f 'es- pressjonijiet bħal "Poġġi, ma tieħu xejn?", hemm mużika li diffiċli tittraduċi. Hemm ritmu. Hemm dinja. L-Ingliż tal-ktieb, ħafna drabi, jidher aktar pompuż milli hemm bżonn, u ċerta- ment kien jibbenefika minn aktar editjar. Xi episodji personali tal-awtur ukoll, kult- ant, jingħataw prominenza li tnaqqas xi it mir-ritmu tal-memorji nfushom, li huma l-qalba vera tax-xogħol. Kont nixtieq ukoll nara aktar djalogu ma' xogħlijiet storiċi oħra, b'mod par- tikolari dawk ta' Charles u Frank Bezzina, li bla dubju jibqgħu fost l-awtoritajiet ewlenin dwar il-gwerra f 'Għawdex. Iżda dawn huma osservazzjonijiet li bl-ebda mod ma jnaqqsu mill-valur ġenerali tal- ktieb. Għax dak li jibqa' miegħek wara li tagħlaq Waqa' Ajruplon mhuwiex neċes- sarjament fejn waqa' ajruplan jew kemm kien hemm periklu. Jibqa' l-mod kif akru n-nies. Jolqtok ukoll kemm it hemm mibegħ- da lejn l-għadu fil-memorji Għawdxin. Anzi. Hemm kunsens ġenerali li dawk li ġew minn barra kienu bnedmin bħalna. U bnedmin sbieħ ukoll, kif jgħidilna li qalulu Curmi meta wriehom xi ritratti tal-piloti li ħallew ħajjithom Għawdex! Forsi għax poplu żgħir jitgħallem kmieni li l-bniedem ma jistax jgħix waħdu, u li kull barrani huwa barrani biss sakemm tisma' l-istorja tiegħu. Għalhekk, aktar minn ktieb dwar il-gw- erra, Waqa' Ajruplon huwa ktieb dwar Għawdex innifsu. Għawdex li jiakar. Għawdex li jirrakkonta. U Għawdex li, mingħajr kotba bħal dawn, kien jitlef wisq nies għall-annali tal-istorja, u magħhom biċċa minn ruħu stess.

