Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/204642
BIDLIET 20 illum | Il-Ħadd 03 ta' Novembru 2013 IMMANUEL MIFSUD L-GĦADA tar-referendum għad-divorzju kont ktibt xi mkien ieħor li bil-leġislazzjoni ta' dan id-dritt Malta kienet se tibda jew tkompli t-triq lejn drittijiet ċivili oħrajn, aktarx kontroversjali għal soċjetà li qatt ma sabitha faċli li tinbidel u li ħafna millbidliet li għaddiet minnhom ġew imposti fuqha minn forzi estrani għaliha. Sentejn wara dak ir-referendum storiku dan il-pajjiż reġa' qiegħed jaffaċċja bidla oħra – diddarba mingħajr referendum u mingħajr wisq diskussjoni – li se terġa' tiskussah: l-unjoni ċivili ta' koppji omosesswali. Il-mod kif żvolġiet din l-istorja, għallinqas sa issa, huwa kkaratterizzat b'numru ta' punti interrogattivi li qegħdin jitilgħu fil-wiċċ bil-mod il-mod u mingħajr frattarija. Meta wieħed iqis li f'pajjiżi oħrajn il-leġislazzjoni għal unjoni ċivili jew żwieġ bejn koppji omosesswali ġiet wara perjodu twil ta' dimostrazzjonijiet u kampanji bla heda u, eventwalment, inltaqgħet b'ħafna storbju u saħansitra protesti fil-pjazez (bħal fil-każ ta' Franza aktar kmieni din issena), il-kalma li biha qiegħda tittieħed f'Malta hija tassew impressjonanti. Hawn sinjali ta' fixla espressi, direttament u le, minn kwartieri differenti. L-ewwel fixla ġejja mill-fatt li għalkemm il-proċess qiegħed jissejjaħ uffiċjalment bħala 'unjoni ċivili', kulħadd qiegħed josserva li d-drittijiet u l-obbligi stipulati ma jħallu ebda differenza minn żwieġ bejn koppji eterosesswali kif magħruf tradizzjonalment. Jekk hemm din is-similarità perfetta bejn iż-żewġ proċessi x'qiegħed iżomm lill-Gvern milli jsejjaħ dan il-proċess żwieġ? Hija biss differenza simbolika? U jekk hija differenza simbolika, għala nħass il-bżonn li tinżamm, jew aħjar tinħoloq, din id-differenza? Huwa l-każ li l-Gvern irid minn banda juri l-ispirtu progressiv tiegħu, li wiegħdu fil-kampanja elettorali ta' din is-sena, u fl-istess waqt iserraħ moħħ l-elementi inqas progressivi li l-komunità omosesswali, fl-aħħar millaħħar, mhijiex ugwali għal dik eterosesswali? Huwa probabbli ħafna li, simbolika kemm hi simbolika, id-distinzjoni żwieġ/ unjoni ċivili, se tħalli struttura ġerarkika fl-akkoppjament fissoċjetà Maltija. Terġa' u tgħid, filwaqt li koppja eterosesswali għandha l-għażla li tiżżewweġ jew tidħol f'unjoni ċivili, koppja omosesswali li trid tuffiċjalizza ruħha bħala familja, għandha biss it-tieni għażla x'tagħmel. F'dan ir-rigward jiġi assigurat li l-eterosesswali jibqa' skaluna 'l fuq mill-omosesswali. Kif kien mistenni, il-Knisja Kattolika lokali qiegħda tesprimi oppożizzjoni għal dan l-abbozz ta' liġi, u dan għamlitu immedjatament wara t-tħabbira tal-abbozz. Iżda fl-oppożizzjoni tagħha ma kinitx daqstant voċifera bħalma kienet sentejn ilu. Mhux talli hekk, talli, skont ma qal l-Isqof Scicluna l-ġimgħa l-oħra fuq it-televixin, il-Knisja għadha mhijiex ċerta fuq kollox. Huwa evidenti ħafna li l-Knisja ħadet messaġġ qawwi kemm waqt il-kampanja u iktar u iktar birriżultat tar-referendum għaddivorzju u allura did-darba, filwaqt li ovvjament qiegħda tisħaq fuq it-twemmin tagħha, l-attitudni tagħha hija differenti. Dan biex wieħed ma jinsiex ukoll li fost il-lajċi fidili lejha, il-Knisja Kattolika għandha numru ta' nies omosesswali, saħansitra miġbura f'għaqda ta' omosesswali Nsara, li b'ebda mod ma trid tnaffarhom, aktar u aktar meta qiegħda ssegwi fil- preżentazzjoni tal-Papa bħala riformatur tagħha u progressiv. Fuq kollox il-Knisja konxja li m'għadx għandha s-saħħa li kellha darba u li l-preżenza tagħha llum il-ġurnata hija dovuta aktar għal tradizzjoni milli għal prinċipji. Minn sentejn ilu 'l hawn il-Partit Nazzjonalista għadda mill-agħar ħmar il-lejl flistorja tiegħu, u allura anki hu bidel l-attitudni li kien ħa fil-kwistjoni tad-divorzju. Kien immedjat ukoll ilmessaġġ tiegħu li l-Partit huwa lest jappoġġja din il-liġi, jaċċetta li sseħħ bidla oħra kbira fil-familja Maltija li tradizzjonalment dejjem qiesha bħala l-pedament tas-soċjetà u l-bażi tal-filosofija tiegħu. F'sentejn biss il-Partit inbidel minn wieħed li pprova jżomm dritt hekk bażiku bħalma huwa d-divorzju, għal wieħed li lest jappoġġja unjoni ċivili (jew żwieġ?) omosesswali. Naturalment, minn sentejn ilu 'l hawn il-Partit tgħallem li l-omosesswali jfissru voti u qatt daqs issa ma għandu bżonn ifaddal għall-futur tiegħu. Il-bidla li se sseħħ, allura, mhijiex ir-riżultat talleġislazzjoni. Il-bidla qiegħda sseħħ minħabba fatturi oħrajn, ta' natura politika aktar minn xejn, li qegħdin jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni ta' din il-liġi. Wisq naħseb, iżda, li l-akbar bidla li din il-leġislazzjoni se ġġib magħha, se tkun fuq in-naħa omosesswali aktar milli dik eterosesswali tassoċjetà. Hekk kif ir-rabta bejn persuni omosesswali tiġi ssanzjonata mill-Istat ilkomunità omosesswali se tkun qiegħda bażikament taċċetta l-Istat bħala l-kontrollur ewlieni anki tagħha. L-Istat jaċċetta lill-omosesswali jaċċettaw lilu. Minn banda dan jista' jfisser sħubija aktar sħiħa tal-komunità omosesswali fis-soċjetà. Sħubija sħiħa tfisser in-normalizzazzjoni talomosesswali fi ħdan soċjetà li sa issa hija ddominata minn nies u minn prinċipji eterosesswali. Bil-liġi tal-unjoni ċivili/żwieġ, l-omosesswali se jaqgħu taħt l-iskrutinju tas-soċjetà: issa se jkun hemm statistiċi uffiċjali, osservazzjoni orkestrata tal-imġiba u l-attitudnijiet, formoli, klassifikazzjonijiet u sondaġġi, fi kliem ieħor apparat sħiħ li se jikkontrolla ħajjet l-omosesswali kif qatt ma kienet ikkontrollata sa issa. Din hija r-raġuni għala fi mkejjen oħrajn hemm gruppi fi ħdan il-popolazzjoni omosesswali li qegħdin jopponu minflok ma jsostnu l-leġislazzjoni ta' żwieġ omosesswali. L-argument prinċipali ta' ċerti individwi omosesswali kontra ż-żwieġ omosesswali huwa appuntu li b'liġi bħal din l-Istat se jkun qiegħed jifrex ix-xbieki tiegħu anki fuq il-komunità tagħhom. Dawn qegħdin jitħassbu wkoll li l-element trasgressiv, devjanti li kkaratterizza l-komunità omosesswali se jiġi mhedded bl-istituzzjoni statali tażżwieġ jew unjoni ċivili. Huwa probabbli li dawk l-individwi omosesswali li jagħżlu li ma jipparteċipawx f 'dan l-eżerċizzju soċjali, ikkordinat mill-Istat, għad issirilhom pressjoni, imqar indiretta, biex huma wkoll jissieħbu filproċess ta' normalizzazzjoni, bħalma sseħħ fuq individwi eterosesswali li jagħżlu stil ta' ħajja alternattiv. Anki jekk, sa fejn naf jien, dan it-tħassib ma ġiex espress pubblikament minn individwi omosesswali f 'Malta, m'għandi ebda dubju li din hija konsiderazzjoni li trid tittieħed. Aktarx li hija ġenerazzjoni aktar anzjana ta' omosesswali li tesprimi dan it-tħassib, ġenerazzjoni li kkonfermat l-identità tagħha appuntu permezz tat-trasgressjoni u mhux, kif jidher li huwa l-każ tal-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa, permezz talkonformità mad-dominanza eterosesswali. Żmien ta' bidliet, allura, li, għallinqas fid-deher qiegħed juri soċjetà Maltija aktar liberali u aktar tolleranti. Sadanittant, iżda, ħafna minn dawn l-istess nies li qegħdin jargumentaw li 'għandna nħalluhom jiżżewġu', jew li mhumiex jagħtu kas jew mhumiex jitkellmu għax iridu jkunu fidili lejn il-linja tal-Partit tagħhom, jieħdu attitudni totalment differenti fir-rigward ta' komunitajiet oħrajn li għadhom meqjusin bħala minoritarji. L-istess nies li qegħdin jargumentaw li d-dinja nbidlet u li lillomosesswali għandna 'nagħtuhom' drittijiet 'bħal tagħna', imorru jiktbu filbloggs u fil-gazzetti li s-suwed posthom 'il bogħod minn hawn, 'il bogħod minna.

