Illum previous editions

illum 17 November 2013

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/212253

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

20 illum | Il-Ħadd 17 ta' Novembru 2013 IL-KOTRA TA' RUŻAR IMMANUEL MIFSUD MHIJIEX ħaġa komuni li fil-Parlament Malti jissemmew il-poeti, anzi hija rarità kbira aktarx għax il-maġġoranza tal-parlamentari ma jaqrawx, ħlief il-programm elettorali tal-partit (forsi) u dawk is-siltiet fuq xi gazzetta fejn jissemma' isimhom. Imma din il-ġimgħa, waqt id-diskors li bih ikkritika l-baġit, Simon Busuttil, akkumpanjat mit-tixjir talpassaporti, ikkwota 'Jum irRebħ', it-tieni poeżija l-aktar magħrufa ta' Rużar Briffa. Jekk il-memorja għadha taqdini tajjeb din ma kinitx l-ewwel darba li l-ewwel vers ta' din il-poeżija ntuża biex jgħaddi messaġġ politiku mill-PN. Fit-tmeninijiet il-Partit kien diġà użah biex iqanqal sens ta' għaqda, kobor erojku u reżistenza fost il-partitarji tiegħu. Hemm storja rrakkuntata dwar din il-poeżija: illogħba futbol bejn it-tim Malti u dak ta' Hajduks Split, meta fil-grawnd ilbanda daqqet il-God Save the Queen u ħalliet barra dak li kien jissejjaħ l-Innu Malti u l-kotra sapporters, ġustament offiża, qamet tkanta dan l-innu minn jeddha. Briffa, li ftit li xejn indenja ruħu jikteb dwar in-nazzjon għax kellu preokkupazzjonijiet aktar profondi ta' xeħta personali, ispira ruħu minn dan l-inċident u kiteb din il-poeżija. Is-South End Core, isem Ingliż għassapporters tat-tim Malti, tim ta' nazzjon żgħir b'testikoli kbar (għax il-futbol huwa logħba maskili), ukoll jispira ruħu mill-mit talimgħoddi Malti, kif wera b'mod tant konvinċenti meta l-iskwadra nazzjonali lagħbet kontra t-Turkija xi snin ilu. Fil-grawnd, l-istess bħalma jiġri kull Mejju waqt festival ta' mużika ta' livell dubjuż ħafna, il-kotra tagħmel l-almu tagħha biex tinsa lilha nfisha, tinsa min verament hi, u xxidd ilkostum li jagħmilha kotra. Wara Briffa kien hemm kittieba oħrajn li ddubitaw bil-kbir il-valur u l-verità ta' din il-kotra, u minflok raw żewġ tribujiet (Oliver Friggieri) li fost oħrajn ikantaw bil-vokali ħamra u blu (Mario Azzopardi) u li huma mijopiċi għax għajnejhom, imsieken, huma tal-ħġieġ (Victor Fenech). Naturalment, id-daqqa ta' dawn ma ddoqqx ħelu għallfinijiet tal-partit, anke jekk, irridu jew ma rridux, anke dawn irrakkuntaw l-istorja tan-nazzjon. Min hi dil-kotra? Flimmaġinazzjoni ta' ħafna, inklużi tal-poeti bħal Briffa iżda iktar u iktar tal-kollegi tiegħu, hemm dan il-grupp, dan ilpoplu wieħed u magħqud, imnebbaħ mit-twemmin kollettiv fin-nazzjon. L-istorja politika lokali tgiddeb dan l-istħajjil, anke għaliex imqar il-kunċett ta' nazzjon, ta' grupp, ta' poplu, ġie ripetutament ipproblematizzat u, nazzarda ngħid, ippruvat li ma jeżistix. Ħu mill-Maltin li mqar il-karnaġġjon tagħhom jixhed kollox minbarra omoġenjità għax, bħal ħafna popli oħrajn, huwa poplu mħallat. Legalment, hawn Maltin rikonoxxuti bħala talin għax twieldu f 'Malta minn ġenitur jew ġenituri Maltin; oħrajn li saru Maltin għax, għalkemm twieldu u għexu barra, iżżewġu Maltin tal-ewwel tip u, wara numru ta' snin miżżewġa u residenti, xtaqu, applikaw u ngħataw id-dritt legali ta' Maltin; oħrajn li jersqu 'l hawn darba kull ħames snin biex itellgħu gvern li mhux se jiggvernahom; u issa se jkun hemm oħrajn li l-uniku legami li għandhom man-nazzjon Malti huwa tranżazzjoni ta' €650,000 u xejn aktar ħlief forsi vaganza ta' darba taħt ixxemx, maġenb il-baħar. Fost dawn kollha hemm uħud li qatt ma żaru t-tempji tal-antenati, oħrajn li ma jafux jgħidu aktar minn tliet kelmiet bil-Malti, oħrajn li jekk tistaqsihom fejn hu Ħal Safi jmorru fuq il-GoogleMaps, oħrajn li "Tim ta' nazzjon żgħir b'testikoli kbar (għax il-futbol huwa logħba maskili)" jitfgħu status bit-Taljan fuq il-Facebook kull darba li jiktbu dwar it-tim favorit tagħhom mill-Italja jew meta jitgħajru ma' partitarji 'Taljani' oħrajn lejlet idderby, u oħrajn li għal-Lejla Maltija li ssir darba f 'sena fir-raħal jieklu ikla ikel Malti kompluta biċ-Chinese u l-candy floss. Hemm ilMaltin ta' ġewwa, il-Maltin mhux Maltin imma issa Maltin għax ħalltu d-demm, il-Maltin ta' darba f 'ħames snin, u l-Maltin taċ-ċekk. Min huma l-Maltin, jew aħjar, min hu l-aktar u lanqas Malti minn dawn? U la semmejna din l-aħħar klassifikazzjoni ta' Maltin, għandi kurżità kbira nkun naf x'jaħsbu dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija dawk l-uħud li malli jħossuhom mhedda bl-iżbark tal-Afrikani li m'għandhomx €650,000 taħt ir-riħ, jibdew iżeffnu l-identità nazzjonali bħala ewfemiżmu għall-mibegħda razzjali. Imma bħalma jiġri ħafna drabi hawnhekk, ħafna minna, wisq minna anzi, isegwu l-linja tal-partit bħan-nagħaġ ta' Bendu jew l-annimali ħelwin għaxqa fir-razzett tal-Bidwi Jones. Briffa interpreta l-imġiba ta' dik il-kotra tara t-tim Malti jilgħab kontra l-Jugoslavi (x'sar minnhom dawn?) bħala għajta ta' protesta kontra t-tkasbir li n-nazzjon tagħhom qala' minn min iddeċieda li jindaqq il-God Save minflok Lil Din l-Art Ħelwa. Imma biż-żmien kien hemm tipi oħrajn ta' tkasbir li fortunatament għal Briffa kien laħaq miet biex jarahom iseħħu quddiemu. Il-kotra titkasbar b'diversi modi, l-istess kif titkasbar in-nazzjonalità tagħha. Titkasbar, pereżempju, bin-nuqqas ta' rispett lejn l-art, lejn il-pajsaġġ, bil-bini bl-addoċċ li qered dak kollu li Briffa u l-poeti sħabu tant ispiraw irwieħhom bih. Titkasbar ukoll bin-nuqqas ta' ġieħ lejn il-kultura li ssawret tul is-snin – illingwa fuq kollox, u l-arti – u "n-ngħas tal-apatija" li mhux bilfors jaħkmek meta tkun rieqed "ġo sodda barranija," imma anke, anzi aktar, f 'soddtok stess. Titkasbar bil-prassi talkalkoli, bin-numri li jaqilbu ta' taħt fuq il-prijoritajiet li fi mkejjen oħra huma tant ovvji. Il-kunċett ta' nazzjon, metaforizzat mill-kotra fil-poeżija ta' Briffa, jaf, fl-aħħar mill-aħħar, ikun finta, immaġinazzjoni sabiħa li mhijiex u ma tistax tkun vera. Huwa kunċett li jintrefa' kull tant żmien għall-konvenjenza. Huwa kunċett sfukat ħafna, ipeċpiċlek għajnejk, mimli interpretazzjonijiet differenti, kunfliġġenti li għandu ħabta jaħbi tensjonijiet profondi u forsi anke irreparabbli. Fl-aħħar mill-aħħar, ittixjir tal-passaporti, talbnadar fil-grawnd tal-futbol jew fis-sala tal-Eurovision, l-uċuħ jitbissmu miżbugħa bojod u ħomor fuq ilbillboards jew serji u muti quddiem il-Palazz il-Belt, ifissru ftit li xejn qabel ma verament nibdew nifhmu dan il-kunċett. U kunċett jibqa' biss kunċett, 'il bogħod ħafna mir-realtà.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 17 November 2013