Illum previous editions

illum 2 March 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/269665

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 35

jirrakkuntali ftit dwar tfulitu, żgħożitu u t-triq li wasslitu sal-ġurnata tal-lum. "Kienet tfulija iebsa, fejn minħabba l-fatt li għax konna t-tfal tal-istitut konna niġu mkasbra u kultant anke msawta. Sadattant ma stajniex niddefendu ruħna, mhux għax ma konniex nifilħu għal min kien isawwatna, iżda konna mimlijin biża' għax kif nagħtu daqqa aħna, niġu kastigati għax aħna l-ħżiena, għax aħna tal-istitut. Għalkemm ġieli għamilna ħbieb ma' xi klikka tajba fejn kif kienu jiġu jsawtuna l-oħrajn kienu jaqbżu għalina. Il-bullying hu xi ħaġa tal-biża', iżda l-bullying jista' jagħmlek aktar b'saħħtek inkella jkissrek. Hemm minn sħabi li kellhom suċċess iżda hemm oħrajn li spiċċaw il-ħabs." Louis qalli li fl-orfonatrofju kienu madwar 30 tifel u kien jieħu ħsiebhom qassis wieħed. "Trabbejt f 'dixxiplina li għenitni nagħraf it-tajjeb u l-ħażin. Tgħallimt inwarrab il-ħażin u ntejjeb it-tajjeb. L-istitut lili għamilni raġel għax hemm sibt il-missier li dejjem xtaqt li kelli u qatt ma ltqajt miegħu. Dun Manwel Galea kien missieri. Għallimni s-sengħa ta' mastrudaxxa u kien anke xtrali xi makkinarju fejn ta' 12-il sena spiċċajt anke naqla' l-flus. Bdejt insir magħruf f 'Għajnsielem bħala t-tfajjel mastrudaxxa u kienu jordnawli xi kaxxa għal ħobż jew xi banketta. Sa ma spiċċajt mill-orfonatrofju kont faddalt Lm1,000 minn dan ix- xogħol li kont naħdem." Louis kienu tgħarrfulu li missieru seta' kien Amerikan u għalhekk minn meta kien żgħir dejjem ħolom li jmur ifittxu l-Amerka. Hawnhekk Louis ħares lejja u qalli, "kemm nixtieq inkun naf min hu missieri. Din hi l-akbar ħolma tiegħi." Ta' 17-il sena kellu joħroġ mill-Istitut u hawn sab xortih meta l-familja tal-Lingi li huma l-proprjetarji tal-Calypso Hotel, xtaquh ikun parti mill-familja tagħhom. "Kont naħdem magħhom u kienu jħobbuni immens. Kienu anke riedu jagħtuni dar. Iżda jien m'aċċettajtx għax ridt insiefer. Iltqajt ma' familja Għawdxija li tgħix l-Amerka li aċċettaw li joħduni magħhom New York. Wara xi sitt xhur li kont ili ngħix New York kont ħiereġ mill- quddies u kumbinazzjoni ltqajt ma' Għawdxi mix-Xagħra li kien jaħdem miegħi l-Calypso Hotel u dan offrieli xogħlu għax hu kien se jirritorna lejn Għawdex. Ix-xogħol kien li nkun doorman ma grupp ta' appartamenti. Iżda kelli bżonn il-permess tax-xogħol. Mort l-ambaxxata Maltija li biex irranġawli kelli nħallas Lm800. Naf li kienet korruzzjoni iżda nberikhom għax minn hemm sibt il-ġenna." Fil-fatt f 'wieħed mill- appartamenti kien hemm tgħix Adele, illum il-mara tiegħu u flimkien grazzi għas-sengħa ta' mastrudaxxa li kellu ħa l-liċenzja ta' GC u beda jaħdem bħala kuntrattur fejn kien iħaddem għaxar min-nies, 4 minnhom Għawdxin. New York dam 24 sena li kienu biżżejjed biex jirritorna jgħix Għawdex, komdu u trankwill. "Uliedi bdew jattendu l-iskola tal-Qala u kienu jiġu jgergru li m'għandhomx lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika. Niftakar li sentejn ilu mort inkellem lil madame u offrejt li ngħallem il-PE jien lill-iskola kollha, mingħajr ħlas. Qaltli li se titlob permess mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u tgħarrfitli li l-permess ma ġiex milqugħ. Sadattant inbidlet il-madame u erġajt għamilt l-istess offerta u din approvatli l-permess u fil-fatt kull nhar ta' Ħamis indur il-klassijiet kollha ngħallimhom il-PE, b'mod volontarju, fejn nasal id-dar għajjien mejjet." Louis li hu bniedem mill- aktar sportiv, fl-Istati Uniti kien jikkompeti fiċ-ċikliżmu u kien jippratikka anke l-karat, qalli li waqt dawn il-lezzjonijiet induna kemm it-tfal ma kienu jafu xejn dwar attivitajiet sportivi. U ddeċieda li joħloq il-'Greyhound Youth Athletic Club'. Bl-isem ġej minħabba li l-kowċis li joħduk minn stat għall-ieħor fl-Istati Uniti jisimhom Greyhound. Fl-istess ħin dan il-kelb irid li jimraħ fl-apert u fl-ispazji bħalma hu ried li t-tfal jimirħu fi spazji miftuħa. L-ewwel attività bdiha bir- roti fejn kellu madwar 16-il ċiklista żagħżugħ tant li kellu jaqsamhom f 'żewġ gruppi biex ikun jista' jieħu ħsiebhom sew. "Wara bdejt niffoka fuq tiġrijiet fit-tul fejn kont inħarriġhom f 'dan l-isport tliet darbiet fil-ġimgħa, b'siegħa u nofs taħriġ kull darba. Qed nara ħafna interess mit-tfal iżda mhux l-istess nista' ngħid mill-amministraturi tal-gvern, għalkemm irrid nammetti li Stefan Buontempo semagħni l-aħħar li kellimtu. "Jien ma naqla' xejn u ma rridx flus. Qed nagħti ħini flok nagħtih lill-uliedi. Kulma rrid hu post fejn it-tfal jistgħu jiġru u jitħarrġu, iżda t-trakka hi meħudha mill-isport tal-futbol meta dawn tant għandhom pitches. Lit-tfal irrid neħodhom jew fit-trakka taż-żwiemel inkella fit-toroq bil-periklu kollu li joffri t-traffiku. Meta titlob għajnuna jibdew jitolbuk ħafna affarijiet, statut (li tajthom) kont tal-bank (li tajthom ukoll), li tingħaqad ma' federazzjoni. Insomma kull darba li tagħtihom li jitolbuk isibulek xi ħaġa oħra. Kulma rridu post fejn jitħarrġu u trasport. Jien neħodhom kull nhar ta' Sibt it-trakka ta' Malta u dawn iridu jħallsu minn buthom tat-trasport. Kulma rrid li nibnu l-futur fuq l-isport u niġġieldu l-obeżità fit-tfal permezz tal- isport. "Iżda wisq qed ninnota li paroli hawn kemm trid iżda fatti ftit jew xejn. Qed nitlob ukoll biex il-Ministeru għal Għawdex jgħin lit-tfal permezz tal-Eco Gozo. Qed innaddfu Għawdex u kulma qed nitlob hu trasport li jwassalna safejn inkunu se nibdew il-hike, biex induru ma Għawdex kollu u flokkijiet ta' Eco Gozo għax il-ġenituri qed igergru li l-flokkijiet qed ikunu maħmuġin wisq minħabba li dawn inaddfu ż-żibel li jħalli ħaddieħor." Ħolma oħra ta' Louis hi li jara l-iskejjel kollha li darba kull ħmistax jorganizzaw hikes ta' ġurnata madwar Għawdex flimkien mal-membri tal- familja. Skola sħiħa tmur hike u kulħadd jkun jista' jara l-ambjent sabiħ li hawn f 'Għawdex u fl-istess ħin iżommu ruħhom attivi. Sirt naf ukoll li Louis isuq ir-rota mal-ALIVE biex jiġbru fondi għal kura tal-kanċer. Dis- sena se jsuqu 1,000 kilometru minn Praga, Bratislava, Awstrija eċċ. Louis hu l-uniku Għawdxi li se jieħu sehem, "inħallas €220 biex nieħu sehem u nkun irrid niġbor sponsor ta' €2,200 biex tingħata għal kura tal-kanċer. Taf li qas ċenteżmu ma ġbart minn Għawdex. Irnexxieli niġbor €1,000 minn Amerikan li sar jafni mill-internet." Nofs ta' nhar tar f 'ħakka t'għajn, konna ilna tliet sigħat u nofs nitkellmu. Kien sar il-ħin li nħallihom u waqt li sellimt lil Louis u lil Adele tfaċċat il-kelba li hi tassew sabiħa u wara li daret darbtejn miegħi mort lura d-dar mimli enerġija pożittiva li ltqajt ma' persuna li mill-ħajja iebsa ra biss il-pożittiv. Persuna li ġġieled mal-ħajja u wara li rebaħ qed jagħti lura minn dak li rċieva meta kien tfajjel, anke jekk ħajtu bdiet fuq nota sfortunata. Louis mill-isfortuna sab il-fortuna. Il-Ħadd 02 ta' Marzu 2014 | illum 11 Gladjaturi tal-Ħajja Id-Don Bosco tal-Qala Louis Debattista – minn istitut f 'Għawdex għal negozju fl-Amerka "Kulma rrid li nibnu l-futur fuq l-isport u niġġieldu l-obeżità fit-tfal permezz tal-isport" "Offrejt li ngħallem il-PE jien lill-iskola kollha, mingħajr ħlas"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 2 March 2014