Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/281884
illum | Il-Ħadd 23 ta' Marzu 2014 Pulizija jagħlqu ċertu postijiet fil- Ħamrun, imma mhux kollha ILĦAMRUN, dak ir-raħal sinonimu mal-aqwa briju u festi fil-pajjiż, spiċċa bil-bars kollha tiegħu infurzati li jagħlqu l-bibien tagħhom u jitfgħu lill-klijenti kollha 'l barra fis-1am. Iżda l-ikbar ironija minn din l-istorja kollha hi li din il-Liġi, sal- ġurnata tal-lum, qiegħda tiġi attwata fil-Ħamrun biss. Tliet sidien ta' ħwienet li tkellmu mal-gazzetta 'Illum' matul din il-ġimgħa lmentaw mill-fatt li ilhom għal din l-aħħar sena jiġu ppersegwitati mill-Pulizija ta' Malta li jkunu stazzjonati fl- Għassa tal-Ħamrun. L-iktar li qiegħda ddejjaq lis-sidien hi li dawn ir-rondi qegħdin ikunu aktar puntwali l-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija, fejn il-bars ikollhom in-nies tal-weekends u ż-żgħażagħ li joħorġu wara l-10pm u jaraw il-bar tar- raħal tagħhom bħala l-ewwel tappa tal-lejla qabel jerħulha lejn xi post tad-divertiment f 'Paceville. L-aħħar każ simili reġa' ġara proprju l-Ġimgħa filgħaxija. Wieħed mis-sidien ta' dawn il-ħwienet qalilna, "Issa żżejjed kollu żejjed. Ilna sena sejrin hekk. Se joqtluni bil-ġuħ mingħalihom. Mhux talli rrid nitfa' n-nies 'il barra fis-1am issa, talli anqas nista' nagħlaq il-ħanut u noqgħod ġewwa nnaddaf. Fis-1am iridu lil kulħadd barra u l-bieb magħluq. Għidlu jħallina lis- Surġent." Ta' kuljum, malli jsiru nofsillejl, karozza tal-Pulizija fil-Ħamrun qiegħda ddur madwar it-toroq kollha tar-raħal, tieqaf quddiem il-ħwienet u l-bars u tistaqsi għal sid il-ħanut. Minnufih, il-Pulizija qegħdin jinfurmaw lil sid il-ħanut li huma qed ikunu mibgħutin minn Carmelo Bartolo, is-Surġent fl-Għassa tal-Ħamrun, biex jinfurmawhom jibdew jaħsbu biex fis-1am iqanfdu lil kulħadd 'il barra mill-bar u jagħlqu l-bibien. Carmelo Bartolo hu s-Surġent kontroversjali li għal din l-aħħar sena, mindu nbidel il-Gvern, ħoloq diversi intoppi lis-sidien tal-ħwienet kollha li fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali għamlu sigħat twal jiċċelebraw ir-rebħa tal-Partit Laburista. Dan il-ġurnal hu infurmat li dan kollu kien anki ġie rrappurtat lil xi Ministri tal-Gvern u uffiċjali tal-Partit Laburista tant li l-pressjoni fuq il-Ministeru tal-Intern biex Bartolo jintbagħat jieħu ħsieb xi Għassa fil-Mellieħa jew Għawdex kompliet tikber matul l-aħħar jiem u ġimgħat. "Minn dakinhar tal-elezzjoni sal-lum ma nafux x'ġara. Hawnhekk qatt ma kellna problemi ma' ħadd. Jekk il- Pulizija għandha problema b'xi bar jew ieħor għandha jkollha "l-bajd" biex tmur tagħlaq lilhom. U mhux biex tkun ċerta li tagħlaq lilhom iddur fuq il-bars kollha u tagħlaqhom fis-1am." Sid ieħor ta' bar fin-naħa ta' fuq ta' Triq il-Kbira qalilna li xi jiem ilu ġewh il-Pulizija f 'xis-1am u ordnawlu jagħlaq u jkeċċi lil kull min kien hemm. "Għall-ewwel kont se nisfidahom iżda mbagħad indunajt li ma jaqbillix. Ma qagħadx bi kwieti imma. Mort sal-Furjana u l-Belt. B'sorpriża sibt il-bars kollha ta' taħt il-loġoġ fi Triq Sant'Anna fil-Furjana u oħrajn max-xatt tal-Belt Valletta li għadhom miftuħin ġmielhom u mballata bin-nies jieħdu drink. Mistagħġbin x'kull mara kien hemm." Hu mifhum li l-bars kollha fil-Ħamrun qegħdin ikunu ordnati li jagħlqu fis-1am u jekk din l-ordni ma tiġix rispettata, is-sid tal-bar jitressaq il-Qorti mill-Pulizija. L-uniku bar li jidher li għandu permess ta' night club jinsab f 'nofs Triq il-Kbira, proprju preċiżament quddiem l-għassa tal-Ħamrun. Dan ifisser li dan il-bar għandu permess li jibqa' miftuħ sal-4am. S'issa ħadd għadu ma jaf għalfejn dan il-bar normali bħal ta' kulħadd għandu dan il-permess u bars oħra mhux jitħallew jaħdmu. Ikompli minn paġna 1 Il-PN b'żewġ ilmenti oħra kontra l-PBS ILPARTIT Nazzjonalista reġa' fajjar żewġ ilmenti oħra kontra l-Public Broadcasting Station għaliex skont il-Partit, ingħataw trattament ta' żbilanċ kontriehom fil-programm Dissett ippreżentat minn Reno Bugeja. F'ittra indirizzata lill-Kap tat- Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS, l-Oppożizzjoni lmentat mill- għażla tal-panel tal-preżentatur fil-programm tal-Ħamis. "Biex ma nsemmux il- kontroversja politika li qed iddur mal-proposta tal-Gvern biex jinbena LNG Terminal, il-PBS stieden żewġ esperti li huma favur dan il-proġett u individwu wieħed li hu kontra. "Tidher ċara li l-panel kien qiegħed hemm biex jimbotta 'l quddiem l-aġenda tal-Gvern, ftit jiem qabel l-attivitajiet politiċi tal-Ħadd li ġej (illum) u d-deċiżjoni tal-MEPA dwar il-proġett," argumenta l-PN fl- ewwel ilment tiegħu. Il-proposta tal-Gvern biex jagħmel terminal ta' Liquified Natural Gas (LNG) f 'Delimara kellha tispiċċa f 'argument politiku mill-aktar jaħraq bejn iż-żewġ mexxejja politiċi. Simon Busuttil, il-Mexxej tal-PN, akkuża lill-Gvern li qiegħed iġib l-interessi personali tiegħu qabel dak tar-residenti filwaqt li l-Prim Ministru Muscat jgħid li dan it-terminal hu sigur u li l-Oppożizzjoni qiegħda biss tipprova tbeżża' lin-nies. Fit-tieni lment lill-PBS, il-PN staqsa fuq il-bulettin tal- aħbarijiet tal-Ħamis filgħaxija. "Waqt l-aħbarijiet tal-Ħamis filgħaxija, il-PBS kellu servizz dwar il-flus lura tal-ħlas tal- VAT fuq il-vetturi u ta rapport estensiv fuq il-konferenza tal-Ministru Joe Mizzi, iżda fl-istess ħin naqas milli jaqra stqarrija li kien ħareġ il-PN fuq din l-aħbar," tgħid l-istqarrija tal-PN. Fl-istess stqarrija l-PN jgħid li l-mod kif inqrat l-aħbar fuq l-istazzjon nazzjonali tagħti x'wieħed jifhem li l-esperti kollha huma favur dan il-proġett u tipprova tirredikola l-espert li tkellem kontra dan il-proġett. Din kienet l-aħħar minn sensiela ta' lmenti li l-PN għamel kontra l-PBS. Fit-13 ta' Marzu li għadda, il-PN protesta kontra r-rappurtaġġ tal-ftehim bejn iċ-China Power Investment Corporation u l-Gvern u kontra r-rappurtaġġ tal-konferenza stampa tal-ewwel sena ta' Gvern Laburista. Bar wieħed biss għandu l-permess li jibqa' miftuħ sal-4am