Illum previous editions

ILLUM 6 APRIL 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/290778

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 35

Il-Ħadd 06 ta' April 2014 | illum 11 "Ma ridniex immissu l-qiegħ u nibqgħu hemm" "GĦIDLI xi tħoss meta tħares lejn ibnek u jgħidlek 'Ma, ħudli ftit mill-uġigħ?' Meta tisma' hekk qalbek tibki, tħossha tinqasam. Wara li għamel ħames snin isofri, kien wasal iż-żmien li ibni jistrieħ," tgħidli Valerie, omm tfajjel ta' 8 snin li inqas minn xahar ilu tilef il-battalja mal-kanċer. Battalja li bdiet meta Jacob Scerri kellu biss tliet snin. Kienu għand nanntu u talab lil missieru biex jieħdu sat-toilet. Kien hemmhekk li missieru nduna li Jacob kien qed inixxi d-demm mal-awrina. Biex ma jallarmawx lil tad-dar il-ġenituri ddeċidew li jistennew l-ikla tispiċċa u marru dritt fiċ-ċentru tas-saħħa ta' Raħal Ġdid, li qalulhom li aħjar jibqgħu sejrin Mater Dei. Wara xi testijiet, saru jafu li Jacob ħariġlu tumur imma assigurawhom li kellu 90% ċans li jiġi kkurat. Bdew il-kimoterapija u ġie operat. Xahrejn biss wara li spiċċa l-kimoterapija, tfaċċaw traċċi fil-pulmun u kellu jintbagħat ir-Renju Unit għat-trattament. Wara aktar minn sitt xhur ta' kimoterapija intensiva u operazzjoni tal-bone marrow, Jacob irritorna Malta. Kien iż-żmien fejn seta' jgawdi ftit aktar lil ħuh, sena u erba' xhur biss iżgħar minnu. Valerie tgħidli li kienu jqisu lil xulxin bħala l-aqwa ħbieb u jqattgħu ħin twil jilagħbu flimkien. Iżda ż-żgħir beda jaħseb li Jacob ma riedx jilgħab aktar miegħu meta sentejn wara li wasal Malta, Jacob kellu jirritorna r-Renju Unit għax reġa' tfaċċalu t-tumur għat-tielet darba. "Kien jgħidli li Jacob ma riedx jilgħab miegħu aktar u li m'għadux iħobbu. Ma kienx jaf li Jacob kien ikun wisq dgħajjef fiżikament biex jilgħab wara l-kimoterapija. Lill-ebda minnhom m'għednilhom x'verament kien qed jiġri, ma ridniex ngħabbuhom b'responsabbiltà żejda f 'dik l-età. Imma meta tfaċċa għat-tielet darba, Jacob beda jirrealizza li kien hemm xi ħaġa li mhux sew," tirrakkonta Valerie. Meta tela r-Renju Unit reġa' ħa aktar kimoterapija u għadda minn taħt operazzjoni oħra biex jitneħħilu t-tumur u parti mill- kustilji. Wara ftit xhur niżlu lura Malta u kompla bil-kimoterapija bħala prekawzjoni. Imma avolja kienu lura Malta, il-ġenituri ta' Jacob kien għadu jidwi f 'widnejhom dak li qalilhom konsulent tal-onkoloġija fir- Renju Unit. "Jacob ixxurtjat ħafna li wasal s'hawn, tfal oħra ma kellhomx l-istess xorti. Jekk jitfaċċa darb'oħra, ħallu t-tifel jgħix bl-aħjar mod l-aħħar xhur għax ikun għalxejn aktar trattament, morru u gawdu lit-tifel." Dan kien il-parir tal-konsulent lil Valerie u żewġha. Iżda x-xorti ftit li xejn daħqitilhom. Fi Frar 2012 skoprew li t-tumur kien infirex anke f 'moħħu, u din id-darba kellu jkun letali. Il-professjonisti Maltin tawh sitt xhur ħajja u qalulhom li setgħu jagħmlu l-kimoterapija biex itawlulu ħajtu bi ftit. Imma Valerie tgħid li f 'dak il-punt Jacob kien imxebba mit-terapija u l-isptarijiet, fejn qatta' nofs ħajtu minkejja l-età żgħira tiegħu. Iddeċidew li jieħdu lil Jacob lura d-dar u jgħixu l-aħħar xhur bl- aħjar mod li setgħu. "M'għednilux x'kien se jiġri. Pruvajna ntuh ħajtu lura mill-ġdid, u tant ried jgħix li minn sitt xhur għex għal aktar mid-doppju, total ta' 13-il xahar, 'l bogħod mill-isptarijiet u t-terapija." Il-ġenituri kienu jafu kif kellha tispiċċa, u fl-aħħar sigħat ħadu lil ħu Jacob l-isptar biex jarah għall-aħħar darba, ma setgħux jaħbuħ aktar mir-realtà kiefra li kien qed jgħaddi minnha ħuh. "Ma ridnix li ż-żgħir jibqa' jberren għalfejn ħuh ma kienx se jiġi lura d-dar. Ridna ntuh sens ta' closure biex jagħmel sens minn dak li kien qed jara. Rah l-isptar u rah wara li miet. Fil-jiem ta' wara l-mewt ġie jsaqsina fejn hu Jacob u li jridu lura, imma nista' ngħid li mal- ewwel irkupra. Jekk tifel tħallih fid-dlam dwar x'ġara iktar agħar," tissokta tgħid l-omm żagħżugħa. Hi tħares lura u tirringrazzja lil Puttinu li akkumpanjaha matul il-kalvarju kollu. "Imnalla kien Puttinu. Meta dħalna fil-ward qalulna 'intom ħudu ħsieb it-tifel u l-bqija ħalluh f 'idejna.' U vera hekk kien, ħallsulna kollox meta morna l-Ingilterra, imma mhux għajnuna finanzjarja biss. Apprezzajna l-appoġġ psikoloġiku, ftit ftit jidħlu parti mill-familja tiegħek. Imnalla kienu huma li offrewlna serħan tal-moħħ f 'dak iż–żmien iebes." Bqajt impressjonat bil-mod kif Valerie baqgħet pożittiva minkejja dak kollu li għaddiet minnu, imma hi tgħid li l-agħar żmien kien waqt il-marda u mhux wara l-mewt. "Id-disprazzjoni kienet waqt il- marda għax ma stajt nagħmillu xejn. Straħna li t-tifel straħ, wara l-mewt ħassejna ċertu paċi f 'qalbna, nafu li t-tifel issa qiegħed alright. Dawn l-aħħar ħames snin u nofs kienet mixja ta' fidi u ersaqt aktar lejn Alla. Allaħares ma kienetx il-fidi għax kont nikkrolla," tispjega omm Jacob. L-imħabba li kellu Jacob għall-oħrajn spikkat aktar minn jiem oħra meta kien iddeċieda li jibda jiġbor il-flus għat-tfal fil-bżonn tal-Brażil. Ommu tirrakkonta li kienet avviċinata minn missjunarju u wara li tagħtu d-donazzjoni tagħha, staqsiet lit-tfal jekk ħassewx li kellhom jagħtuh xi ħaġa mill- portmoni li kellhom fuqhom. "Kont tajthom portmoni kull wieħed biex jekk jogħġobhom xi ħaġa, jixtruha. Wara li staqsejthom jekk ridux jagħtu lil missjunarju xi ħaġa tal-flus, Jacob ħareġ karta tal-€50 u tahilu. Il-missjunarju baqa' jħares lejja u staqsieni jekk hux se nħallih itihielu, u dam jirringrazzjah meta għidtlu li tahielu minn qalbu!" Bi tbissima Valerie tirrakkonta li dak kien biss il-bidu, għax iddeċieda li jibda jiġbor il- flus għal dawn it-tfal. Kien irnexxielu jiġbor kważi elf ewro u meta ppreżentaw is-somma lil missjunarju, dan tant apprezza li qallhom li darba f 'sena, dawn it-tfal tal-Brażil kienu se jibdew ifakkru l-'Jacob's Day'. Minkejja r-realtà kiefra, il- ġenituri kienu jafu li kellhom jimxu 'l quddiem u jgħożżu l-memorja ta' Jacob. "Ma ridniex li mmissu l-qiegħ u nibqgħu hemm, ridna nkomplu nimxu 'l quddiem b'ħajjitna. Kien imiss li niffukaw aktar fuq ħajjitna u fuq iż-żgħir, li minħabba Jacob konna nagħtu kasu imma dejjem kien hemm limitu peress li l-attenzjoni tagħna kienet meħudha mill- bżonnijiet ta' Jacob. Kellna nirrikonoxxu li dan hu dak li għandna, ma nistgħu nbiddlu xejn, inutli nsaqsu għalfejn, allura għandna nagħmlu l-aħjar milli għandna biex nimxu 'l quddiem." Jacob għadda għal ħajja ta' dejjem fit-12 ta' Marzu li għadda. Kien biss fl-aħħar jiem li ommu bdiet tiftakar f 'memorji aktar sbieħ 'il bogħod mill-marda. "Hu proċess li jieħu ż-żmien, fl-ewwel jiem wara l-mewt kienet il-marda li ddominat il-memorji li kelli tiegħu. Imma ftit ftit bdejt niftakar fil- karattru nebbiexi li kellu, meta kont inkun ħdejh fis-sodda. Ma nistax ninsa meta konna nkunu wiċċ ma' wiċċ u joqgħod imellisni, hija xi ħaġa li se tibqa' f 'qalbi." Hekk kif nibdew intemmu l-intervista Valerie tiġi lura fir-realtà hi u tgħin liż-żgħir f 'xi problema tal-homework. "Issa din hi l-ħajja tiegħi, li nkompli ngħix ħalli xi darba mmur ħdejh. Dak huwa l-għan tiegħi issa," ttemm tgħid Valerie. Għidli xi tħoss meta tħares lejn ibnek u jgħidlek 'Ma, ħudli ftit mill-uġigħ?' Ma nistax ninsa meta konna nkunu wiċċ ma' wiċċ u joqgħod imellisni, hija xi ħaġa li se tibqa' f 'qalbi James J. Piscopo jjpiscopo@mediatoday.com.mt Saru jafu li Jacob ħariġlu tumur imma assigurawhom li kellu 90% ċans li jiġi kkurat Ħallu t-tifel jgħix bl-aħjar mod għax għalxejn jirċievi aktar trattament

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 APRIL 2014