Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/298227
20 illum | Il-Ħadd 20 ta' April 2014 FLARTIKLU tal-ġimgħa l-oħra esprimejt ċertu tħassib dwar il-burdata pessimista li ħakmet lil uħud minna u rajt il-kuntrast kbir bejn it-tama espressa mill-ikoni popolari ta' ħamsin sena ilu u oħrajn tal-ġenerazzjoni ta' wara li, diżillużi bil- mewt kważi naturali tar- rebbiegħa ttamata osservaw deġenerazzjoni sħiħa fis-soċjetà u r-rebħa ta' prinċipji neoliberali li jpoġġu l-konsum qabel l-essenza. Dan ktibtu anki fid-dawl ta' dak li ġara u qiegħed jiġri lokalment. Iżda matul din il-ġimgħa seħħew avvenimenti li sa ċertu punt jikkontradixxu l-pessimiżmu f 'dak li ktibt ġimgħa ilu u xtaqt, anki biex inkun ġust mad-dinja tiegħi, ngħaddi kumment fuqhom. Ħafna qegħdin jaraw li dak li ġara nhar it-Tnejn li għadda fil-kamra tar-rappreżentanti tagħna jimmarka mument storiku. Il-liġi li tagħti dritt lil persuni omosesswali li jidħlu f 'unjoni ċivili u li japplikaw, bħala familja, għal adozzjoni ta' wlied qiegħda titqies bħala mument kbir li l-Istat Malti daħal għalih b'responsabbiltà kbira, deċiżjoni li tagħti lil din il-komunità l-istess drittijiet li l-istat jagħti lill-komunità eterosesswali. L-astensjoni tar- rappreżentanti Nazzjonalisti ġiet ikkritikata b'qawwa kbira għaliex il-burdata li tqajmet, bħal dejjem bis- sehem kbir ħafna tal-mezzi tax-xandir b'kollegamenti live minn Pjazza San Ġorġ (li issa qegħdin isiru r-ritwal regolari kull darba li tiġri xi ħaġa straordinarja), kienet waħda ta' ċelebrazzjoni u festa, filwaqt li din l-astensjoni wriet lin-Nazzjonalisti bħala konservattivi u beżżiegħa jekk mhux ukoll insensittivi għad- drittijiet ta' ħaddieħor. L-irjus baxxuti tar-rappreżentanti Nazzjonalisti u l-mixja mgħaġġla tagħhom 'il bogħod mill-Pjazza kkuntrastat ħafna max-xeni glorjużi tal-kumplament tal-Kamra u tal-folla kbira miġbura hemmhekk. Taf tqum il-mistoqsija jekk l-għarfien li l-Istat ta għad- dritt ta' din ll-komunità omosesswali għall-unjoni ċivili bejn membri tagħha u d-dritt għall-applikazzjoni ta' addozzjoni ta' wlied huwiex rifless fl-opinjoni ġenerali tal-poplu; fi kliem ieħor jekk l-Istat u l-Poplu Malti humiex mixjin sinkronizzati u id f 'id f 'dan ir-rigward. Il-Partit Nazzjonalista semma li hemm tmenin fil-mija tal-poplu li mhuwiex favur id-dritt għal addozzjoni u ressaq din il-figura bħala r-raġuni ewlenija għala l-membri parlamentari tiegħu astjenew għall- vot tal-liġi. Jekk qiegħed ninterpreta sewwa d-diskors ta' Joseph Muscat fi Pjazza San Ġorġ dik il-lejla wara l-vot, huwa konxju li jista' jkun hemm maġġoranza sostanzjali tal-poplu li effettivament hija kontra dak li illeġiżla l-Istat u allura, dejjem jekk fhimtu tajjeb, il-pass naturali li jmiss huwa li l-Istat jaħdem, preżumilment permezz tal-edukazzjoni, biex iressaq lill-Poplu fejn diġà wasal hu: għarfien u aċċettazzjoni (mhux sempliċiment tolleranza) tad-dritt fundamentali tal-bnedmin li jkunu ugwali irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Fuq kollox naħseb li ċ-ċelebrazzjonijiet li kien hemm nhar it-Tnejn il- Belt joffru opportunità għar-rikonoxximent ta' numru ta' nies li wrew perseveranza kbira fil-ħsieb u l-attiviżmu tagħhom. Dan ma jgħoddx għall-komunità omosesswali Maltija biss, ovvjament, imma għall-komunità omosesswali dinjija li bil-paċenzja kollha, bl-uġigħ u t-tbatija kisbet imqar xi ħaġa minn dak li ħadmet għalih. Fl-istess waqt wieħed ma jistax lanqas iwarrab il-weġgħa ta' nies li ħarġu fil-miftuħ l-orjentazzjoni sesswali tagħhom fl-istess waqt li baqgħu jaderixxu għal partit li bil-vot tiegħu fil-parlament ħadha kontrihom. L-Istat Malti għamel pass li stati oħrajn mhux biss għadhom ma għamlux, imma għadhom jopponuh b'mod attiv u forsi anki aggressiv. Naħseb li nkunu qegħdin nilludu rwieħna jekk imqar nippruvaw nikkonvinċu lilna nfusna li dan il-pass verament storiku (u iktar u iktar meta wieħed iqis li Malta kienet għadha mingħajr liġi tad-divorzju sal-2011) se jxejjen sentimenti u elementi omofobiċi. Filwaqt li ħafna mill-mezzi tax-xandir, fiż-żelu tagħhom għall-immedjatezza tal-aħbar, setgħu wasslu l-messaġġ li d-differenza saret aċċettata u anki ċċelebrata, l-omofobija, bħar-razziżmu u l-mibegħda bejn reliġjonijiet differenti, għadha fenomenu soċjali b'saħħtu ħafna. Malta qiegħda tissieħeb ma' numru ta' pajjiżi oħrajn li fehmu li l-omosesswali għandhom id-dritt li jkunu bħall-oħrajn iżda għad hemm ħafna pajjiżi li qegħdin jopponu b'qawwa kbira dan il-kunċett. Anki fi ħdan pajjiżi li għarfu li d-differenza fl-orjentazzjoni sesswali m'għandhiex twassal għal diskriminazzjoni, l-omofobija għadha realtà kerha daqs il-fobiji soċjali l-oħra. Ir-rapport maħruġ ftit inqas minn sena ilu mill- Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ħabbar li 47% minn kważi 95,000 persuna li wieġbet għas- sondaġġ kienet iddiskriminata b'modi differenti fuq bażi tal-omosesswalità tagħha. Persentaġġ minn dawn irrappurtaw ukoll li kienu mhedda u vvjolentati fiżikament. Minn dan is- sondaġġ ħareġ, pereżempju, li fl-iskejjel, il-ħajja ta' dawk li huma omosesswali taf tkun infern, nies omosesswali jiġu ddiskriminati meta japplikaw għal xi mpjieg, waqt li ħafna oħrajn, għalkemm ħarġu bħala omosesswali jispiċċaw jiċċensuraw imġibthom fil- pubbliku u saħansitra jevitaw li jmorru f 'ċerti postijiet. Għaldaqstant inħoss li f 'dan il-mument ta' ewforija (ġustifikata) b'reazzjoni għal dak li seħħ it-Tnejn, għandna wkoll nerfgħu ftit ħsieb għal dawk li l-orjentazzjoni sesswali tagħhom għadha sservihom ta' kalvarju li ġġegħelhom jaffaċċjaw l-uġigħ li jġib miegħu l-bulliżmu li jgħaddu minnu, id-diskriminazzjoni mqar f 'affarijiet żgħar fil- ħajja ta' kuljum, kif ukoll sens ta' mistħija u inferjorità imposti fuqhom minn kultura li għadha tħoss li l-eterosesswalità hija n-norma u l-liġi tan-natura. Diversi skulari qegħdin josservaw illi ħafna drabi, jekk mhux dejjem, id-diskors dwar drittijiet ugwali ta' bnedmin b'orjentazzjonijiet sesswali differenti jieħu l-attitudni li l-eterosesswalità hija n-norma u allura tittieħed b'benfatt, waqt li l-omosesswalità qiegħda tiġi studjata, osservata u, aktarx, permessa fil-livell tan-norma. Ħassieba bħal Louis-Georges Tin, mill-banda l-oħra jinsistu li anki l-kultura eterosesswali għandha tiġi studjata. Tin huwa wieħed minn diversi osservaturi li jsostnu li l-eterosesswalità hija 'biss' proċess storiku u għaldaqstant mhix universali. Dan l-argument jagħmel distinzjoni bejn il-fatti bażiċi bijoloġiċi u dawk kulturali li huma ħafna aktar kumplessi. Huwa jressaq il-ħsieb tiegħu billi jippreżenta mumenti fl-Istorja li jixhdu li kien hemm bidliet kulturali li wasslu biex isawru argumenti u attitudnijiet li huma diskriminatorji, fosthom l-omofobija u l-ideoloġija eterosesswali. Ġaladarba l-liġi Maltija se tagħmilha possibbli li jkollna tfal b'ġenituri tal-istess sess, it-theddida tal-omofobija se tikber għax se jkun possibbli wkoll li minbarra l-adulti omosesswali jista' jkun hemm tfal, ulied, bħala vittmi. Is-17 ta' Mejju huwa l-Jum Internazzjonali Kontra l-Omofobija u t-tema ta' din is-sena se tkun appuntu l-omofobija kontra tfal b'ġenituri tal-istess sess. L-Istat Malti jrid issa jaħdem biex, wara li lleġiżla favur familji b'ġenituri bl-istess sess, iniedi kampanji edukattivi biex kemm jista' jkun jiġġieled kontra sentimenti omofobiċi li jista' jkollhom lil dawn l-ulied fil-mira tagħhom. It-tfal iridu jiġu protetti minn kull tip ta' fastidju u hija r-responsabbiltà netta tal-Istat li jipproteġi lit-tfal kollha, l-aktar dawk li jistgħu jkunu suġġettati għal vjolenza simbolika. IMMANUEL MIFSUD L-GĦADA TAL-FESTA L-istat irid iniedi kampanji edukattivi biex jiġġieled kontra sentimenti omofobiċi li jista' jkollhom dawn l-ulied fil-mira tagħhom