Illum previous editions

illum 20 April 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/298227

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 35

8 illum | Il-Ħadd 20 ta' April 2014 Il-Futur tal-Kunsilli Lokali GĦOXRIN sena wara t-twaqqif tal-Kunsilli Lokali huwa żmien xieraq li wieħed jieqaf u jirrifletti dwar il- ħidma tal-Kunsilli matul dan il-perjodu. Wieħed jistaqsi: Il-Kunsilli Lokali qed jaqdu l-irwol li għalih inħolqu? Qed iservu biex iħarsu l-interessi tal- lokalitajiet u tar-residenti li jaqgħu taħthom jew qed iservu bħala livell ieħor ta' burokrazija li nistgħu ngħaddu mingħajru? Minnu li hemm min, sew jekk elett u mhux, għamilhom il-fewdu personali tiegħu? Fuq livell superfiċjali jidher li s-sistema tal-Kunsilli Lokali daħlet sew f 'pajjiżna. Iżda meta ssir analiżi aktar fil-fond wieħed jista' jgħid li l-maġġoranza taċ-ċittadini u tar-residenti fil-lokalitajiet tagħna għadhom ma fehmux sew x'inhu r-rwol eżatt tal-Kunsill (u dak li ma jaqax taħt il-funzjoni tal-Kunsill), sa fejn jista' jasal Sindku jew Kunsillier, u min hu u x'inhuma l-obbligi, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tas- Segretarju Eżekuttiv. U meta wieħed minn dawn ma jaqdix id-dmirijiet tiegħu kif suppost jew jikser il-liġi, x'passi jistgħu jittieħdu u min għandu jeħodhom? Suġġett mill-aktar jaħraq li għandna niddiskutu huwa jekk hemmx lok li għandna daqshekk Kunsilli Lokali. Bħalissa f 'Malta u Għawdex hawn 68 Kunsilli Lokali u 16-il Kumitat Amministrattiv, bl-ironija li ċerti Kumitati Amministrattivi huma akbar minn xi Kunsilli Lokali. Hawn tqum id-domanda: hemm bżonn li jiżdiedu l-Kunsilli Lokali jew għandna nnaqqsu l-parrokkjalità tagħna u naħdmu fuq bażi simili tad-distretti li jintużaw fl- elezzjonijiet ġenerali jew fuq bażi reġjonali? Tliet snin ilu ddaħħal il-kunċett ta' reġjuni – fejn f 'Malta għandna erba' Kumitati Reġjonali u f 'Għawdex għandna wieħed. F'dan iż-żmien dawn il- Kumitati Reġjonali kellhom funzjoni limitata ħafna – prattikament dak li jmexxu s-sistema tal-infurzar lokali, jiġifieri dik tal-gwardjani lokali. Dan l-irwol qabel kien f 'idejn il-Kunsilli Lokali iżda għadda għand il-Kumitati Reġjonali – bil-konsegwenzi finanzjarji negattivi li dan kellu fuq id-dħul ta' bosta Kunsilli. Bħalissa hu fatt li l-maġġoranza assoluta tal- Kunsill huma kontra kif ġew introdotti dawn il-Kumitati Reġjonali u huma ħerqana biex jaraw riforma radikali ta' kif qed taħdem din is-sistema. Iżda jekk issir riforma, x'għandu jkun l-irwol tar- Reġjuni? X'poteri u dmirijiet għandu jkollhom? X'riżorsi jeħtieġu biex jistgħu jaħdmu sew? Ta' sikwit tqum mistoqsija oħra: Hemm lok li s-Sindki jkunu fuq bażi full-time? Jekk iva, din il-possibbiltà għandha tingħata biss lil Kunsill fejn hemm iżjed minn disa' kunsilliera (jiġifieri f 'lokalitajiet b'aktar minn għaxart elef resident) jew għandha tgħodd għal kulħadd? Għandu jkun is- Sindku nnifsu li jagħżel jekk ikunx full-time jew le? U meta għandha tittieħed din id-deċiżjoni u ssir pubblika – qabel jikkontesta jew wara li jiġi elett? Mistoqsija li saret ftit snin ilu u li nħoss għandha terġa' ssir hi jekk wasalx iż- żmien li jiddaħħal terminu massimu ta' kemm Sindku u Segretarju Eżekuttiv jista' jdum fl-istess kariga fl-istess Kunsill, pereżempju, tul żewġ leġislaturi li jammontaw b'kollox għal tmien snin. Inqis li din hija konsiderazzjoni valida mhux biss għaliex b'mod ġenerali wara ċertu żmien l-enerġija, il-ħeġġa u l-ideat jibdew imajnaw, iżda hija anki miżura favur it- trasparenza. Hemm istanzi fejn il-liġijiet li jirregolaw il-Kunsilli Lokali huma burokratiċi żżejjed u li jimminaw ix-xogħol tal-istess Kunsilli. Kif nistgħu nagħmlu l-liġijiet dwar il-Kunsilli iktar sempliċi biex wieħed jifhem u jimxi magħhom bis-sħiħ? Pereżempju, kif nistgħu nżommu fis-seħħ regola fejn meta Kunsill ikun se jdaħħal xi ħaġa tal-flus irid bilfors jgħaddi by-law – bl-ispejjeż involuti u ż-żmien meħtieġ sabiex dan jiġi fis-seħħ? Filwaqt li naqbel dwar il- ħtieġa ta' ċerti salvagwardji, jidher ċar li r-regola preżenti mhux proporzjonata u ġġib magħha burokrażija żejda. Mistoqsija oħra importanti hi dwar id-Dipartiment tal-Gvern Lokali: Dan id- Dipartiment jista' jitħalla kif inhu? Kemm hu aċċettabbli li dipartiment li suppost jgħin u jiggwida l-Kunsill jibqa' mutu f 'ħafna każijiet jew saħansitra jostakola l-ħidma tal-Kunsill, għax aktar iva milli le jafu li meta jressqu xi domanda quddiem dan id-dipartiment ma jkollhom ebda ħjiel dwar meta se jieħdu tweġiba? Jista' sena wara l-oħra, speċjalment f 'dawn l-aħħar snin, jibqa' wieħed mill-agħar dipartimenti fiċ-ċivil fejn tidħol effiċjenza, viżjoni u leadership? Inħoss li wasal iż-żmien li jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi u drastiċi li jikkunsidraw u jsolvu tassew il-problemi kbar li qed jiffaċċjaw il-Kunsilli Lokali; deċiżjonijiet li mhux bilfors wieħed ser jifhimhom u jaqbel magħhom mill-ewwel, iżda deċiżjonijiet li wara ftit taż-żmien inkunu nistgħu nħarsu lura u ngħidu li kienu l-aħjar għażla li setgħet saret. Għal dan il-għan, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali waqqaf grupp ta' ħidma biex janalizza b'mod dettaljat dawn id-domandi u ħafna oħrajn bil-ħsieb li joħroġ bi proposti konkreti li jistgħu jiġu attwati skont ir-realtajiet ta' pajjiżna. Għalkemm dan il-grupp hu ffurmat minn numru żgħir ta' Kunsilliera, dan għandu jisma' l-ideat tal-Kunsilliera, tas-Segretarji Eżekuttivi u tal-pubbliku inġenerali biex ir-rapport finali jkun wieħed komprensiv ibbażat fuq pedamenti sodi. Tajjeb li ngħid li f 'dan il-proġett ser ikollna l-għajnuna tal-Kunsill tal-Ewropa permezz tas- "Centre of Expertise for Local Government Reform" – għajnuna possibbli grazzi għall-kuntatti siewja li jsiru meta nattendu laqgħat ta' din l-istituzzjoni fi Strasburgu. Għalhekk, kull min hu interessat li jgħaddi s-suġġerimenti tiegħu għandu jibgħat imejl fuq lca@lca.org.mt jew jibgħat ittra f 'dan l-indirizz: Local Councils Association, Local Government Building, Triq il-Gvern Lokali, Marsa Industrial Estate, Marsa. Dr Marc Sant hu l-President, tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali DR MARC SANT Il-Punt ILLIĠI tal-Unjoni Ċivili se tkun diskussa waqt il-programm Reporter li jixxandar live għada filgħaxija fis-6.55pm fuq TVM. Il-mistiedna ta' Saviour Balzan din il-ġimgħa se jkunu Gaby Calleja f 'isem l-MGRM, il- kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer, Claudette Buttigieg Deputat Nazzjonalista u kelliema dwar l-ugwaljanza u Arnold Cassola, ċermen tal- Alternattiva Demokratika u kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f 'isem l-istess partit. Din id-diskussjoni se tkun qed isseħħ eżatt fi żmien ġimgħa minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi li tirrikonoxxi l-Unjoni Ċivili bejn tnejn min-nies tal-istess sess inkluż ukoll id-dritt li jadottaw it-tfal. Reporter għandu produzzjoni u preżentazzjoni minn Saviour Balzan mgħejun mill-ġurnalist Frederick Attard. Il-programm ikollu ripetizzjoni għada stess fl-10.15pm fuq TVM 2. Il-liġi tal-unjoni ċivili diskussa għada f 'Reporter ILLIĠI tal-Unjoni Ċivili se tkun diskussa waqt il-programm Reporter li jixxandar live għada filgħaxija fis- 6.55pm fuq TVM. Il-mistiedna ta' Saviour Balzan din il-ġimgħa se jkunu Gabi Calleja f 'isem l-MGRM, il-kandidat Laburista għall- elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer, Claudette Buttigieg Deputat Nazzjonalista u kelliema dwar l-ugwaljanza u Arnold Cassola, ċermen tal-Alternattiva Demokratika u kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f 'isem l-istess partit. Din id-diskussjoni se tkun qed isseħħ eżatt f 'għeluq il-ġimgħa minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi li tirrikonoxxi l-unjoni ċivili bejn żewġ persuni tal-istess sess inkluż ukoll id-dritt li jadottaw it-tfal. Reporter għandu produzzjoni u preżentazzjoni minn Saviour Balzan mgħejun mill-ġurnalist Frederick Attard. Il-programm ikollu ripetizzjoni għada stess fl-10.15pm fuq TVM 2. Ritratt: Ray Attard jixxandar għada fis-6.55pm

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 20 April 2014