Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/306558
8 illum | Il-Ħadd 04 ta' Mejju 2014 Il-qtil ta' Freddie Fenech f 'Santa Venera "Xi ħadd kien qed jiġbed ritratti tal-faċċata" KIF rajna l-ġimgħa li għaddiet Freddie Fenech inqatel waqt 'hold-up' eżatt quddiem ir-residenza tiegħu fi Triq il-Barrieri f 'Santa Venera. Erba' persuni f 'karozza Escort li rriżultat kienet misruqa sparaw tliet tiri ta' pistola, tnejn minnhom laqtuh f 'sidru u qatluh. Fil-jiem li għaddew tkellimt mal-armla, Mary Fenech li llum għandha 76 sena. "Ilhi li ħfirtilhom. B'hekk biss sibt il-paċi, imma nixtieq li ssir ġustizzja", stqarret mal- gazzetta Illum il-mara. X'kien jagħmel Freddie Fenech? Freddie kien burdnar u l-garaxx kienu jużawh bħala maħżen fejn kienu jżommu xkejjer tas-siment. Il-kumpanija li kienet iġġib is-siment kienet qalet lil Freddie li jekk ried seta' jbiegħ is-siment hu stess l-aktar meta tkun dieħla konsenja ġdida u għaldaqstant il-qliegħ kollu kien jieħdu hu. Mary qaltli li kienu jbiegħu s-siment tliet ċenteżmi orħos kull xkora. Allura dak li jkun kien jiffranka xi ħaġa, speċjalment il-bennejja. Ġieli anke nhar ta' Ħadd fis-6am kienu jmorru jħabbtulhom biex jixtru s-siment biex ikunu lesti għat-Tnejn filgħodu. Meta staqsejt lil Mary għaliex Freddie kien iżomm flus fuqu, hija qaltli li żewġha kien ibigħ is-siment il-ħin kollu. Fil-fatt għalhekk kienu jafuhom bħala 'Tas- Siment.' Dik il-ġimgħa li nqatel Freddie kien għadda lill-kumpanija, li kienet il-Blata l-Bajda, madwar Lm9,000 (€20,970). Mistoqsija kemm kien hemm nies li kienu konxji li Freddie kien ikollu dawk l-ammonti kbar ta' flus, Mary qalet li kull min kien jaħdem miegħu kien jaf. Minbarra hekk huwa kien iħallas quddiem kulħadd u kien dejjem iżomm ammonti sostanzjali ta' flus għax kien iġib ix-xogħol u jħallas mill- ewwel. Il-garaxx kien ikun mimli daqs bajda, kien jesa' madwar 35,000 xkora siment. Freddie ma kellu ebda kont jew flus il-bank. Kien jitħallas u jħallas bi flus kontanti quddiem ħafna nies. "Qatt ma beża' li seta' kien hemm xi ħadd li kien qiegħed jistadu. Ġieli kien jieħu l-flus kollha u lanqas kien iħalli xejn id-dar biex imur jixtri", irrakkontat Mary Fenech. Huwa kien jgħidilha, "issa jinqala' vjaġġ u l-flus jidħlu." Staqsejt lill-armla jekk kellix suspett li dawk li qatlu lil żewġha, setgħux kienu l-istess nies li tliet xhur qabel daħlu jisirquhom. Risposta qasira u immedjata kienet "jista' jkun." Iżda meta daħlu u serqulhom id-deheb, Freddie ma riedx jagħmel rapport għand il-Pulizija għax ħabib tiegħu kien spiċċa vittma ta' ħallelin u meta kienu marru l-Pulizija tal-Marki tas-Swaba' kienu għamlulu ħafna marki mal- għamara u spiċċa bi spiża akbar milli serqulu biex naddaf l-għamara. Però meta qatlu lil Freddie hija kienet qalet lill-Pulizija bil-każ minħabba li mal- ħajt u mal-katusa kien għad hemm il-marki taż-żarbun ta' wieħed mill-ħallelin. Min xiex għaddiet l-armla Mary ma kienet tmur imkien mingħajr Freddie. Għaldaqstant it-trawma li tara l-iktar persuna li tħobb tmut quddiemek, u l-mod kif inqatel, kienu l-ikbar trawma għaliha qaltli Mary. Kienu mumenti iebsin ħafna, l-aktar meta kellha tmur il-kamra mortwarja biex tiddentifika l-kadavru ta' żewġha. "Iebsa ħafna. Tarah hemm mejjet. Jien mhux minn dawk li ninfaqa' nibki u niżvoga. Inżomm ġo fija. Iżda dakinhar ma flaħtx," kienet stqarret Mary miegħi. Hija kompliet tgħidli li Freddie kien qisu rieqed, iżda kienet taf li din id-darba ma kienx se jqum minn dik ir-raqda. Freddie ma kienx xi bniedem storbjuż, imma d-dar kien jimliha. Meta miet waqa' silenzju kbir. Mary qalet li għamlet xi jiem tgħix ma' oħtu u kienet sabet għajnuna kbira mill- familja kollha u l-ħbieb. Meta reġgħet marret lura d-dar sabet ruħha waħidha. Tfal ma kellhomx u allura d-dar aktar inħasset vojta bin-nuqqas ta' Freddie ħabta u sabta. Għamlet sena tmur id- Depot tal-Pulizija Mary għamlet żmien twil tmur id-Depot tal-Pulizija, kemm minħabba l-każ kif ukoll minħabba xi inġenji li kellhom. "Għamilt kważi sena mmur id-Depot għalxejn. Dwar il-każ ħadd qatt ma qalli xejn mill-Pulizija. Minkejja li għaddew is-snin ħadd qatt ma kien qal xejn lil Mary fejn kienu waslu l-investigazzjonijiet jew jekk kinux sabu xi ħaġa jew jekk kienx hemm xi ħadd issuspettat. Għal xi żmien kien ikun hemm Pulizija għassa quddiem il-bieb tagħha li kien ordnat hemm bħala sigurtà u minħabba li kienet xena ta' reat. Mistoqsija jekk Freddie kellux xi għedewwa, Mary qaltli li l-istess mistoqsija kienu staqsewhielha l-Pulizija. Hija qalet li l-kelma 'għedewwa' lanqas taf x'kienet tfisser. Hija ftakret li ftit qabel ma qatlu lil Freddie, kien mar neputi tagħha u qalilha li ra raġel jiġbed ir-ritratti tal-faċċata tad-dar. Jista' jkun li kienu qegħdin jippjanaw il-każ, iżda meta dan induna li n-neputi kien qed iħares lejh, telaq mill-ewwel. Mary stqarret miegħi li għamlet żmien wara li qatlu lil żewġha toħroġ fil-gallarija u tittawwal għal barra u dawk li kienu jgħaddu u jħarsu lejha, kienet thewden jekk kienx wieħed minnhom li qatlilha lil żewġha. Knisja Evanġelika Madwar 20 sena wara t-traġedja, Mary reġgħet tgħammdet biex bdiet issejjaħ lilha nnifisha bħala "Kristjana Mwielda mill- Ġdid." Fil-fatt il-maħżen tas- siment, li quddiemu nqatel Freddie, kienet dawritu fi knisja tant li llum hemm il- knisja Evanġelika Trinità. Ix-xewqa ta' Mary Fenech kienet li dan il-post isir tempju biex b'hekk Freddie jibqa' ħaj. Mary kienet qaltli li t-talb tagħha ma kienx biss għal żewġha, imma wkoll għal dawk li qatluh. Kien biss madwar tliet snin ilu li ma baqgħetx tgħix Santa Venera. Wara li biegħet il-post marret toqgħod il-Gżira fejn fil-jiem li għaddew mort inkellimha. Il-ħajja tal-koppja Fenech Il-koppja saru jafu lil xulxin meta Freddie kellu 17-il sena u Mary kellha 18. Hija kienet għaxar xhur ikbar minn Freddie. Iżżewġu tmien snin wara, is-Sibt 18 ta' Lulju, 1964 u kienu ilhom miżżewġin 16-il sena. Mary kienet tiddeskrivi lil Freddie bħala bniedem li kelma kien jaqbad u jgħidha, iżda ftit wara kien jinsa kollox u ma jżomm xejn f 'qalbu. John Pisani jpisani@mediatoday.com.mt Il-vittma meta kellu 17-il sena ftit wara li sar jaf lil martu Mary It-tieni parti