Illum previous editions

illum 18 may 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/313773

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 43

Il-Ħadd 18 ta' Mejju 2014 | illum 19 L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 400 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email illum@mediatoday.com.mt Ittri Triq il-Kosta COLIN DEBONO KULL minn jgħaddi minn Triq il-Kosta ibda minn St Andrews sas-Salini jista' jagħtini raġun li ngħid li mil-lejl għan-nhar dit-triq qisha ta attakk ta' anoressja. Tassew li l-kuntrattur li tqabbad biex iwessa' din it- triq irid jaħdem, iżda la darba l-inġenji qegħdin jaħdmu f 'naħa waħda tat-triq kien hemm bżonn li fuq iż-żewġ naħat jittellgħu barrikati qishom il-ħajt ta' sigurtà bejn Iżrael u l-Palestina? Terġa' u tgħid anke minn bħali ma tantx hu intiż jista' jasal għal konklużjoni li bil-mod kif ġiet imdejqa dit-triq iżjed kibret il-probabbiltà ta' xi inċident. Mhux biss, talli nixtieq xi ħadd jillumina lis-sewwieqa jekk dawk il-barrikati iebsin żonqor fuq naħa u oħra jikkonformawx mal-istandards Ewropej? Kummenti dwar l-affarijiet li nħabbtu wiċċna magħhom aħna ċ-ċittadini Ewopej nixtieq nisma' iżjed mill- kandidati u mhux fuq suġġetti li ma tantx jaffettwawna daqshekk. F'ħafna minn naħat ta' Triq il-Kosta miskin min ikollu xi inċident għax jekk jibqa' dieħel f 'xi ġenb ta' dawk il- blokki kbar ma jibqax tajjeb forsi lanqas biex iċedi xi organu għat-trapjant. Mhux biżżejjed li dit-triq kienet diġà ġiet imdejqa b'dawk il- bankini? Issa sakemm idum ix-xogħol se jkollna bottle neck akbar biex naslu Għawdex? Ħadd mhu se jkollu erbgħa! MICHAEL CAMILLERI BIRKIRKARA LELEZZJONI tal-membri parlamentari Ewropej għandha żewġ karatteristiċi li wieħed għandu jikkunsidra biex jintlaħaq l-għan sħiħ tagħha. Il-vot f 'din l-elezzjoni aktarx li jintuża b'reazzjoni għall- politika tal-gvern u għal ideat alternattivi tal-oppożizzjoni. Aktar minn hekk, għandu l-valur Ewropew tal-għażla tal-kandidati li fil-Parlament Ewropew jinfluwenzaw l-ideoloġija li fuqha titmexxa l-UE. Peress li maqsum f 'dawk iż-żewġ elementi karatteristiċi tiegħu, dan il-vot ma jkejjilx tajjeb ir-reazzjoni tal-elettorat għall-ħidma politika tal-gvern u tal-oppożizzjoni lokalment. Lanqas ma jirrifletti sewwa l-għażla tal-maġġoranza rigward il-politiki tat-tmexxija ta' Brussell. Kull vot jikkonsisti miż- żewġ elementi f 'porzjonijiet b'differenzi li jvarjaw skont il- fehmiet ta' kull votant. Jiġifieri ħadd ma jista' jgħid x'porzjon mill-vot qiegħed jiġġudika l-ħidma politika lokali, u x'parti minnu tirrifletti l-viżjoni Ewropea tal-votant partikolari. Daqstant ieħor ma jistax ikun ikkalkulat il-porzjon li jiġbed mill-vot nazzjonali, kull wieħed miż-żewġ karatteristiċi. Ma' din il-kundizzjoni ftit ambigwa ta' kull elezzjoni tal- MEPs, ta min jara differenzi oħra li qed tippreżenta l-elezzjoni ta' din is-sena. L-ewwel nett irid jiġi kunsidrat l-appell ripetut tal-partiti biex dan l-impenn elettorali jkun vot ta' fiduċja/sfiduċja fit-tmexxija politika lokali. Dan se jnaqqas ferm il-valur Ewropew tal-vot, u jġibu fil-livell ta' elezzjoni parlamentari Maltija. It-tieni tajjeb li tkun ikkunsidrata wkoll differenza mill-elezzjoni tal-MEPs tal-2009, biex titwarrab il- miżinterpretazzjoni ta' min irid jipparaguna r-riżultati ta' dawn iż-żewġ elezzjonijiet. Fl-2009 kellna 5 MEPs. Is-sitt siġġu ġie wara, u bi qbil minn qabel intrebaħ mir-runner-up li rriżulta mill-istess figuri u kundizzjonijiet li applikaw għall-elezzjoni ta' ħames deputati. Din is-sena se jkollna 6 MEPs mill-ewwel, u allura l-kwota se tkun ta' madwar 44,000. Mela għal 3 MEPs partit irid mal-132 elf vot, u għal 4 jrid mal 176 elf. Sakemm ebda partit miż- żgħar ma jirbaħx xi siġġu, żgur li ż-żewg partiti l-kbar se jiskorru 3 kwoti kull wieħed, u ħadd minnhom ma jkollu appoġġ għal 4 MEPs. Dan juri li din id-darba se jkollna riżultat ta' 3 bi 3. It-tnejn itellgħu 3 MEPs u ħadd ma jtella' 4, anke f 'każ li l-PL iżid ftit eluf mas-36,000 maġġoranza li diġà għandu. Dan ifisser li b'rebħ ta' numru ndaqs ta' siġġijiet fil-PE, il-vot ta' fiduċja fil-politika lokali jintrebaħ mill-partit li jġib l-akbar ammont ta' voti. Il-fiduċja tkun ikkudizzjonata jekk dak il-partit jirreġistra wkoll progress fl-appoġġ popolari. Bil-kundizzjonijiet preżenti tal-UE, naraha remota biex ma ngħidx impossibbli, li xi partit f 'Malta xi darba jtella' 4 deputati fil-PE. Għal dawn ir-raġunijiet naħseb li l-valur ideoloġiku Ewropew tal-vot maġġoritarju ma jistax ikun trasmess ġenwinament u ġustament, f 'maġġoranza xierqa Maltija tal-ideoloġija fil-PE u fit-tmexxija ta' Brussell. Infatti bidla f 'dan is-sens fir- regoli u proċeduri tal-PE, hija r-riforma li nixtieq nara ssir fl-istrutturi tal-UE. Sadanittant, fiċ-ċirkustanzi tal-parità kważi żgura fir-rebħ tas-siġġijiet fil-PE, l-elezzjoni tal-24 ta Mejju se titqies att ta' ġudizzju fuq il-ħidma politika tal-partiti politiċi Maltin. Djalogi fil-bitħa J. BONETT BALZAN TASSEW ħaqqhom prosit iż- żgħażagħ tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ għas-sensiela ta' djalogi li qed jorganizzaw nhar ta' Tlieta fil-bitħa msaqqfa tal-palazzin restawrat li hu s-sede tas-Soċjetà tal-Arti, Kultura u Kummerċ, l-isfel mill-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura f 'Triq ir- Repubblika, il-Belt Valletta. Kelli x-xorti nattendi għad- djalogu tat-Tlieta 6 ta' Mejju minkejja li dakinhar kien hemm wieħed mis-semifinali tal-Eurovision li però stajt nara mtenni l-għada fuq it- televixin. Kont niżżilt fid-djarju din l-attività ta' djalogu fil-bitħa għax kellu jieħu sehem l-Isqof Awżiljarju Mons Scicluna u ma kontx diżappuntat. Quddiem tant messaġġi li niġu bbumbardjati bihom kien rifreskanti li tisma' persuna ekwilibrata ta' għerf kbir jfakkar liż-żgħażagħ u lil min kien preżenti bil- messaġġ ta' ferħ tan-Nisrani li jaf li bil-qawmien tiegħu mill-mewt Kristu tana t-tama li aħna wkoll mal-mewt ma jispiċċax kollox u li l-Knisja qed tkompli twassal dan il-messaġġ dwar x'hemm jistenniena wara l-aħħar jum tagħna f 'din il-ħajja. Din l-attività ma kinitx 'katekeżi' għaliex barra mill-Isqof Awżiljarju Mons Scicluna kien hemm kelliema oħra li taw kummenti mill- perspettiva tagħhom. Iżda sibt li dibattitu miftuħ bħal dan jixpruna l-ideat. Rajt kemm għad hawn tfittix sinċier lejn l-aħjar triq fil-ħajja. Iżda rajt ukoll kemm hawn żgħażagħ li jieħdu bis-serjetà t-twemmin Nisrani - mill- kontribuzzjonijiet li taw fi tmiem din l-attività. Jason Micallef u l-u-turn CARMELO BUGEJA REGEN VIĊISINDKU TA' MARSAXLOKK F'MARZU li għadda kellna l-Laqgħa tas-Sindki u Viċi- Sindki li tkun organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Għal din il-laqgħa kien mistieden is-Sur Jason Micallef biex jitkellem dwar il-Valletta 2018 (V18). Dan f 'ħin minnhom qal li l-Kunsilli jridu jibdew jaħsbu f 'affarijiet oħra għax ma jistgħux jibqgħu sejrin b'min jagħmel l-ikbar mejda, min l-ikbar bezzun, min l-ikbar ġbejna… biex jirbħu t-titlu tal-ikbar xi ħaġa. Jien kont pront u għidtlu li issa Marsaxlokk ilħaqna impenjajna ruħna biex nagħmlu l-ikbar tanker! Is-sabiħa hi li wara li ġie jikkritika lill-Kunsilli Lokali għal dawn it-tip t'attivitajiet hu stess ħabbar li se jkun qed jagħmel l-ikbar infjorata billi jimla Pjazza San Ġorġ bil-fjuri. Naħseb li Jason ħa jkun qed jieħu premju doppju għax ħa jkun għamel l-ikbar infjorata u fl-istess ħin l-ikbar u-turn! Jum Malta, Jum il-Maltin HUGO MIZZI NAQBEL mal-opinjoni li esprima l-Professur Oliver Friggieri fl-4 ta' Mejju 2014 li l-Jum Nazzjonali ta' pajjiżna għandu jkun Jum Malta, Jum il-Maltin. Inħossni konvint li l-Jum Nazzjonali li jista' jgħaqqad lill-Maltin kollha huwa s-7 ta' Ġunju li jikkommemora dak li seħħ fil-Belt Kapitali Valletta f 'Malta mill-Maltin fis-7 ta' Ġunju 1919. Dik il-ġrajja storika li ħalliet erba' Maltin mejta, tlieta li kienu joqogħdu Malta u ieħor li kien joqgħod Għawdex, kienet ix-xrara li wasslet għall-bidu tal-mixja kostituzzjonali ta' Malta. Is-7 ta' Ġunju ma jikkommemorax xi konċessjoni mill-ħakkiem barrani jew xi ftehim miegħu. Is-7 ta' Ġunju 1919 kien il-jum li l-Maltin ingħaqdu minn rajhom mingħajr pressjoni reliġjuża jew politika ħalli jipprotestaw, mingħajr distinzjoni ta' klassi, kontra l-barrani li kien jaħkem lil Malta u kien qiegħed iġib l-għoli fil-prezzijiet tal-ħobż u ma kienx qiegħed jagħti każ it-tbatija tal-ġens Malti. Għaldaqstant dik il-protesta tal-Maltin magħqudin, li daħlu l-Belt Valletta fis-7 ta' Ġunju 1919, ma kinitx partiġġjana iżda f 'isem Malta pajjiżna u favur l-interessi tal-Maltin. Is-7 ta' Ġunju huwa diġà Jum Nazzjonali. Jonqos biss li sas-7 ta' Ġunju 2019, f 'għeluq il-100 sena minn dak il-jum storiku, ir-rappreżentanti tagħna fil-Parlament jaraw x'jagħmlu ħalli sa dakinhar jaslu japprovaw kostituzzjonalment is-7 ta' Ġunju bħala Jum Malta, Jum il-Maltin, il-Jum Nazzjonali. Ejja nwarrbu l-partiġġjaniżmu minn din id-deċiżjoni. Is-7 ta' Ġunju diġà ġie aċċettat mill-forzi politiċi bħala Jum Nazzjonali li bħala Maltin jiġi kkommemorat kull sena mingħajr ebda firda partiġġjana. Infatti kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista kkommemoraw kemm-il darba s-7 ta' Ġunju fuq livell ta' partiti politiċi kif ukoll fiċ-ċerimonja tad-diskors li jsir fis-7 ta' Ġunju mill-Ispeaker tal- Parlament li għaliha jattendu l-Membri tal-Kamra tar- Rappreżentanti miż-żewġ naħat taż-żewġ partiti rappreżentati fil-Parlament, jiġifieri l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Inħossni żgur li, jekk hemm rieda tajba fiż- żewġ partiti politiċi għall-għaqda sħiħa bejn il-Maltin, il-Parlament Malti jasal japprova s-7 ta' Ġunju bħala Jum Malta. Jekk jiġi stabbilit bħala Jum Malta, Jum il-Maltin il-Jum Nazzjonali jġib għaqda sħiħa fost Maltin li mingħajr dubju jaċċettawh kollettivament bħala poplu filwaqt li kull Malti individwalment, fil-fond ta' qalbu u b'konvinzjoni kemm konservattiva kif ukoll lajka, iħares lejn is-7 ta' Ġunju bħala l-uniku Jum Nazzjonali li jista' verament jgħaqqadna lkoll bħala Maltin mingħajr l-ebda preġudizzju politiku.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 may 2014