Illum previous editions

illum 18 may 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/313773

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 43

Il-Ħadd 18 ta' Mejju 2014 | illum 7 "Prim Ministru li jinqabad f 'gidba jkollu jirriżenja" ILKAŻ ta' Cyrus Engerer li ngħata sentenza ta' sentejn ħabs sospiża wara li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell, immarka l-iktar punt baxx li waqa' fih il- Gvern ta' Joseph Muscat. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta lbieraħ kien intervistat minn Mark Anthony Sammut fuq Radio 101. Busuttil żied jgħid li mill-każ ta' Engerer ħarġet l-ipokrezija tal-Prim Ministru li fil-każ tal-eks deputat mexxej Laburista, Anġlu Farrugia, talbu jirriżenja wara li dan għamel kritika fuq il-ġudikatura imma issa l-istess l-Prim Ministru kkritika lill- Imħallef u lil Qorti tal-Appell għax ma qabilx mas-sentenza ta' Cyrus Engerer. Il-Kap Nazzjonalista insista li l-Oppożizzjoni qed toħroġ bl-ideat u qed tkun kostruttiva u tipproponi liġijiet biex Malta tkun aħjar. Fost dawn hemm l-emenda għall-Cross Border Health Directive. Liġi li tgħid li meta xi ħadd ikun fuq lista ta' stennija u jkun ilu jistenna għal operazzjoni b'detriment għal saħħtu, minflok wieħed imur fl-isptar f 'Malta, ikun jista' jmur fi sptar ieħor fl-UE. Permezz tal-emenda mressqa mill-Oppożizzjoni, pazjent se jkun jista' jagħmel operazzjoni fi sptar privat f 'Malta stess. Busuttil semma wkoll li din il-ġimgħa l-ogħla esponti tal-Gvern fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat inqabdu fi tliet gidbiet. Hu qal li l-maskra li poġġa quddiemu Joseph Muscat qabel l-elezzjoni, illum qed taqa'. Il-Kap tal-PN qal li dan mhux Gvern mibni fuq il-valuri u li kieku qegħdin f 'pajjiż ieħor, Prim Ministru li jinqabad f 'gibda jkollu jirriżenja. Busuttil fakkar ukoll li fil-Parlament nhar l-Erbgħa, il-Ministru Owen Bonnici qal li mhux se jiġi ppubblikat il-kuntratt ma' Henley & Partners minħabba każ fil-Qorti. Imma l-kuntratt ta' Henley & Partners mhux veru qiegħed il-Qorti, żied jgħid Busuttil. Insista li din il-kumpanija li se tbigħ iċ-ċittadinanza Maltija bi dħul ta' €200 miljun imma l-Gvern ma jridx jippubblika l-kuntratt. F'pajjiżi oħra saru allegazzjonijiet li din il-kumpanija ffinanzjat kampanji elettorali ta' xi partiti. Hu qal li fin-nofs hemm ħabi kbir u fuq kollox hemm il-gidba tal-Prim Ministru u ta' Ministru. Meta rrefera għall- elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Kap Nazzjonalista qal li l-poplu jmur aħjar jekk il-PN itella' t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew. Żied li d-Deputati Nazzjonalisti dejjem ħadmu favur il-pajjiż u dejjem kienu l-vuċi u t-tarka tal-poplu Malti u Għawdxi. Dwar il-kandidatura ta' Jean Claude Juncker għall- Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, Busuttil qal li dan jaf sewwa lil Malta u l-fatt li hu stess ġej minn pajjiż żgħir jifhem il-problemi ta' pajjiżna. Busuttil temm jgħid li Juncker hu bniedem konvint favur l-Ewropa u li l-istħarriġ juri li bħalissa l-PPE u s-Soċjalisti huma ras imb ras. Dan juri li anke siġġu wieħed jista' jħoll u jorbot min ikun il-President tal-Kummissjoni Ewropea u għalhekk hu importanti li l-Partit Nazzjonalista jtella' t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew. "F'sena nħolqu 200 impjieg f 'Għawdex" WAQT li kien qed jindirizza attività politika fis-Sannat Għawdex, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li min ma jmurx jivvota nhar is-Sibt 24 ta' Mejju jkun qed jagħti palata lil Simon Busuttil. Hu insista li jekk ikun mitlub jagħti raġuni valida għaliex wieħed għandu jmur jivvota fl-elezzjoni ta' nhar is-Sibt, hu jwieġbu biss - Simon Busuttil. Il-Prim Ministru fakkar lill-Għawdxin li meta fil- kampanja elettorali ta' sena ilu kien jinsisti li l-Għawdxin se jiktbu l-istorja mal-partit Laburista, kien hemm min kien jiddubitah. Ir-riżultat li nkiseb f 'Għawdex sena ilu tah ir-raġun u insista li s-Sibt li ġej hemm bżonn li jerġa' jsir l-istess. Muscat insista li hemm bżonn li l-gvern jikseb il- maġġoranza sabiex jerġa' jikteb l-istorja ta' dan il-pajjiż billi jkun l-ewwel gvern li jikseb maġġoranza fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Skont il-Prim Ministru l-messaġġ qed jasal. Fakkar lill-Ghawdxin li kieku s-sena li għaddiet baqa' fil-poter il-partit Nazzjonalista kieku bħalissa qed jirċievu kontijiet tad-dawl u l-ilma 30% ogħla. Minflok, insista l-Prim Ministru, l-poplu se jagħmel ħames snin jirċievi l-kontijiet bl-irħis. Kieku bħalissa ma kienx ikun hawn ċentri għat-tfal b'xejn, income tax imraħsa, ma kinitx tingħata lura l-VAT fuq il-karozzi u min xtara l-ewwel proprjetà ma kienx jiffranka €5,000 qal il-Prim Ministru qalb iċ-ċapċip. Muscat żied jgħid li f 'Għawdex beda joħloq l-impjiegi fejn f 'sena nħolqu 200 impjieg li mija minnhom inħolqu f 'kumpanija barranija. Qal ukoll li l-gvern Laburista ħadem biex fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex ikun hemm kimoterapija filwaqt li jirikonoxxi li baqa' ħafna x'jaħdem u jifhem il- problemi tan-nies. Il-Prim Ministru qal li għad hawn min jaħseb li Għawdex għandu jibqa' ankrat fil-passat iżda l-Għawdxin qed iħossu d-differenza li qed jagħmel dan il-gvern. Fiż-żmien li ġej il-gvern se jwettaq il-wegħdi tiegħu dwar Għawdex li jagħmel cruise passenger terminal u yacht marina li jimpjegaw mijiet t'Għawdxin. Muscat temm id-diskors tiegħu billi qal li min jastjeni mill-vot se jgħin lill- Oppożizzjoni Nazzjonalista u għalhekk kulħadd għandu joħroġ jivvota biex jgħin lill-gvern ikompli jwettaq ħidmietu. "Raġuni valida għala wieħed għandu jivvota hi Simon Busuttil" – Joseph Muscat Il-maskra li poġġa quddiemu Joseph Muscat qabel l-elezzjoni, illum qed taqa' – Simon Busuttil

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 may 2014