Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/318024
Il-Ħadd 25 ta' Mejju 2014 | illum 15 għad-Dar tal-Providenza li huwa iktar rappreżentattiv għaż-żminijiet tal-lum. X'inhi l-funzjoni tal-Bord tad- Dar tal-Providenza? Jien dejjem xtaqt li jkun hemm trasparenza sħiħa f 'dak kollu li jkun qed isir hawn ġew. Mhux biss mil-lat finanzjarju iżda anke mis-servizzi li noffru. Il-funzjoni tal-bord hi li jevalwa dak kollu li jkun qed isir hawn ġew kif ukoll jagħti l-pariri tiegħu lili biex dejjem niżguraw li dak kollu li jkun qed isir f 'din id-dar isir b'dedikazzjoni u serjetà. Il-bord hu appuntat mill- Arċisqof b'konsultazzjoni miegħi. Inti għandek tim maniġerjali miegħek biex jgħinek fit-tmexxija ta' din id-dar, kemm hawn ħaddiema b'kollox? Bħalissa hawn 200 persuna jaħdmu fid-Dar tal-Providenza f 'dixxiplini u speċjalizzazzjonijiet varji. Hawn ukoll 150 resident li lkoll għandhom il-bżonnijiet tagħhom. Ir-residenti ma jgħixux biss hawnhekk iżda jgħixu wkoll f 'units oħra li għandna bħal mhi d-dar li għandna fis-Siġġiewi li hi dar fil-komunità. Sentejn ilu ftaħna dar oħra fil-Qawra u issa ħadna wkoll Dar Pirotta f 'Birkirkara. Apparti l-ħaddiema full u part time, hemm ukoll numru sabiħ ta' voluntiera, 'il fuq minn 200, li kollha jgħinu f 'oqsma differenti. Ir-rwol tas-Sorijiet tal-Karità? Meta kien qed iwaqqaf id-dar, Dun Mikiel xtaq li jkun hawn komunità ta' sorijiet. Kien għalhekk li talab lis-sorijiet tal-karità li kienu attivi ħafna b'xogħol fi sptarijiet, djar tal-anzjani u anke l-ħabs. Fil-fatt is-sorijiet daħlu fid-Dar tal-Providenza xahar qabel ma fetħet sabiex lestew il-binja biex tkun tista' tospita l-ewwel residenti f 'Jannar 1968. Is-servizz tagħhom baqa' għaddej u għalkemm inbidlu s-sorijiet, għandna soru li ilha taħdem hawn 35 sena – Sister Gesuina Mangion. X'inhu l-proċess biex persuna tidħol residenti ġo din id-dar? Ħafna drabi jitkellmu magħna il-ġenituri jew il-persuni nfushom. Hemm ukoll l-aġenzija Sapport u anke social workers li jikkuntattjawna. Meta ssir l-applikazzjoni formali, din imbagħad tkun evalwata mill- admissions board u d-dħul tar- resident jew residenta jsir skont il-prijorità u l-ħtieġa tal-każ. Għandkom min qiegħed fuq xi lista ta' stennija? Nies fuq il-waiting list dejjem ikun hemm qisu ħamsa jew sitta u dawn ikunu diskussi mill-admissions board li jiltaqa' madwar tlieta jew erba' darbiet fis-sena skont il- ħtieġa. Intom tipprovdu wkoll servizzi ta' respite, fiex jikkonsisti? Iva aħna nemmnu li għandna nagħtu l-appoġġ sħiħ lill-familja u għalhekk dan is-servizz jipprovdi residenza temporanja għall-persuna b'diżabbiltà sakemm forsi l-ġenituri jistrieħu ftit jew waqt li jkollhom bżonn xi kura medika. Hemm xi ħlas li jrid isir għas- servizz tar-respite? Iktar milli ħlas, aħna nitolbu donazzjoni li tkun fid-diskrezzjoni tad-donaturi. Din id-donazzjoni mhijiex obbligatorja għax nafu li hemm familji li verament ma jifilħux iħallsu. F'Mejju 2009 waqqaftu ċ-ċentru agrikolu San Isidoru, kif sejrin l-affarijiet f 'dan iċ-ċentru? Il-ħidma ta' dan iċ-ċentru bdiet bi ftit esperimenti minn waħda mill- ħaddiema tagħna Anna Davis. Bil- mod il-mod dan il-grupp żviluppa biex ir-residenti jipproduċu prodotti li, jew ikabbruhom hawnhekk stess jew jibgħatuhomlna l-bdiewa. Jidher li sejrin tajjeb ħafna b'dan il-proġett u wieħed jista' jara dan ix-xogħol anke fil- ħanut li għandna fil-Belt Valletta. Il-produzzjoni mhijiex xi waħda kbira imma jkun hemm domanda għalihom pereżempju anke fi żmien il-hampers tal-Milied. B'kollox hemm għaxar residenti involuti f 'dan il-proġett. L-imħabba evanġelika, l-appoġġ u d-determinazzjoni huma t-tliet fatturi l-aktar importanti li fuqhom hi bbażata d-Dar tal- Providenza. Kif timxu fuq dawn il-fatturi fil-ħajja ta' kuljum hawn ġew? L-imħabba evanġelika hi l-mutur li jħeġġiġna biex nuru r-rispett u dinjità lejn dawn il-persuni. Hi ħaġa sabiħa li tinduna li għalkemm diversi minnhom ma jistgħux jitkellmu, juruk illi meta inti qed turihom rispett u dinjità, jwieġbu lura bi tbissima jew ħarsa jew atteġġjament li juri li qed jieħdu gost bil-mod li nġibu ruħna magħhom. Irridu nżommu f 'moħħna li mħabba tfisser li persuna rridu ntuha d-drittijiet u l-potenzjal li tiżviluppa t-talent kollu tagħha. Din hija sfida li aħna nippruvaw nidħlu għaliha għax nemmnu li persuna għandna nħarsu lejha b'mod sħiħ u mhux biss li ntuha fejn tgħix, tiekol u torqod. Tagħtu xi tip ta' formazzjoni lill-impegati fuq dawn il-fatturi li semmejna? Iva, wara proċess ta' konsultazzjoni mal-ġenituri, r-residenti u l-ħaddiema tagħna stess, is-sena l-oħra fformulajna l-valuri u l-mission statement tagħna. Dawn kollha qed ikunu ppreżentati bħala seminars lill- impjegati u voluntiera kollha u qed iservuna bħala linji gwida fil-ħidma tagħna. Il-poplu dejjem jirrikorri bi ħġaru biex jgħin lil din id-dar, x'inhuma preżentement il-ħtiġijiet tagħkom? Bħalissa għandna bżonn ta' iktar professjonisti biex jaħdmu magħna u nemmnu li l-Bambin dejjem jiftaħ toroq ġodda. Hemm proġetti oħra li qed naħdmu fuqhom, fosthom it-terapheutic pool li kien ġarrab ħafna ħsara u li se nerġgħu nagħmluh mill-ġdid, proġett li se jiswiena mal-€230,000. Hemm ukoll il-proġett ta' tisbiħ tal-bitħa ta' quddiem il-kappella kif ukoll se nbiddlu l-lifts li ilhom jaħdmu minn meta fetħet id-dar u jridu jinbidlu immedjatament. Proġett ieħor hi dar residenzjali f 'Ħaż- Żabbar li diġà għandna l-permessi meħtieġa u nisperaw li fix-xhur li ġejjin inkunu nistgħu nlestuh biex jilqa' fih 8 residenti oħra fil-qalba tal-komunità ta' Ħaż-Żabbar. Xtaqt nikkonkludi li aħna ma naħdmux għal rasna iżda naħdmu flimkien ma' diversi service providers oħra bħal Dar il-Kaptan, Dar L-Arka f 'Għawdex, Dar Nazareth fiż-Żejtun u Dar il-Wens fil-Kalkara. Aħna naħdmu ħafna flimkien, naqsmu riżorsi u ideat biex fl-aħħar mill-aħħar nagħtu l-aqwa servizz lil dawk kollha li għandhom bżonn is-servizzi tagħna. L-imħabba tfisser li persuna ntuha d-drittijiet u l-potenzjal li tiżviluppa "L-imħabba evanġelika hi l-mutur li jħeġġiġna biex nuru r-rispett u dinjità lejn dawn il-persuni" Fr. Martin ma' tnejn mir-residenti tad-Dar tal-Providenza Ritratt: Ray Attard