Illum previous editions

illum 25 May 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/318024

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

20 illum | Il-Ħadd 25 ta' Mejju 2014 WAĦDA mix-xeni ċentrali tal-film The Wall bi produzzjoni tal-grupp Pink Floyd, maħruġ fl- 1982, turi ġgajta studenti li jinbidlu fi speċi ta' pupazzi u jgħaddu minn magna kbira li tagħmilhom litteralment kapuljat. Hemm xena oħra fl-istess film li turi folla miġbura għal xi tip ta' kunċert jew mass meeting fil- magħluq li tispiċċa tagħmel koreografija sinkronizzata biex tweġġaħ lill-kelliemi liebes uniformi sewda li jkun ilu jħambaq u jgħajjat il-lejla kollha. Dawn iż-żewġ xeni baqgħu jfiġġu fil-memorja jien u nsegwi l-kampanja elettorali għall-elezzjoni li kellna lbieraħ biex neleġġu s-sitt membri li għandhom jirrappreżentawna fil-Parlament Ewropew. Bażikament il-fulkru tal- kampanja elettorali kien jikkonsisti f 'laqgħat kull filgħaxija f 'xi pjazza fejn l-udjenza tinġabar bilqiegħda f 'forma ta' kwadru u l-kap tal-partit bilwieqfa fuq podju jagħmel diskors li ħafna drabi kien qiegħed ikun varjazzjoni fuq tema li baqgħet tinstema' (xi kultant b'xi kelma differenti 'l hemm u 'l hawn) tul il- kampanja kollha. S'hawnhekk kollox jidher normali: il-Kap tal-partit aktarx li huwa l-aktar membru elokwenti fil-partit, l-aktar wieħed li għandu l-kelma faċli u li jaf isawwar argumenti interessanti; fi kliem ieħor l-aktar wieħed li għandu l-kapaċità li jikkonvinċi lis- semmiegħa tiegħu, anki jekk dawk is-semmiegħa aktarx li huma l-inqas nies li għandhom bżonn ta' konvinzjoni. Aktar milli d-diskorsi mġebbda tal-mexxejja politiċi, li ġibidli l-attenzjoni u tellagħli l-memorja tal-film li rajt tletin sena ilu, kien l-atteġjament tal-udjenza. Wara kull punt misħuq mill-mexxej, wara kull daqsxejn ta' climax, l-udjenza bilqiegħda wara, anzi mad- dawra tal-mexxej, tqum sparata minn fuq is-siġġu, u dritta dritta ċċapċap għal ftit mumenti, biex imbagħad terġa' tpoġġi bilqiegħda biex tkompli tisma'. Ma nafx kemm- il standing ovation ikollu f 'lejla waħda l-kap tal-partit; pjuttost numru kbir. Imma dan l-eżerċizzju sar wieħed normali, anzi normalissimu, fl-attivitajiet tal-massa bilqiegħda. Kien hemm min sejjaħ dan l-atteġjament bil-paradoss li huwa naturali li l-folla tiġi orkestrata. Il-koreografija, anki jekk minimalista ħafna, tal-kotra miġbura madwar il-Mexxej, tixbah lil dawk l-adolexxenti fil-film ta' Alan Parker: reġimentati, ipprogrammati u pproċessati. Iqumu, ipoġġu; iqumu u jerġgħu jpoġġu, jistennew li l-mexxej jgħolli ftit leħnu biex jerġgħu jqumu ħalli jerġgħu jpoġġu wara ftit, jistennew il-qawma li jmiss. Forsi din l-analoġija hija ftit kattiva. Persważ li hawn min jaħseb li l-poplu mhuwiex bħal dawk it-tfal pupazzi li jispiċċaw kapuljat. Il-mexxejja żgur li hekk jaħsbu, jew għallinqas hekk jgħidu li jaħsbu, u mhux il-mexxejja biss. U wara kollox, anki lil dawn it-tfal pupazzi, jum fost l-oħrajn, jaħkimhom l-estru tal-irvell u f 'mument minnhom jidhru jaqilbu kollox u jkissru kulma jsibu quddiemhom. Imma jidhirli li din il-kampanja elettorali, li fl-aħħar mill-aħħar tkompli ma' ta' qabilha u qiegħda sservi għall-bidu ta' warajha, fiha aktar minn doża żgħira ta' thought control, biex nikkwota t-test ta' The Wall. Wieħed irid jikkunsidra li d-diskorsi tal-mexxejja jixxandru live fuq l-istazzjonijiet tal- partit, jixxandru bħala parti mill-bulettini tal-aħbarijiet, jiġu rrappurtati fil-gazzetti tal-partit (jew ta' entitajiet ovvjament, anki jekk mhux uffiċjalment, affiljati miegħu), jidhru online fuq Youtube u fuq il-mezzi soċjali. Lanqas fiċ-ċiberspazju ma tista' taħrabhom illum il-ġurnata għaliex il-mexxejja jaqbżu fuqek imqar meta żżur sit li jgħallmek kif taħmi l-galettini li ma jħaxxnux, u addirittura jaħsduk għax jaqbdu jkellmuk waħidhom. Din il-ġimgħa hemm rapport fuq xi mezzi tax-xandir li pazjent rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli spiċċa attakkat għax ilmenta li t-televixin fis- sala tiegħu kien fuq stazzjon politiku li l-ħin kollu jxandar propaganda elettorali. Il- Pulizija qiegħda tinvestiga. Issa ngħiduha kif inhi, jista' xi ħadd li ma joqgħodx fil- format li jixtiquna fih il-partiti, jagħti tort lil dan il-pazjent? Għax imbagħad, fuq kollox, id-diskorsi tal-mexxejja ftit li xejn kellhom x'jaqsmu mal-elezzjonijiet tal-bieraħ; kellhom x'jaqmsu ħafna aktar ma' dik li għad trid tiġi. Il-makkinarju partiġġjan għadu f 'saħħtu wisq; isibha diffiċli jerħi ftit, imqar xiber, biex minflok nisimgħu nibdew naħsbu. Hija storja antika li ma nbidlitx minkejja l-irtokki li tajna lil din is-soċjetà tagħna. Fis-snin tmenin kellna wħud mill-aktar poeti importanti li lmentaw minn din l-attitudni politika u r-relazzjoni direttorjali tal-partit mal- poplu. Uħud minnhom raw lill-poplu b'għajnejh tal-ħġieġ, rawh ibati bit-tniġġis, rawh merħi u bla sinsla; saħansitra kien hemm min xebbhu mal- famużi tliet xadini li la jridu jaraw, la jisimgħu u lanqas jitkellmu. Forsi llum dawn ix-xadini neħħew idejhom minn quddiem għajnejhom, neħħewhom minn ma' widnejhom u anki ħalqhom fetħuh beraħ, iżda dak li jaraw, li jisimgħu u li forsi jgħidu (fuq il-kummentarji tal- internet u t-taparsi vox pops u l-programmi ta' diskussjoni) m'hu xejn għajr dak li bih jiġu informati mill-makkinarju partiġġjan. F'pajjiż kostantament maqsum fi tnejn – fil-politika, fil-futbol, saħansitra fil- kultura raħlija li baqgħet ma nbidlitx – it-tanbir kontinwu tal-Mexxejja ma jgħin assolutament xejn biex tinbidel id-direzzjoni. Kollox sew, lit-tfal tagħna se nagħtuhom it-tablets ħalli jistudjaw aħjar u jkunu bħat-tfal l-oħra tal-Ewropa, erbgħin fil-mija minna nġorru smart phone ħalli nkunu nistgħu ninfurmaw irwieħna nkunu fejn inkunu, imma meta nisimgħu lill-Mexxejja nibqgħu nqumu u npoġġu u nqumu u npoġġu, u kif niltaqgħu magħhom nippużaw ħa nieħdu stessu bit-tbissima ċċarrtilna ħalqna. Post Scriptum L-Ewropa hija l-kontinent ta' ħafna paradossi. Filwaqt li minn naħa qiegħda tirrikonoxxi dejjem aktar id- drittijiet u d-dinjità ta' gruppi hekk imsejħa minoritarji, hemm ħafna kurrenti qawwijin li jikkontradixxu din it-tendenza. Pereżempju filwaqt li diversi pajjiżi, inkluża Malta, qegħdin jagħrfu d-dritt fundamentali ta' unjoni bejn koppji tal-istess sess, qegħdin jitfaċċaw gruppi politiċi li t-tendenza leminija tagħhom tmur dijametrikament fl- oppost ta' din il-mixja. F'pajjiżi bħall-Britannja u oħrajn il-Lemin razzista, xenofobiku u sessista qiegħed mhux biss jgħolli rasu imma anki r-rati ta' popolarità. Sa ftit taż-żmien ilu ftit nies kienu jagħtu wisq attenzjoni lil Nigel Farage, il-mexxej tal-Partit għall- Indipendenza tar-Renju Unit (UKIP). Farage, li jħobb ħafna l-birra, wiegħed terremot politiku (metafora popolari ħafna mal-politikanti meta jiġu biex ivaraw il-programmi 'innovattivi' tagħhom) u l-aħħar sondaġġi u riżultati parzjali tal-elezzjonijiet tal- Ħamis li għadda, qegħdin juru li ma marx wisq żmerċ fil-projezzjonijiet tiegħu. Xi analisti qegħdin diġà jargumentaw li l-poplu Britanniku, jew aħjar sezzjoni minnu, iddejqet bil-politika stabbilita u trid tfittex alternattivi għaliha. M'hemm xejn ħażin li l-establishment politiku jiġi mriegħed xi ftit. Il-problema hi li evidentement hija t-triq lejn il-Lemin it- tifsira u d-direzzjoni ta' dawn l-alternattivi. IMMANUEL MIFSUD STANDING OVATION "Xena li turi ġgajta studenti li jinbidlu fi speċi ta' pupazzi u jgħaddu minn magna kbira li tagħmilhom kapuljat"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 25 May 2014