Illum previous editions

illum 1 June 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/321744

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 39

16 illum | Il-Ħadd 01 ta' Ġunju 2014 WARA kull elezzjoni kulħadd għaref. Mhux hekk biss imma filwaqt li r-rebbieħ jgħanni l-vittorja t-tellief ifittex skuża jew oħra jew jagħmel bħall- ħmar li jwaħħal f 'denbu. L-agħar ikun meta jinfexx f 'tgħajjir minn xi daqqiet ċar u minn xi daqqiet sottili lill-elettorat li ċaħdu. Il-politiku intelliġenti jaċċetta dejjem il-verdett tal-poplu u jgħid li hu stess jeħtieġ jinbidel u mhux l-elettorat. Hemm iżda xi ħaġa li naħseb ftit jirriflettu dwarha. Xi jkun għaddej minn qalb il-politikant wara delużjoni? Għall-Parlament Ewropew kellna fuq tliet tużżani kandidati imma nafu li sitta biss kienu se jiġu eletti. Konvint li barra dawn is- sitta bosta mill-bqija kienu fiduċjużi jekk mhux ċerti li se jitilgħu. X'ikun għaddej bejnhom u bejn ruħhom? Issa s-siparju niżel, issa l-intervisti waqfu, issa l-ikliet u l-coffee mornings daqshekk. Issa jibqa' biss id-delużjoni u forsi d-djun ta' kampanja li ħarġet fjask. Ilsien in-nies jaqta' daqs xafra msinna u l-botti jibdew jidhru stalletti. Xi wħud jgħidulek li ġaladarba daħlu għaliha jkun ħaqqhom jieħdu tisbita ħalli jitgħallmu. Irid ikollok qalbek tal- azzar biex ma tħossx weġgħat. Faċli kandidat deluż jinfexx f 'rabja. Jibda jwaħħal f 'kollox u f 'kulħadd minbarra fih innifsu. Jibda jgħid li sofra inġustizzja u li l-mezzi tat- telekomunikazzjoni kienu żbilanċjati kontrih. Jibda jgħid li tal-partit tiegħu stess ħadmu kontrih u jġib mitt elf skuża talli ġralu li ġralu. Jinfexx jikteb li d-demokrazzija f 'Malta ma teżistix għax hu ma ġiex elett. Jista' wkoll jirraġuna li forsi tiegħu ma kinitx telfa totali. Jgħid f 'qalbu stajt mort agħar u jikkonsla b'li ġab jew saħansitra l-eluf ta' voti li kellu minkejja li ma telax bihom huma sinjal qawwi li l-bidu tal-bidla qiegħda hemm u li d-darba li ġejja kulħadd jieħu r-risposta u d-dinja kollha u saħansitra l-anġli fis-sema jkunu jafu kemm ħames snin qabel kien sar żball. Jista' wkoll jibda jiffantasizza li bil-perċentwali li ġab se jkun iħoll u jorbot għall- elezzjoni li ġejja jew dik tal-kunsilli lokali jew l-elezzjoni l-kbira. Qatt m'għandna nissottovalutaw l-awtodelużjoni kemm kapaċi tfixkel imħuħ. Oħrajn iżda kapaċi taqbadhom depressjoni liema bħalha. Jingħalqu fihom infushom u jsewdu qalbhom. Il-ġerħa ddum biex tingħalaq u jkollhom jirrikorru għal għajnuna psikoloġika. Il-kandidati wara kollox jibqgħu bnedmin tad-demm u l-laħam. Għall-grazzja t'Alla bosta minnhom jitgħallmu li anke minn delużjoni jista' joħroġ il-frott. Alla jagħlaq bieb imma jiftaħ mija. Jindunaw li fil-politika m'għandhomx ċans u li n-nies wara kollox l-idolu trid u tħobb u din hi perikoluża. Forsi jintebħu li Alla jkun refagħhom minn xagħarhom billi ma telgħux. Jiddeċiedu għalhekk jikkonċentraw ruħhom fuq dak li dejjem kien għal qalbhom bħall- professjonijiet tagħhom jew in-negozju li għandhom. Imnalla hu hekk għax wara kollox din hi demokrazzija ħajja. Iżda anke aħna l-votanti irridu nagħtu sehemna biex demokrazzija tkun verament ħajja billi il-kandidati li ma telgħux nirringrazzjawhom xorta waħda tal-isforz li għamlu. Imbagħad il-kanuni niftħuhom fuq dawk li marru jpoġġu bilqiegħda ġol-parlament ta' Brussell u li fil-but se jdaħħlu paga pagun iġġiblek għajnejk wara widnejk. Dawn iva jridu jagħtu kont li dawk li eleġġewhom ta' xogħolhom u issa kulħadd iħares lejhom. La daħlu għaliha issa jridu jġorru r-responsabilità tagħha. U issa l-partit fil-Gvern, kulħadd warajh, kulħadd parti mir-riġment tas-suldati tal-azzar, anki saħansitra dawk li kienu jqisuhom bħala ta' klassi inqas, issa saru parti minnhom; qalbu magħhom. U dawk li gawdew fi snin imgħoddija, issa ssibhom gallarija jaraw lill-vapur li wassalhom jegħreq, flok imorru jagħtu daqqa t'id. Tal-mistħija! Dan huwa poplu li s-Sibt jilgħab għal-lottu u fil-knisja jitlob għax-xita. Ivan Bartolo Ivanbartolo15@gmail.com Il-Punt Damdimiet u tkaxkiriet elettorali IVAN BARTOLO

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 1 June 2014