Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/326226
Il-Ħadd 08 ta' Ġunju 2014 | illum 11 In-nisa fi ħdan il-Partiti Politiċi Ovvjament ma nitkellmux biss dwar temi li jirrigwardjaw in- nisa imma niddiskutu, nagħtu suġġerimenti u opinjonijiet tagħna fuq kwistjonijiet politiċi ta' kull xorta. Numru sabiħ tal-Eżekuttiv tal-Moviment huma attivi f 'organizzazzjonijiet oħra bħal Kumitati Sezzjonali, Kunsilli Lokali, NGOs differenti u għaqdiet fl-irħula tagħna. Niktbu artikli f 'gazzetti, nippreżentaw programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni u nieħdu sehem f 'konferenzi u diskussjonijiet b'temi mill- aktar wiesa'. Għalhekk ma naħsibx li nistgħu nqisu li s-sehem tagħna hu b'xi mod limitat għall-kwistjonijiet li jirrigwardjaw in-nisa biss. 3. X'kontribut tagħtu lill- Partit, apparti attivitajiet soċjali, waqt kampanja elettorali lokali kif ukoll Ewropea? Claudette Abela Baldacchino - Nemmen li din tal-attivitajiet soċjali huwa mod limitat ħafna ta' kif wieħed iħares lejn il-ħidma tal-għaqdiet tan-nisa fil-ħidma politika. Fil-ħidma politika, Nisa Laburisti tipparteċipa bis- sħiħ fl-isferi kollha u ma tillimitax ruħha biss għal organizzazzjoni ta' attivitajiet soċjali, anki jekk dawn jibqgħu ta' importanza kbira u jistgħu jsiru b'mod differenti minn dak tradizzjonali, għaliex jgħinu sabiex ikun hemm mhux biss aktar fraternità bejn il-parteċipanti iżda wkoll jagħtu opportunità sabiex ikun hemm firxa aktar wiesgħa tal-ideat. Naħseb li l-esperjenza tal-aħħar elezzjonijiet kemm ġenerali kif ukoll Ewropej tgħallem dwar kif organizzazzjonijiet bħal Nisa Laburisti, iżda mhux biss għaliex dan l-argument japplika wkoll għall-għaqdiet taż-żgħażagħ fost oħrajn, jistgħu jressqu 'l quddiem l-ideat tagħhom fit-tfassil ta' programmi elettorali maħsuba sabiex jinkiseb l-għan aħħari ta' rimodellar tas- soċjetà Maltija f 'soċjetà fejn subien u bniet, nisa u rġiel, iħossuhom parteċipanti ugwali u b'opportunitajiet indaqs. Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li għadhom kemm għaddew konna protagonisti kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa. Hekk ser inkunu f 'kull elezzjoni. Marion Pace Asciak - Wara li nkunu tajna s-sehem tagħna billi nissuġġerixxu nies li jistgħu jiġu avviċinati biex jintagħżlu bħala kandidati, kemm għall- Elezzjoni Ġenerali, kif ukoll għal dawk lokali u dawk tal-MEPs, il-MNPN dejjem ikollu rwol attiv u dirett fil- kampanja elettorali. Aħna nieħdu ħsieb attivitajiet li jkunu qed jiġu organizzati mill-Partit innifsu, imma wkoll norganizzaw attivitajiet fuq livell ta' fergħa jew ta' fergħat flimkien. Pereżempju, għall-Elezzjoni tal-MEPS, il-MNPN organizza, fid-Dar Ċentrali, laqgħat miftuħa għall-pubbliku ġenerali. Peress li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta 11-il kandidat, qsamnihom fi 3 laqgħat differenti biex b'hekk dawk li attendew setgħu jsiru jafu lill-kandidati kollha mill-qrib. Fil-fatt, f 'dawn il-laqgħat li għalihom kien hemm attendenza tajba, mhux biss il-kandidati għamlu d-diskors tagħhom, imma n-nies setgħu jagħmlu l-mistoqsijiet, jitkellmu u jiddiskutu magħhom fuq dak kollu li xtaqu. Tajjeb li ninnota li għal dawn il-laqgħat attendew numru sabiħ ta' rġiel ukoll. 4. Kif tiddeskrivu l-elettorat Malti vis-à-vis l-importanza u r-relevanza li jagħti lejn il-politika? Claudette Abela Baldacchino - Jien naħseb li r-riżultat miksub fl-Elezzjonijiet Ewropej ta' din is-sena huwa sinjal ċar li s-soċjetà Maltija qed tinbidel b'rata mgħaġġla ħafna. Sa ftit taż-żmien ilu, kont nisma' argumenti dwar il-ħtieġa li jitpoġġew fis-seħħ miżuri - bħal kwoti - sabiex nagħtu ċans lin-nisa jieħdu posthom f 'istituzzjonijiet bħal Parlament u l-Parlament Ewropew. Jien personalment miniex prodott tal-kwota, u allura dejjem argumentajt b'mod differenti. Meta għaxar snin ilu saru l-ewwel elezzjonijiet Ewropej f 'pajjiżna, Malta kienet eċċezzjoni li ma kellha l-ebda Ewroparlamentari mara fid-delegazzjoni tagħha. Dan inbidel is-sena li għaddiet meta ġew eletti tliet membri parlamentari nisa u għalhekk ilħaqna l-mira ta' rappreżentanza ugwali bejn nisa u rġiel. Jien għadni kemm kont fdata bir-responsabbiltà ta' sena mill-poplu Malti u Għawdxi bħala Membru Parlamentari Ewropew. Kont nisħaq f 'kull fora, kemm lokali kif ukoll mill-Parlament Ewropew stess li issa l-isfida li kellna kienet mhux li jkunu eletti nisa, iżda li nżommu dak li ksibna sena ilu. Fil- fatt, ftit kienu dawk li ħasbu li f 'dawn l-elezzjonijiet, dan ir-riżultat seta' jiġi mtejjeb, iżda l-elettorat Malti, għal darb'oħra ta risposta ċara meta eleġġa 4 membri parlamentari Ewropej minn delegazzjoni ta' 6. Dan ifisser li żewġ terzi tad-delegazzjoni Maltija fil- Parlament Ewropew se tkun magħmula minn nisa. Għalija dan huwa sinjal b'saħħtu ħafna li l-elettorat Malti qiegħed jagħti lill-politici. Il-poplu Malti b'leħen qawwi qed jgħid li l-analiżi tal-kandidati ssir fuq bażi ta' kapaċità u mhux fuq xi konsiderazzjoni oħra. Nemmen li din il-linja ta' ħsieb għandha timlina bil-kuraġġ li fis-snin li ġejjin dejjem aktar nisa ser isibu l-post xieraq tagħhom fit-tmexxija - f 'kull livell - ta' dan il-pajjiż. Marion Pace Asciak - L-elettorat Malti m'għadux jagħti importanza lill-politika daqs kemm kien jagħti qabel u dan hu frott ta' snin twal meta d-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u l-ġustizzja soċjali kienu mħarsa u mħaddma fil-ħajja ta' kuljum. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jiżdiedu l-floaters għaliex l-iżviluppi kbar li saru fl-edukazzjoni jgħinu lill-bniedem jaħseb b'moħħu u jiddeċiedi hu x'inhu l-aħjar għalih personali u għall- pajjiż. Sfortunatament hemm t-tendenza li wieħed jieħu ċerti affarijiet 'for granted' u għalhekk jaħseb li dak li kiseb ma jistax jitilfu u jaħseb biss fil-politika meta jintlaqat ħażin hu jew il-familja tiegħu. Dwar ir-rwol tan-nisa, kuntenta ħafna li mis-6 MEPs, hemm 4 minnhom nisa, mhux għax nisa imma għax kapaċi. Anke dan hu frott tax- xogħol li sar f 'dawn l-aħħar għexieren ta' snin fil-qasam tal-edukazzjoni, fil-qasam tad- drittijiet tan-nisa u fl-inċentivi u f 'kundizzjonijiet tajba li ngħataw lin-nisa biex ikunu jistgħu jiffurmaw ruħhom u jsibu xogħol li jixirqilhom, mingħajr ma jonqsu mid- doveri tagħhom lejn il-familja. Jidher li l-kultura f 'pajjiżna qed tinbidel u hu sinjal pożittiv li fil-Parlament Malti, il-PN fl-Oppożizzjoni għandu 5 nisa minn 30 deputat u għall-PL fil-Gvern hemm 4 minn 39. Jalla dawn in-numri jkomplu jitkattru. "Kuntenta bir-riżultat mhux għax nisa, imma għax kapaċi" Claudette Abela Baldacchino Marion Pace Asciak